Jista’ l-Ministru jgħid fl-2020 liema kienu l-pajjiżi fiż-Żona Ewro bl-għola rata ta’ In-Work Poverty u kif din tikkumpara ma’ dik f’Malta?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-pajjiż bl-ogħla rata ta’ In-Work Poverty fl-2020 kien il-Lussemburgu b’rata ta’ 11.9%, segwit minn Spanja bi 11.8%, il-Ġermanja b’10.6%, il-Ġreċja b’9.9% u l-Portugal b’9.5%.
Dan ifisser li ir-rata tal-Lussemburgu hija 4.5% aktar minn dik f’Malta, filwaqt li r-rati ta’ Spanja, il-Ġermanja, il-Ġreċja u l-Portugal huma rispettivament 4.4%, 3.2%, 2.5% u 2.1% ogħla minn ta’ pajjiżna.
Iċ-ċifri tal-Italja għall-2020 għadhom ma humiex ippublikati. Fl-2019 l-Italja kellha rata ta’ In-Work Poverty ta’ 11.8% u allura x’aktarx meta ċ-ċifri għall-2020 jiġu ppublikati, dan il-pajjiż jiġi mal-ewwel ħamsa u jieħu post il-Portugal.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Lussemburgu li għandu rata ta’ In-Work Poverty aktar minn darba u nofs ogħla minn ta’ Malta huwa l-pajjiż bl-aktar paga minima ġeneruża fl-Unjoni Ewropea. Din tlaħħaq sa €2,708.35 fix-xahar.
Dan jindika li r-rata ta’ In-Work Poverty ma tistax tiġi nterpretata bħala li tfisser li dawn il-persuni huma f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali jew faqar. Fil-fatt il-Lussemburgu huwa wieħed mill-pajjiżi bl-anqas rati ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ caħda materjali fl-Unjoni Ewropea.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet tkun ir-rata ta’ In-Work Poverty bejn l-2012 u l-2020 kieku tintuża l-Poverty Threshold adottata mill-Joint Research Centre tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri dħul disponibbli ta’ €6,000?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn kalkoli tekniċi li saru minn dan il-Ministeru, jekk jintuża livell ta’ dħul disponibbli ta’ €6,000 għas-sentejn in kwestjoni, ir-rata ta’ In-Work Poverty tkun ta’ 3% għall-2012 u 0.5% għall-2020.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata u n-numru ta’ persuni mċaħħda materjalment kull sena mill-2012 lil hawn? Separatament jista’ jgħid ukoll kemm kienet ir-rata u n-numru ta’persuni mċaħħda materjalment severament kull sena mill-2012 ’lil hawn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jidher fit-tabella t’ hawn taħt, ir-rata ta’ dawk f’caħda materjali naqset minn 19.4% fl-2012 għal 8.7% fl-2020. Dan ifisser tnaqqis ta’ 36,463 persuna minn 80,196 persuna mċaħħda materjalment fl-2012 għal 43,733 fl-2020.
Rata u numru ta’ persuni mċaħħda materjalment
SenaRata %Numru ta’ persuni
201219.480,196
201319.982,253
201419.983,876
201515.567,028
201610.245,228
20178.036,019
20188.740,754
20198.440,731
20208.743,733
Minn naħa l-oħra ir-rata ta’ dawk f’caħda materjali severa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt naqset minn 9.5% fl-2012 għal 3.3% fl-2020. Dan ifisser tnaqqis ta’ 22,617-il persuna minn 39,253 persuna mċaħħda materjalment severament fl-2012 għal 16,636 fl-2020.
Persuni mċaħħda materjalment severament
SenaRata %Numru ta’ persuni
20129.539,253
201310.242,210
201410.343,178
20158.536,646
20164.419,521
20173.314,833
20183.014,246
20193.617,506
20203.316,636
Dan it-titjib ġie irreġistrat anke minkejja żieda sostanzjali fil-popolazzjoni tagħna fl-aħħar snin.
Joint Research Centre – studju dwar dħul biżżejjed għal standard of living adegwat
Question
Dwar l-istudju tal-Joint Research Centre, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-rata tal-popolazzjoni f’pajjiżna li għandhom dħul biżżejjed għal standard of living adegwat? Din kif titqabbel ma’ pajjiżi oħrajn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-istudju tal-Joint Research Centre tal-Kummissjoni Ewropea, Malta għandha l-akbar rata tal-popolazzjoni li għandha dħul biżżejjed biex ma taqax f’faqar assolut. Huma fil-fatt 98.5% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna li huma f’din il-qagħda.
B’kuntrast fir-Rumanija huma 35% biss tal-popolazzjoni li għandhom dħul biżżejjed biex biex ma jaqgħux f’faqar assolut.
Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pajjiżi li kienu membri tal-Unjoni Ewropea qabel l-2004 bħal Franza u l-Italja, fil-maġġoranza tagħhom għandhom bejn 80% u 90% tal-popolazzjoni tagħhom bi dħul li ma jaqgħux f’faqar assolut. Fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant li daħlu membri wara l-2004, minn tal-anqas terz tal-popolazzjoni tagħhom huma f’sitwazzjoni ta’ faqar assolut.
Jista’ l-Ministru jgħid kif jitqabbel l-ammont ta’ dħul li hemm bżonn f’pajjiżna biex ikollna standard of living adegwat u kif dan jikkumpara ma’ dak li hemm bżonn fil-bqija tal-Unjoni Ewropea?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont studju tal-Joint Research Centre tal-Kummisjoni Ewropea, biex persuna adulta waħda ikollha livell minimu ta’ għajxien f’pajjiżna u ma titqiesx li hi f’faqar assolut għandha bżonn dħul ekwivalizzat ta’ €500 fix-xahar.
B’kuntrast fid-Danimarka persuna għall-istess livell ta’ għajxien għandha bżonn dħul ta’ mill-anqas €1,600 fix-xahar. Dan huwa l-ogħla ammont madwar l-Unjoni Ewropea.
Fil-Polonja min-naħa l-oħra wieħed issib l-anqas bżonn ta’dħul għal livell minimu ta’ għajxien. F’dan il-pajjiż dan jiġi milħuq bi dħul ta’madwar €350 fix-xahar.
Huwa biss fil-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija li hemm bżonn ta’ dħul anqas minn dak li hemm bżonn f’Malta. Minkejja dan iżda, huwa f’Malta fejn hemm l-anqas nies (1.5% tal-poplazzjoni) li ma jilħqux il-livell minimu ta’ pajjiżhom.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-istudju tal-Joint Research Centre fuq faqar assolut jikkonfermax l-andament pożittiv li joħroġ anke mill-istatistika dwar dawk f’ċaħda materjali severa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju tal-Joint Research Centre tal-Kummissjoni Ewropea jindika li huma biss 1.5% tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna li ma għandhomx dħul biżżejjed biex ikollhom livell minimu ta’ għajxien u allura meqjusa li huma f’faqar assolut. Dan ipoġġi lil pajjiżna fl-aħjar post minn fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
L-istatistika ta’ dawk f’ċaħda materjali severa tindika rata ta’ 3.3% għal pajjiżna. Din ukoll hija fost l-anqas madwar l-Unjoni Ewropea, u hija terz tar-rata li pajjiżna kellu fl-2013.
Għalhekk jirriżulta li ż-żewġ kejlijiet differenti, sostanzjalment jaqblu fl-analiżi tagħhom dwar il-popolazzjoni tagħna.
Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità – għajnuna lill-anzjani vulnerabbli
Question
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ anzjani vulnerabbli u x’għajnuna (lokalità, b’lokalità) ġew mogħtija lil dawn l-anzjani f’dawn l-aħħar tliet snin mill-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — organogramma
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura (organogramma) tas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari (fil-ka¿ li hemm wieħed)? Jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu diġà jaħdmu mas-servizz pubbliku u kemm minnhom qed jaħdmu bħala “persons of trust”?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Rapport tal-Ombudsman dwar ħaddiema tad-Dipartiment tad-Dwana
Question
B’referenza għad-domanda parlamentari 23702, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x’parir legali għandu fir-rigward tar-rapport tal-Ombudsman bir-referenza T0128 li jittratta l-pensjoni ta' madwar 21 ħaddiem mid-Dipartiment tad-Dwana?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parir legali kien li r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman ma tistax tintlaqa’ għaliex tmur kontra d-disposizzjonijiet tal-Ordinanza tal-Pensjonijiet (Kap. 93 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat minnha, L-Ministeru tiegħi u l-entitajiet li jaqgħu taħti, ma taw xejn minn dak imsemmi fil-mistoqsija tagħha, jiġifieri “kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali)” lill-ebda waħda mill-entitajiet li staqsiet dwarhom.
Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — Tiġdid ta' telework/remote working
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22994 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm persuni b'diżabilità f'Malta jirċievu pensjoni tad-diżabilità? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni jirċievu pensjoni li hi ekwivalenti fl-ammont għall-paga minima nazzjonali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, f’Malta hawn 5111 ‘il persuna li jirċievu Assistenza għal Diżabilità. Minn dawn hemm 857 li qed jirċievu l-Assistenza Miżjuda għal Diżabilita Severa u jitħallsu fl-ekwivalenti tal-Paga Minima Nazzjonali Netta.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22995 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm persuni li qed jirċievu pensjoni tad-diżabilità qegħdin ukoll jaħdmu? Jista’ jgħid jekk jeżistix xi studju li jispjega l-impatt tal-pensjoni tad-diżabilità fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' min jirċeviha?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ persuni li jirċievu l-Assistenza għal Diżabilita u jaħdmu huwa ta’ 1,805. Inżid ninfurma lill-Onor. Interpellant li ma sarx studju speċifiku kif indikat minnu. Madanakollu, ta’ min jirrimarka illi il-fatt li d-dħul kollu mill-impjieg ma jiġix ikkunsidrat fl-assessjar tal-każ, dan żgur li jħalli impatt pożittiv fuq min jibbenefika minn dan. Inżid ingħid ukoll
li bħala miżura tal-Baġit 2022 issa qed jiġi injorat kull dħul ieħor li jista’ jkollha persuna b’diżabilita’ meta japplika għall-Assistenza għal Diżabilità Severa jew Assistenza għal Diżabilità u dan ukoll se jkompli jħalli impatt posittiv.
