Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ħaddiema li huma minn skala 6 ’l fuq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, fil-mument li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li huma minn skala 6 ’l fuq? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għadd ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt dan il-Ministeru hu ta’ 455, li minnhom 322 huma rġiel u 133 nisa.
Wied il-Għajn — Triq Sant'Antnin u Pjazza Mifsud Bonnici - traffic lights
Question
Jista' l-Ministru jara li t-traffic lights ta' Triq Sant'Antnin u Pjazza Mifsud Bonnici f'Wied il-Għajn jerġgħu jinxtegħlu hekk kif ilhom mitfijin ġimgħatejn?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat minn Transport Malta li għamlet spezzjoni fuq il-post u sabet li hemm xi ħsarat. Dawn il-ħsarat ġew irrapurtati lill-Infrastructure Malta sabiex Transport Malta tingħata aċċess għal wieħed mill-kuntratturi ta’ emerġenza. Ix-xogħolijiet neċċessarji għandhom jibdew fil-jiem li ġejjien.
L-Imsida — Tal-Qroqq u Triq Calleja Schembri – irranġar ta’ toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li t-toroq Calleja Schembri u tal-Qroqq li f'ċerti partijiet minnhom huma fi stat ħażin, ser jiġu rranġati b'wiċċ ġdid u li jixraq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
Iż-żewġ toroq indikati diġà kienu ppjanati minn Infrastructure Malta biex jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Artijiet agrikoli imqabbla bil-metodu in solidum – trasferiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir jew xi pjan għandu biex artijiet agrikoli, imqabblin bil-metodu hekk imsejjaħ in solidum, ikunu jistgħu jiġu trasferiti fi ftit żmien u bla wisq xkiel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li l-mistoqsija ma hiex ċara u jeħtieġ li ikun kjarifikat il-kontenut sabiex tingħata tweġiba ġusta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16924 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm inxtraw djar minn barranin mill-2017 sal-lum?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont ir-rekords tal-Awtorità tal-Artijiet, inxtraw żewġ propjetajiet minn barranin fil-perjodu kkonċernat.
Ħal Tarxien — Triq Joseph Burlo - art f'idejn dipartiment fi ħdan il-Ministeru
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li hemm fi Triq Joseph Burlo f'Ħal Tarxien faċċata tal-Iskola Maria Goretti hiex f'idejn il-Ministeru ? Jekk iva, huwiex previst li jsir xi żvilupp fuqha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sabiex inwieġbu d-domanda b’mod korrett, jeħtieġ li jkollna l-indirizz sħiħ tal-propjetà li qed jirreferi għaliha.
Tender 'IM026/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System to carry out Construction, Refurbishment and/or Upgrading works on Marine and Coastal Infrastructure along the Maltese Islands' Coast obo IM'
Question
Jista’ l-Ministru jispjega u jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender 'IM026/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System to carry out Construction, Refurbishment and/or Upgrading works on Marine and Coastal Infrastructure along the Maltese Islands' Coast obo IM' u jgħid xi proġetti hemm ippjanati li jsiru u x’valur għandhom ġewwa Għawdex u Malta permezz ta’ din l-imsemmija tender?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna.
Fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha wkoll it-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Fost ix-xogħlijiet li qed twettaq fil-qasam marittimu, Infrastructure Malta bħalissa għaddejja bil-proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr, bil-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten Marsaxlokk, tiswijiet ta’ strutturi u bini mill-ġdid ta’ mollijiet f’Wied il-Għajn, fil-Bajja ta’ San Tumas u ċ-Ċirkewwa, kif ukoll bini ta’ faċilitajiet ġodda għat-trasport bil-lanċa f’Tas-Sliema u Bormla.
Il-kunċett ta’ Dynamic Purchasing System hu li jkun hawn numru ta’ kuntratturi li jirreġistraw l-interess tagħhom biex jaghmlu xogħol ta’ strutturi tal-baħar. Meta jkun hemm bżonn li jsir proġett ta’ din ix-xorta, issir dik li tissejjaħ ‘specific call’ bejn dawn il-kuntratturi li jkunu rreġistraw u għaddew mill-ewwel fażi ta’ evalwazzjoni dik li tissejjaħ Amministrattiva. Il-kuntrattur li jagħti l-orħos offerta jingħata x-xogħol.
Din it-tip ta’ sejħa għall-offerti hi waħda ġenerika u mhix marbuta ma’ proġett/i partikolari. Dan il-mudell ta’ ‘procurement’ jintuża biex jagħti l-flessibbiltà li meta tinqala’ biċċa xogħol ikun hemm parti mix-xogħol relatat mas-sejħa għall-offerti diġà lest u tiffaċilita l-proċess tal-għażla tal-kuntrattur. Din il-proċedura toħroġ mill-Public Procurement Regulations u hija approvata wkoll mid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti.
