Raħal Ġdid: Ġnien San Alwiġi – applikazzjoni nru TRK/00266472
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2135 jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar l-applikazzjoni li saret lill-Awtorità tal-Ippjanar nru TRK/00266472 sabiex jiġi rranġat Ġnien San Alwiġi, f’Raħal Ġdid?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13938, ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba sottomessa bin-numru TRK 266472 ġiet ikkunsidrata bħala kompluta fit-23 ta’ Jannar, 2023 u l-applikazzjoni ngħatat in-numru PA 00253/23. Din l-applikazzjoni ġiet ipproċessata u ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Ippjanar, nhar il-21 ta’ Novembru, 2023.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Servizzi ta’ kumpanija privata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tiegħu tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li f’din il-leġiżlatura ma ngħataw l-ebda kuntratti lill-kumpanija msemmija.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u jgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12702 u ċjoè: Peress illi biex ikun hemm żvilupp ta’ stalel taż-żwiemel f’żoni barra mill-iżvilupp jeħtieġ dikjarazzjoni uffiċjali tas-sjieda jew reġistrazzjoni taż-żwiemel, u fid-dawl ta’ lakuni li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta’ diversi stalel irreġistrati fuq żiemel/żwiemel li ma jkunux sidien tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk tkunx mistħarrġa l-veraċità tad-dokumenti preżentati fir-reġistrazzjoni taż-żiemel/żwiemel? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kif tkun iċċekjata l-veraċità tad-dokumenti? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn dawn ma jiġux iċċekjati, meta jistgħu jwasslu għal abbużi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull permess ghall-iżvilupp relatat ma’ stalel taż-żwiemel ikun suġġett għal konsultazzjoni mad-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja (VRD) fi ħdan il-Ministeru ghall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, li huwa l-Awtorità kompetenti f'dan il-qasam. Il-VRD iżomm reġistru ta' żwiemel u s-sidien tagħhom li jiġi kkonsultat fil-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp. Fil-proċess ta' reġistrazzjoni taż-żwiemel, il-VRD tagħmel il-kontrolli neċessarji tad-dokumenti li jkunu mitluba parti mill-proċess sabiex tkun żgurata il-veraċità tagħhom.
Fid-dawl li fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar (EApps) il-pubbliku inġenerali huwa projbit milli jara numru ta’ dokumenti sottomessi minn applikanti, awtoritajiet u partijiet terzi meta ssir applikazzjoni għal permess mal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji li abbażi tagħhom ikun deċiż x’dokumenti jintwerew lill-pubbliku?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-kriterji li abbażi tagħhom ikun deċiż x’dokumenti jintwerew lill-pubbliku huma dawk li tippermetti l-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’dettalji tipprovdi l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) lill-iżviluppaturi meta twaqqaf xogħlijiet ta’ kostruzzjoni permezz ta’ Stop Work Notice?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li meta l-Permitting Section tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni toħroġ Stop Work Notice, tipprovdi informazzjoni skont kull każ partikolari, li jistgħu jkunu fost l-oħrajn dwar assigurazzjoni skaduta, verifika aġġornata ta’ method statement, nuqqas ta’ condition reports lil terzi, ħsarat li jkunu qed isiru lil terzi u każijiet oħra.
Ninsab infurmat ukoll li meta Stop Work Notice tinħareġ mis-Sezzjoni tal-infurzar minħabba ksur tar-regolamenti, din ikollha dettalji dwar żmien stipulat għal rimedju min-naħa tal-iżviluppatur u l-ammont ta’ penali meta jkun il-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid għal kull sena, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, lokalità b’lokalità:
a. kemm irċeviet applikazzjonijiet ta’ żvilupp l-Awtorità tal-Ippjanar;
b. kemm l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet rappreżentazzjonijiet u/jew objections mingħand għaqdiet non-governattivi; u
ċ. kemm l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet rappreżentazzjonijiet u/jew objections mingħand il-pubbliku inġenerali?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm irċeviet applikazzjonijiet ta’ żvilupp l-Awtorità tal-Ippjanar fis-snin imsemmija (sal-20 ta’ Novembru 2023), lokalità b’lokalità. L-istess tabella tindika kemm il-persuna daħlet rapreżentazzjonijiet (li jafu jkunu favur jew kontra żvilupp) fl-istess każijiet u kemm il-rappreżentazzjoni daħlet fl-istess każijiet (minħabba li l-istess persuna tista’ ddaħħal aktar minn rappreżentazzjoni waħda. Mill-mod ta’ kif tinżamm l-informazzjoni fis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar, mhux possibbli li wieħed jifred ir-rappreżentazzjonijiet mingħand għaqdiet non-governattivi minn dawk tal-pubbliku inġenerali minħabba li dawn għandhom l-istess drittijiet f’għajnejn il-liġi fejn jikkonċerna reġistrazzjoni ta’ interess f’applikazzjoni.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar matul l-2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li hemm bosta Direttivi, kif ukoll Regolamenti tal-Unjoni Ewropea li l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar jimplimenta fil-funzjoni tiegħu ta’ kuljum. Fis-sena 2023 ġiet trasposta d-Direttiva (UE) 2021/1187 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar ir-razzjonalizzazzjoni ta’ miżuri li jmexxu ’l quddiem it-twettiq tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) permezz ta’ leġislazzjoni sussidjarja ġdida L.S. 552.32 fil-Liġi ta’ Malta. Ninsab infurmat ukoll li l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar m’għandux traspożizzjonijiet pendenti għall-2023.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Applikazzjonijiet għal bini ta’ faċilitajiet reliġjużi
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet għal bini ta' faċilitajiet reliġjużi, jew faċilitajiet ta' talb li jinsabu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar bhalissa? X'tip ta' faċilità qiegħda tintalab minn kull applikazzjoni? F'liema lokalitajiet saru dawn l-applikazzjonijiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13597, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjoniiet għal żvilupp li għadhom mhux deċiżi mill-Awtorità tal-Ippjanar, fejn il-proposta tal-iżvilupp provduta mill-perit fl-applikazzjoni tinkludi l-kliem: ‘worship', ‘prayer', ‘church', ‘chapel', 'mosque', 'talb', 'knisja', 'kappella', 'moskea’. Dan ifisser li jista’ jkun hemm applikazzjonijiet oħra quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal faċilitajiet reliġjużi li mhux inklużi fil-lista minħabba d-deskrizzjoni tal-iżvilupp li tkun intużat fl-istess applikazzjoni.
Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann – tiswijiet taċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 7954, 9172 u 11145 jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li x-xogħlijiet ta’ tiswija fi Triq San Ġwann, ġewwa l-Belt Valletta, isiru b’mod aktar urġenti?
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – Nefqa fuq reklamar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12859 u jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-nefqiet tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-entitajiet li jaqgħu taħtu f’reklamar fuq Facebook mis-27 ta’ Marzu 2022 sal-lum.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar biddlitx xi policies tagħha dwar il-ħruġ ta' permessi għal change of use fil-lokalitajiet residenzjali għal dak li jikkonċerna d-daqs ta' proprjetajiet li jistgħu jintużaw għal skopijiet kummerċjali (bħal supermarkets)? Jista’ jgħid ukoll kemm hu d-daqs li hu permissibbli biex proprjetà tintuża għal dan il-għan?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar ma biddlitx policies tagħha dwar il-ħruġ ta' permessi għal change of use fil-lokalitajiet residenzjali għal dak li jikkonċerna d-daqs ta' propjetajiet li jistgħu jintużaw għal skopijiet kummerċjali.
Ħwienet żgħar ta’ 50 metru kwadru u oħrajn ta’ konvenjenza (bħal stationery, grocer u bazaar) ta’ 75 metru kwadru huma permissibbli f’lokalitajiet residenzjali. Ħwienet akbar huma permissibbli biss jekk fiż-żona hemm numru konsiderevoli ta’ ħwienet ta’ daqs akbar minn dak indikat, u dan skont il-provedimenti tal-Partial Review of Subsidiary Plans: General Policy relating to Regeneration/Consolidation Initiatives tas-sena 2013.
F’dawk li huma ‘supermarkets’ ta’ daqs akbar minn 500 metru kwadru, il-pjanijiet lokali jiskoraġġixxu li dawn jiġu kkunsidrati b’mod pożittiv fil-lokalitajiet residenzjali. Madankollu, jekk jirriżulta illi ma hemmx siti alternattivi f’żoni kummerċjali oħrajn fl-istess lokalità fejn jista’ jiġi akkomodat ‘supermarket’, wieħed ikun jista' jibda jikkonsidra tali proposti każ b’każ, liema proċess ikun qiegħed jevalwa l-livell ta’ impatt li jista' jinħoloq għar-residenti tal-madwar.
Il-Kalkara — Triq li tagħti mill-Bajja tar-Rinella għall-Fortizza – Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11309 dwar xogħlijiet biex it-triq li mill-Bajja tar-Rinella tagħti għall-Fortizza fil-Kalkara tiġi rranġata, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit pjan ta’ xogħol u stima billi t-triq hija prevista li tkompli taqa’ bil-maltemp li jiġi tul ix-xhur tax-xitwa?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jipprepara sejħa għall-offerti għat-tiswija u r-restawr tal-istruttura li fuqha hija mibnija t-triq.
Huwa pjanat li din is-sejħa tiġi ppubblikata fil-bidu tas-sena d-dieħla u x-xogħol jitwettaq iktar tard f’dik is-sena.
Belt Valletta – Triq in-Nofsinhar — tiswijiet fiċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11148 dwar xogħol fuq iċ-ċangatura fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt, Valletta, jista’ l-Ministru jgħid x’passi jistgħu jittieħdu sabiex tonqos il-ħsara li hemm f’din it-triq?
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — Positions of Trust - Salarji
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji kollha għall-persuni kollha li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu għas-sena 2022?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Imqabba kienx notifikat mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq l-applikazzjoni PA/6976/21 bid-deskrizzjoni 'Proposed relocation of tarmac and concrete batching plant (as approved by DN/529/20)' fix-Xagħri l-Imqalleb, Mqabba? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jqiegħed kopja ta' din in-notifika fuq il-Mejda tal-Kamra? F'każ li l-Kunsill Lokali tal-Imqabba ma kienx notifikat, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex dan ma sarx?
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10691, 11855 u 13082, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-applikant tal-permess PA3807/17, liema ftehim hu kundizzjoni tal-permess?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim mitlub mill-Onor. Interpellant.
Żviluppi high-rise — policy dwar ħarsien minn terremoti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13081, jista’ l-Ministru jgħid meta ser titfassal il-policy fiż-żmien li ġej dwar żviluppi high-rise u l-ħtieġa li jkunu mħarsa minn eventwalità ta’ terremot?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Filwaqt li nerġa’ nagħmel referenza għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija preċedenti, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-policy msemmija ser tkun imfassla bħala parti mit-tfassil tal-qafas regolatorju tal-Building Codes li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom quddiem l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.