Tfal li jintbagħtu għal servizzi ta’ terapija u taħriġ fil-privat – għajnuna lill-ġenituri
Question
Jista' l-Ministeru jispjega lill-Parlament x'għajnuna jirċievu ġenituri ta' tfal b'diżabilità li fil-preżent jibagħtu lil dawn it-tfal għal servizzi ta' terapija u taħriġ fil-privat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ġenituri tat-tfal b’diżabilita’taħt is-16-il sena, jirċievu id-Disabled Child Allowance (DCA) li għas-sena 2022 ir-rata hija ta’ €30 fil-ġimgħa wara li għoliet b’€5 oħra fil-ġimgħa.
Malli l-minuri jgħalaq/tgħalaq 16-il sena, minflok id-DCA. il-minuri jibda jirċievi f’ismu jew f’isimha, l-Assistenza għal Diżabilità Severa (SDA), irrispettivament jekk l-persuna hijiex f’impjieg jew le. L-SDA fl-2022 ser ikun qed jammonta għal €109.52c fil-ġimgħa. F’każi fejn l-persuna ma tistax taħdem minħabba d-diżabilita’ tagħha, l-persuna b’diżabilita’ tista’ tirċievi l-Assistenza għal Diżabilità Severa Miżjuda (ISDA), li issa tammonta għal €164.90c fil-ġimgħa.
L-għajnuniet msemmija (DCA, SDA u ISDA) ma jingħatawx abbażi tas-servizzi ta’ terapeija u taħriġ privat mogħti lit-tfal jew persuni b’diżabilità. Rigward għajnuniet oħra li jingħataw lil ġenituri ta’ tfal b’diżabilita’ nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23444 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità attiva u li issa ġiet riferuta lilu u jindika kemm hemm anzjani li huma f’xi sptar pubbliku bħala social cases?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Programm ta’ riabilitazzjoni minħabba l-vizzju tax-xorb
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23652, 23463 u 23076 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22705, jista’ l-Ministru jgħid:
1) Kemm hemm persuni li qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni mill-alkoħol mal-Caritas u mal-Oasi?
2) Kemm hu t-total ta’ persuni f’Malta li qed isegwu programm minħabba l-problema tax-xorb?
3) Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 23755, fir-rigward ta’ statistika għall-Fondazzjoni Oasi, hekk kif it-tweġiba kienet tikkonsisti għal għajnuna li l-Fondazzjoni tagħti b’mod kumpless, lil klijenti tagħha. Fir-rigward ta’ informazzjoni relatata mal-klijenti tal-
Organizzazzjoni Caritas li għandhom problema ta’ xorb, ninforma lill-Onor. Interpellanta li din l-informazzjoni tkun qed tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23647 u jikkonferma li fil-ħin li qed issir din il-mistoqsija, il-liġi li tipproteġi t-Tfal (Child Protection Act – Alternative Care) Kap 569 tal-liġijiet ta’ Malta għadha m’hijiex in vigore? Jista’ jgħid meta se tidħol in vigore sabiex verament tipproteġi t-tfal kif suppost?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta, li hekk kif hemm avżat fuq is-sit elettroniku dwar il-Liġijiet ta’ Malta, din il-liġi li qed tirriferi għaliha fil-mistoqsija tagħha, i.e. Kap 569, qatt ma ddaħlet fis-seħħ għax ġiet sostiwita u superata mill-liġi attwali li hi fis-seħħ. Jiġifieri Att XXIII tal-2019 li issa huwa Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta, liema att daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju, 2020.
Għall-benefiċċju tal-Onor. Interpellanta kopja tal-iscreenshot tal-paġna elettronika relattiva li tikkonferma t-tagħrif li tajtha f’din it-tweġiba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra .
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23648, 22700, 22943 u 23458 u jgħid kemm kienu l-individwi u/jew koppji li qed jistennew li jaddottaw tfal minn barra minn Malta mill-2015 sal-2020, sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, t-tabella t’hawn taħt tindika kemm kien hemm individwi u/jew koppji li qed jistennew li jaddottaw tfal minn barra minn Malta, fis-snin indikati mill-Onor. Interpellanta.
201520162017201820192020
61947910211085