Xogħlijiet li jistgħu jsiru b’dan it-tip ta’ sejħa għall-offerti jinkludu bini u/jew tiswija ta’ mollijiet, breakwaters, skali u strutturi oħrajn madwar il-kosta Maltija. Sistemi ta’ akkwist bħal dawn jgħinu lil Infrastructure Malta twieġeb b’aktar ħeffa għall-ħtiġijiet infrastrutturali ta’ diversi setturi marittimi, speċjalment f’każi ta’ ħsarat ikkaġunati minn maltemp jew kawżi oħrajn mhux mistennija, u li minbarra li joħolqu perikli pubbliċi, jxekklu l-ħajja soċjali u ekonomika tal-inħawi konċernati.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16995, jista' l-Ministru jwieġeb u jgħid meta (jum) Transport Malta għamlet rapport lill-Pulizija dwar is-cyber attack?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-pulizija ġiet infurmata l-Ħadd, 27 ta’ Settembru 2020.
Il-Miżieb u l-Aħrax — Ftehim mal- Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li jirrigwardja ż-żoni tal-Miżieb u tal-Aħrax?
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma’ persuni bil-COVID-19?
Transport Malta — inkjesta maġisterjali fuq is-cyber attack
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn min intalbet l-Inkjesta Maġisterjali dwar is-cyber attack fi Transport Malta f'Settembru li għadda? F'liema data infetħet?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal mistoqsijiet parlamentari PQ16783 tas-Seduta 382 u PQ 16995 tas-Seduta 388.
Jista’ l-Ministru jipprovdi dettalji dwar it-tenders maħruġa mill-Awtorità tal-Artijiet għax-xiri, ċens u/jew kera ta’ art u/jew proprjetà mmobbli tul is-snin 2016, 2017, 2018, 2019 u 2020 u min tefa’ l-offerti u min rebaħ it-tenders u f’liema data?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba diġà nħarġet fil-pubbliku, skont il-liġi.
(Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokumenti PL5706 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 399 nhar l-Erbgħa 11 ta' Novembru 2020)
Il-Mosta — Żona ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi seħħew minn żmien tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8104 sal-lum? Jista’ jgħid meta se jinbena l-ħajt li kien dovut li jinbena meta nfetħet it-Triq il-Biedja u Triq Mons Edgar Salamone fil-Mosta peress li r-residenti f’dawn it-toroq għadhom jistennew il-bini tal-ħajt fit-toroq rispettivi tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
Ix-xogħol indikat se jsir fil-ġimgħat li ġejjin. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-fehma modesta tiegħi, mhux etika li niżvelaw informazzjoni privata fuq saħħet il-ħaddiema.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16783, jista' l-Ministru jgħid:
a. jekk Transport Malta talbitx il-ftuħ ta' Inkjesta Maġisterjali;
b. jekk iva, meta;
c. jekk le, għala;
d. jekk le, għala huwa ma ordnax waħda?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet rapport lill-Pulizija Eżekuttiva u li b’konsegwenza ġiet skattata Inkjesta Maġisterjali li għadha għaddejja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta' proġetti wettqet l-entità Projects Plus ġewwa l-gżira ta' Għawdex minn meta twaqqfet sal-lum u x' kien il-valur tagħhom? Jista’ jgħid ukoll x'proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Plus ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 u s-sena 2021?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-irwol ta’ Projects Plus Limited huwa li toffri għajnuna teknika lil dawk il-Ministeri u entitajiet li jkunu qed iwettqu xi proġett infrastrutturali. Fil-preżent Projects Plus qed taħdem id f’id ma’ numru ta’ Ministeri u entitajiet fuq diversi proġetti f’oqsma differenti li jvarjaw minn proġetti fil-kamp sportiv, għall-bini ta’ parkeġġi pubbliċi, bini ta’ djar tal-anzjani kif ukoll il-bini tal-appartamenti tal-housing soċjali li qed isiru f’diversi lokalitajiet madwar Malta.
Projects Plus tħares ‘il quddiem biex hekk ikun hemm opportunità, fil-futur taħdem ukoll id f’id mall-Ministeru għal Għawdex fuq proġetti għall-gżira Għawdxija.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-dgħajjes kollha tat-turisti liċenzjati, inkluż id-dgħajjes li joperaw il-ferry Sliema – Valletta u Three Cities ferry to Valletta humiex konformi mal-NCV Code u nħarġilhomx ċertifikat relattiv tan-NCV compliance kif tesiġi l-liġi wara li jiġu konfermati li ssodisfaw ir-riżultati kollha li jesiġi l-kodiċi? Jekk le, l-Awtorità qed tapplika u tenforza r-regolamenti tal-kodiċi NCV għad-dgħajjes kollha biex taċċerta a level playingfield għal kulħadd? Hemm xi dgħajjes partikolari li joperaw f’dan il-qasam li għandhom eżenzjonijiet jew derogi mir-rekwiżiti tal-NCV Code? Jekk iva, liema huma dawn id-dgħajjes? Jista’ ġentilment iwieġeb il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li taħt l-NCV Code m’hemm ebda kategorija ta’ opri tal-baħar taħt l-isem ta’ dgħajjes tat-turisti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-wegħda li bdiewa ġodda jkunu vvantaġġjati fl-għoti ta' qbiela tal-Gvern daħlitx fis-seħħ? Jistax jgħid ukoll x'inhuma r-rekwiżiti biex persuna tkun eliġibbli?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji dwar x’jifhem bih ‘bidwi ġdid’, sabiex l-informazzjoni provduta lilu tkun korretta u pertinenti għad-domanda tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il art b'titlu ta' qbiela ngħatat lill-bdiewa kkunsidrati ġodda mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?