Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ġenituri waħedhom - Riskju ta’ faqar

Question

Fid-dawl li skont il-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, ġenituri waħedhom huma f'riskju ta’ faqar assolut, jista’ l-Ministru jgħid b’mod prattiku x’miżuri ser jieħu biex ġenituri waħedhom, speċjalment nisa, ma jispiċċawx fil-faqar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Niġbed l-attenzjoni tal- Onor. Interpellanta li l-pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali li kkwotat, speċifikament, Tabella 1c, tindika li bejn l-2012 u l-2024, id-dħul disponibbli ta’ ġenituri waħedhom żdied b’ 72%, l-istess perċentaġġ ta’ tkabbir osservat fost koppji ġenituri. Dan huwa riżultat ta’ miżuri bħac-childcare b’xejn u t-tapering tal-benefiċċji. Studji tal-Bank Ċentrali urew li kemm ic-childcare u kif ukoll it-tapering kellu effett pożitiv qawwi fuq il-ġenituri waħedhom. Mill-2012 ’il quddiem kien hemm tnaqqis ta’ 3.8 punti perċentwali fil-proporzjon f’riskju ta’ faqar u tnaqqis ta’ 43.5 punti perċentwali fil-proporzjon f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali. It-titjib reġistrat mistenni jiżdied bit-tax cuts għall-ġenituri u żidiet f’benefiċċji oħrajn bħaċ-Childrens Allowance u l-In-Work Benefit.

Persuni waħedhom - Riskju ta’ faqar

Question

Fid-dawl li skont il-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fl-2024 persuni li kienu waħedhom kienu f'riskju tal-faqar, b’14% riskju ogħla minn kemm kienu fl-2012, jista’ l-Ministru jgħid b’mod prattiku x’miżuri ser jieħu biex persuni waħedhom ma jispiċċawx fil-faqar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-publikazzjoni tal-Bank Ċentrali li kkwotat tispjega liż-żieda f’din ir-rata ma tirriflettix sitwazzjoni ta’ persuni jgħixu waħidhom li marret għall-agħar. Anzi l-istess pubblikazzjoni spjegat f’Tabella 1c li bejn l-2012 u l-2024 id-dħul disponibbli ta’ nies jgħixu waħedhom f’pajjiżna kiber b’66%.

Riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali - Persuni ’l fuq minn 65 sena

Question

Fid-dawl li skont il-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, persuni li għandhom ’il fuq minn 65 sena huma f’riskju ogħla ta’ faqar u esklużjoni soċjali, b’nisa anzjani huma saħansitra 9.5% f’riskju ogħla li jispiċċaw fil-faqar u esklużi, jista’ l-Ministru jgħid b’mod prattiku x’miżuri ser jieħu biex anzjani, speċjalment nisa, ma jispiċċawx fil-faqar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-pubblikazzjoni tal-Bank Ċentrali msemmija, fil-fatt hemm spjegat li ż-żieda f’din ir-rata ma tfissirx li l-qagħda tan-nisa anzjani marret għall-agħar. Anzi l-istess pubblikazzjoni spjegat f’Tabella 1b li bejn l-2013 u l-2024 id-dħul disponibbli tan-nisa anzjani f’pajjiżna kiber b’50.2%, jew ferm aktar miż-żieda osservata fost nisa anzjani Ewropej, li raw żieda ta’ 30.9% fl-istess perjodu. L-istess pubblikazzjoni spjegat li anke mqabbel ma’ familja medja ta’ ħaddiema Ewropej, in-nisa anzjani f’Malta raw terz aktar fit-tkabbir tad-dħul disponibbli tagħhom. Skont il-Bank Ċentrali ż-żieda fir-rata ta’ nisa anzjani f’riskju ta’ faqar u eskluzjoni soċjali tirrifletti l-fatt li ħafna nisa ta’ l-età tax-xogħol daħħlu jaħdmu (ir-rata f’pajjiżna kienet it-tieni l-anqas fl-UE u issa hija it-tieni l-aqwa) u dak tella’ l-limitu tad-dħul li bih il-Eurostat tkejjel ir-riskju tal-faqar. L-istess rapport innota li meta dawn in-nisa jirtiraw fis-snin li ġejjin, se jseħħ eżatt bil-maqlub u n-nisa anzjani f’Malta se jidhru l-aktar grupp fejn fih naqas ir-riskju ta’ faqar. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern preżenti daħħal għexieren ta’ miżuri li permezz tagħhom żied id-dħul disponsibbli tan-nisa anzjani f’pajjiżna (bħall-anzjani kollha) tant li dawn kellhom fost l-ogħla titjib fid-dħul fl-Ewropa. Tant hu hekk li statistika Ewropea tindika li r-rata ta’ anzjani Maltin li jqisu ruħhom fqar naqas bin-nofs imqabbel mal-2013.

NSO - Persuni f’riskju ta’ faqar

Question

Fid-dawl li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), 16.8% tal-popolazzjoni Maltija hija f’riskju ta’ faqar, li dan ifisser iktar minn 92,000 persuna, u fid-dawl li meta tinkludi wkoll l-esklużjoni soċjali r-rata titla’ għal 19.7%, jiġifieri persuna minn kull ħamsa tesperjenza l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, kif ukoll li: •    tfal taħt it-18: ~24.1 % huma f’riskju ta’ faqar; •    adulti 18-64: ~11.9 %; •    anzjani (65+): ~29.7 %; u •    nisa iktar f’riskju mill-irġiel (nisa - 18.3 %: irġiel 15.6 %), (Sors: NSO Malta | EU-SILC 2024: Salient Indicators - NSO Malta (aċċessat fis-7 ta’ Frar 2025), jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern biex din ir-rata tonqos b’mod drastiku u b’mod effettiv?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta lir-rata ta’ Riskju ta’ Faqar jew Esklużjoni Soċjali, minn 24.6% fl-2013 illum niżlet għal 19.7%.  Dan ifisser li fejn qabel kien hawn 1 minn kull 4 persuni ikkunsidrat hekk, illum fadal 1 minn kull 5. Fl-istess perjodu l-għadd ta’ persuni mċaħħda severament materjalment u soċjalment minn 10.2% (1 minn kull 10 persuni) niżel għal 4% (1 minn kull 25 persuna); filwaqt l-għadd ta’ dawk mċaħħda materjalment u soċjalment minn 19.9% (1 minn kull 5 persuni) waqa’ għal 9% (1 minn kull 11-il persuna). Kejl ieħor tal-progress li sar huwa dak ta’ persuni li jirċievu l-assistenzi soċjali.  Dawn juru li l-għadd ta’ persuni fuq l-assistenza soċjali minn 12,708 fl-2013 sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda niżel għal 5,676; filwaqt li persuni li jirċievu l-assistenza soċjali għad-diżimpjieg minn 6,119 fl-2013 niżel għal 374. Bla dubju dan il-progress nkiseb bis-saħħa tar-rankatura ekonomika li esperjenza l-pajjiż li ġab miegħu opportunitajiet ta’ xogħol  bla preċedent.   Bis-saħħa tal-ġid ekonomiku, stajna  nkunu ta’ sostenn akbar mal-pensjonanti, familji bit-tfal u ma’ dawk bi dħul baxx. Stajna wkoll ninvestu f’benefiċċji ġodda u ntejbu dawk eżistenti biex nkattru d-dħul tal-familji, ta’ persuni b’diżabilità u biex ninkoraġġixxu persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol.  Fuq medda ta’ 11-il sena, l-investiment fuq il-familji żdied għal aktar minn €414 miljun, u dan barra €364 miljun oħra nvestiti fuq childcare b’xejn. L-investiment totali fuq il-pensjonijiet u l-benefiċċji żdied bi €800 miljun, u fuq il-pensjonanti żdied b’ €630 miljun. Saru riformi mportanti fl-assistenza tal-carers u fl-assistenza għad-diżabilita’ li mill-2015 ħallew €310 miljun fil-bwiet ta’ familji u persuni benefiċjarji. Ninsabu ffukati biex, minkejja l-irwiefen li qamu madwarna mill-ġdid,  nissoktaw nibnu u nkattru fuq dak li wettaqna biex inkunu ta’ spalla mal-familji u l-pensjonanti bi tnaqqis fit-taxxa u b’aktar sostenn soċjali.

Korriment fuq il-post tax-xogħol - Benefiċċji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-benefiċċji ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu intitolati għal benefiċċju ta’: i.    ġimgħa jew inqas; ii.   bejn ġimgħa u ġimagħtejn; iii.   bejn ġimagħtejn u xahar; u iv.   xahar jew iktar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, l-ammont ta’ applikazzjonijiet għall-Benefiċċju ta’ Korriment fl-2025 kien jammonta għal 2,153. Minnhom ġew miċħuda 864 każ. It-tabella t’hawn taħt tirreferi għat-talba tal-Onor. Interpellant fir-rigward taż-żmien li ġew intitolati għalih il-persuni eliġibbli. Tajjeb jiġi kkjarifikat illi fit-tabella t’hawn taħt hemm inklużi ukoll persuni illi ġew magħduda aktar minn darba ‘il għaliex dawn jidħlu f’perijodi differenti. Dawn jammontaw għal 154 persuna: Intitolament ta' Benefiċċju Benefiċċjarji Ġimgħa jew anqas 593 Bejn ġimgħa u ġimagħtejn 241 Bejn ġimagħtejn u xahar 183 Xahar jew iktar 426 Total 1,443

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34146, 34293, 34649 u 34882 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.       it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.      data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Statistika ta’ persuni Homeless

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32800 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika ta’ kemm persuni kienu rikonoxxuti bħala homeless fis-snin 2023, 2024 u 2025?

Response (FALZON, MICHAEL)

Tweġiba: Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Struttura awtonoma ta’ dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34521 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32580, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex il-bordijiet tas-social work, psikoloġija, psikoterapija, counselling u youth work ikollhom struttura awtonoma tad-dixxiplina kif sostniet il-Qorti Kostituzzjonali, fid-dawl li l-Kunsill Mediku, wara sentenza kostituzzjonali, ser jadotta sistema fejn ikun hemm kumitat tad-dixxiplina ġdid li jirrispetta l-awtonomija meħtieġa f’dawn il-każijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ordnijiet ta’ protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34520 u jgħid kemm inħarġu ordnijiet taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602 fis-sena 2025, skont kull kategorija ta’ protezzjoni li tipprovdi din il-liġi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif mitlub minnha huwa kif jidher hawn taħt. 99 Ordnijiet ta’ Protezzjoni Proviżjonali mqassmin kif elenkat hawn taħt: i.         14 Ordnijiet ta’ Emerġenza (13 pendente lite , 1 revokata) ii.         26 Ordnijiet ta’ Ħarsien ( Care Order ) (8 kkonfermati, 18 pendente lite ) iii.         5 Ordnijiet ta’ Superviżjoni ( pendente lite ) iv.         2 Ordnijiet ta’ Ħarsien Korrettiv (1 pendente lite , 1 revokata) v.         52 Ordnijiet UMAS [i] (23 kkonfermati, 29 pendente lite ) 34 Ordnijiet ikkonfermati, i.e. li l-proċess legali kien mibdi fi snin preċedenti, mqassmin kif elenkat hawn taħt: i.           21 Ordnijiet ta’ Ħarsien ii.           5 Ordnijiet ta’ Superviżjoni iii.           1 Ordni ta’ Ħarsien Korrettiv iv.           7 Ordnijiet ta’ Ħarsien revokati. [i] UMAS – tindika l-frażi unaccomapnied minors asylum seekers, li tirreferi għal minuri mhux akkumpanjat illi qed ifittex l-ażil fil-ġżejjer Maltin

Ordni ta’ Ħarsien - Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34519 u jgħid kemm hemm tfal b’Ordni ta’ Ħarsien li għandhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva, iżda ma ngħatatilhomx minħabba li m’hemmx akkomodazzjonijiet biżżejjed? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx lista ta' stennija għall-akkomodazzjoni alternattiva u jekk iva, kemm hi twila din il-lista?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 12-il minuri b’Ordni ta’ Ħarsien li bħalissa qegħdin jiġu assessjati biex tinbidlilom ir-residenza fejn qed jgħixu.

Helpline 179

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34517 u jgħid kemm kien hemm telefonati għall-Helpline 179 fl-2025?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li l-istatistika annwali tal-FSWS tiġi ppubblikata bejn nofs ix-xahar ta’ April u nofs ix-xahar ta’ Mejju; u dejjem tkun riferibbli għas-sena preċedenti. L-istatistika tkun dejjem ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-FSWS

FSWS - Masters in Social Work - Impjegati li temmew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33853 u jgħid kemm kien hemm impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li temmew b’suċċess il-Masters in Social Work (M.SW) f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru impjegati tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) li temmew b’suċċess il- Masters in Social Work (M.SW) f’dawn l-aħħar ħames snin kien kif ġej: 1. 2022 -      1 2. 2023 -      0 3. 2024 -      3 4. 2025 -      1 5. 2026 -      3

FSWS – Masters in Social Work - Inċentivi għall-impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33852 u jgħid x’inċentivi qed tagħti l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) biex impjegati li huma diġà ggradwati, jagħmlu l-Masters in Social Work (M.SW) li jwassal biex persuna tidħol fil-professjoni tas-social work u ġġib il-warrant wara sentejn ta’ prattika (full-time), jew l-ekwivalenti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-inċentivi li qed tagħti l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) biex impjegati li huma diġà ggradwati sabiex jidħlu għal Masters fis- Social Work huma: 1. Sa fejn hu possibbli jkollhom siegħat flessibbli sabiex ikunu jistgħu jattendu għal lectures; 2. Għandhom l-għażla li jaħdmu siegħat mnaqqsa ( reduced hours ) sakemm ikunu qed jagħmlu l- Masters fis- Social Work ; 3. Jingħataw study leave ; 4. Jibqgħu eliġibbli kemm għal training intern organizzat mill-FSWS kif ukoll għas-CPD; 5. Is- seniority li jkollhom fl-impjieg oriġinali tagħhom mal-FSWS tibqa’ tgħodd u tkun riflessa fl- increments ( notches ) tal-paga tagħhom kemm waqt li jkunu qed jistudjaw u kemm wara li jtemmu li studji tagħhom. Fi kliem ieħor il-konċessjonijiet u  / jew inċentivi li jingħataw biex ikomplu bl-istudji tagħhom ma jkollhomx impatt negattiv fuq l- increments ( notches ) li huma intitolati għalihom; 6. Minbarra dan, meta jiġu għal Career Progression , jiġifieri meta jiġu biex, skont il-Ftehim Kollettiv, jitilgħu għal Senior Social Worker I u Senior Social Worker II is-servizz li jkunu taw fis-snin ta’ qabel ma’ għamlu l- Masters fis- Social Work jibqa’ jgħoddillhom.

FSWS - Ftehim kollettiv ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33851 u ċjoè: Fid-dawl tal-fatt li l-Ftehim Kollettiv preżenti tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) ser jiskadi fl-aħħar ta’ din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet biex jibdew it-taħditiet għall-ftehim kollettiv il-ġdid?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għandha informazzjoni skorretta għax il-ftehim kollettiv ma jiskadix fid-data li qed tindika hi.”

Studenti tal-kors tas-social work - NGOs - Placements

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33836 fejn ingħad li “Tajjeb jingħad li kien biss reċentement li entitajiet mhux governattivi bdew jaċċettaw studenti għall-placement, meta għal ħafna snin kienet biss l-FSWS li kienet tieħu dawn il-placements, u dan wara talba speċifika mill-Università f’ dan ir-rigward.”, jista’ l-Ministru jgħid minn liema xahar u sena l-NGOs waqfu jieħdu studenti tas-social work għall-placements? Jista’ wkoll jispeċifika liema huma dawn l-NGOs?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Studenti tal-kors tas-social work - Skema ta’ stipendju ogħla - Studenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33836 fejn ingħad li “Għal min b’għażla libera tiegħu jagħżel li jidħol f’din l-iskema hemm l-obbligu li l-istudenti jaħdmu għal sena ma’ xi entità tal-Gvern jew entitajiet li jgawdu minn għajnuna finanzjarja minn għand il-Gvern wara li jiksbu l- warrant ta’ social worker . Din il-kundizzjoni hija wkoll opportunità għall-istudent li jkun jista’ jaħdem u jagħti sehemu fis-soċjetà.”, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-istudenti li jagħżlu l-iskema tal-istipendji ogħla, mhumiex ser jitħallew jaħdmu direttament ma’ entità pubblika jekk mhux permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) u lanqas jistgħu jaħdmu f’NGO għall-ewwel tliet snin minn meta jiggradwaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta, sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru 34691

Studenti tal-kors tas-social work - Skema ta’ stipendju ogħla - Studenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33836 fejn ingħad li “Għal min b’għażla libera tiegħu jagħżel li jidħol f’din l-iskema hemm l-obbligu li l-istudenti jaħdmu għal sena ma’ xi entità tal-Gvern jew entitajiet li jgawdu minn għajnuna finanzjarja minn għand il-Gvern wara li jiksbu l-warrant ta’ social worker. Din il-kundizzjoni hija wkoll opportunità għall-istudent li jkun jista’ jaħdem u jagħti sehemu fis-soċjetà.”, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-istudenti tas-social work li jagħżlu l-iskema tal-istipendju ogħla hux ser ikollhom jaħdmu bilfors mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) għal mill-inqas tliet snin full-time minn meta jiggradwaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill- Onor Interpellanta li l-obbligu li l-istudenti jaħdmu għal sena ma’ xi entità tal-Gvern jew entitajiet li jgawdu minn għajnuna finanzjarja minn għand il-Gvern wara li jiksbu l-warrant ta’ social worker mhuwiex ristrett biss għall-ebda entità partikolari.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34146, 34293 u 34649 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.       it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.      data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar

Social Progress Index

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li Malta ma tejbitx il-pożizzjoni tagħha fis-Social Progress Index (SPI) f’dawn l-aħħar snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kontra dak li qed timplika fil-mistoqsija tagħha, skont dan l-indiċi Malta hija meqjusa mal-pajjiżi ta’ fuq u li għandhom l-ogħla punteġġ, u punteġġ ogħla mill-medja Ewropea. Dak ir-riżultat huwa wieħed aktar pożittiv minn dak tal-2011. Minkejja dan, bħala Gvern ninsabu kommessi li nkomplu ntejjbu l-pożizzjoni ta’ Malta, tant li qed nimmiraw li pajjiżna jkun mal-ewwel 20 pajjiż fid-dinja sal-2035 u mal-ewwel 10 pajjiżi sal-2050, kif wieħed jista’ jara anke fil-Viżjoni Malta 2050.