Legislature:
Category:
Reset
Active:

Burmarrad – Kappella ta’ San Pawl Milqi – Xogħol ta’ restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33965 dwar il-Kappella ta' San Pawl Milqi f’Burmarrad u fid-dawl li din l-istess kappella għandha partijiet sostanzjali taż-żebgħa tagħha li nqalgħet, jista’ l-Ministru jikkunsidra li din il-kappella tiġi restawrata minn ġewwa wkoll?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-restawr intern tal-Kappella ta’ San Pawl Milqi mhuwiex wieħed mill-proġetti inklużi fil-pjan ta’ Heritage Malta għal din is-sena. Madankollu, dan huwa proġett li l-istess aġenzija qed tikkunsidra li tinkludih fil-lista ta' proġetti li jmiss.

Postijiet ta’ Wirt Storiku – Skemi ta’ restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33964, fejn intqal li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni ma joħroġ l-ebda skema ta' restawr fil-privat, jista' l-Ministru jgħid jekk dan jeskludix ukoll ir-restawr ta' proprjetajiet li għandhom funzjoni reliġjuża li mhumiex tal-istat? Jekk iva, jista' jgħid taħt liema skemi jistgħu jiġu restawrati tali binjiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li proprjetajiet li għandhom funzjoni reliġjuża li mhumiex tal-istat jistgħu jkunu eliġibbli taħt l-iskema tar-Restawr tal-Kunsilli Lokali maħruġa mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, sakemm il-proposti mressqa mill-Kunsilli Lokali jsegwu l-Linji Gwida ta’ eliġibiltà li jinħarġu mal-istess Skema.

Il-Furjana - Ġnien Dante - Larinġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34078, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-larinġ fi Ġnien Dante l-Furjana ġiex effettivament maqtugħ jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Il-Furjana li, kif ġie indikat fit-tweġiba tal-Kunsill mogħtija fi Frar għall-mistoqsija parlamentari 34078, il-Kunsill Lokali għamel diversi tentattivi kemm ma’ kuntratturi kif ukoll ma’ individwi. Madankollu, dawn kollha rriżultaw fin-negattiv, peress li l-larinġ huwa bakkaljaw ftit li xejn hemm użu għalih, u għaldaqstant ħadd ma wera interess.

Kunsilli lokali - Siti, artijiet u/jew binjiet - Devoluzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34963 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tas-siti, artijiet u/jew binjiet kollha li ġew devoluti lil kull kunsill lokali ta’ Malta u Għawdex, u jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità u għal kull sit jindika l-indirizz tas-sit, id-deskrizzjoni tas-sit, l-ammont tal-ħlas mitlub mill-kunsill lokali bl-ammonti mħallsa, l-użu attwali tas-sit, id-data ta’ meta s-sit ġie devolut u t-terminu jew it-tul tad-devoluzzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bl-informazzjoni anessa kif mitluba. Ninforma wkoll lill Onorevoli interpellanta illi l-Gvern ilu li ħa d-deċiżjoni illi l-ammont massimu li għandu jitħallas għal kull proprjetà illi tiġi devoluta lill-Kunsilli lokali, jew li diġà qiegħda devoluta u qiegħed jintalab tiġdid tal-kuntratt, huwa ta’ 500 ewro. It-terminu huwa ta 5 snin. Dan jiġi mġedded awtomatikament sakemm l-ebda parti ma tavża li se ttemm il-kuntratt b’avviż minn xahar qabel  ikunu se jiskadu l-5 snin.

San Pawl il-Baħar - Triq San Ġwann il-Battista - Tabella tal-One-Way

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ titwaħħal it-tabella tal-One-Way fi Triq San Ġwann il-Battista, f’San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar li t-tabella tal-One Way fi Triq San Ġwann il-Battista hija diġà mwaħħla.

Diskussjonijiet dwar art

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10821, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern daħalx, jew jekk jinsabx f’diskussjonijiet sabiex jidħol f’arranġament mal-privat sabiex l-art immarkata b’linji blu fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, tinbiegħ jew tingħata b’titolu legali ieħor lill-privat? Jekk huwa l-każ, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-arranġamenti li saru jew li jinsabu fil-proċess li jsiru, u jidentifika l-kumpaniji jew individwi privati li huma parti minn dawn l-arranġamenti jew diskussjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.

Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè – Encroachments

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista dettaljata tal-encroachments kollha maħruġa mid-Dipartiment tal-Artijiet f’Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè, u jgħid meta se tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman sabiex ikun hemm identifikazzjoni ċara u trasparenza akbar dwar l-art mogħtija bħala encroachment, inkluż fejn applikabbli, li din tkun indikata fuq il-post?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Valletta Management Plan

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-Valletta Management Plan, u jgħid eżattament x’inhu l-mandat mogħti f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid ukoll: i.    min ta dan il-mandat; ii.   liema emails jew komunikazzjonijiet uffiċjali ġew riċevuti dwar dan is-suġġett u meta ġew riċevuti; u iii.  għaliex saret sejħa (call) mal-istewards sabiex tittieħed deċiżjoni jew biex wieħed jifforma opinjoni dwar dan is-suġġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Valletta Management Plan huwa rekwiżit mill-World Heritage Centre (WHC) sabiex l-Istati Membri jissalvagwardjaw l-Outstanding Universal Value, f’dan il-każ: il-Belt Valletta. Malta ssottomettiet dan il-Management Plan lill-WHC fl-2023, b’aġġornament fl-2024, u ġie milqugħ tajjeb mill-Assemblea Ġenerali tal-WHC f’Lulju 2025. Il-komunikazzjonijiet bejn l-Istat Malti u l-World Heritage Centre inżammu permezz ta’ protokolli diplomatiċi ferm stabbiliti. F’dawn l-aħħar għaxar snin, Malta dejjem wieġbet fil-ħin u żammet lill-WHC dejjem infurmat u aġġornat dwar kwalunkwe materja li tirrigwarda l-Wirt Dinji f’Malta. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali bejn Malta u l-WHC jinsabu għall-aċċess pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-UNESCO. Is-sejħa għall-istewards saret sabiex jissaħħaħ l-operat tal-Valletta Management Plan u tidħol sistema ta’ xift biex is-sorveljanza ssir fuq numru akbar ta’ sigħat

Valletta Management Plan - Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-impjegati kollha li jaqgħu taħt il-Valletta Management Plan? Jista’ wkoll: i.    jindika min huma; ii.   kemm hemm minnhom impjegati taħt xi skema jew permezz ta’ xi aġenzija; iii.  għal kull wieħed minnhom jindika x’inhi l-pożizzjoni jew l-irwol tagħhom; u iv.  x’inhu x-xogħol li huma responsabbli minnu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi: i. Bħalissa hemm 29 persuna li jaħdmu b’rabta mal-Valletta Management Plan, li minnhom 20 huma stewards u l-bqija huma uffiċjali; ii. L-ebda waħda minn dawn il-persuni mhija impjegata taħt xi skema jew permezz ta’ xi aġenzija; iii. Dawn il-persuni kollha jwettqu funzjonijiet ta’ stewarding u infurzar relatati mal-Valletta Management Plan; iv. Ix-xogħol tagħhom jikkonsisti fil-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet fil-Belt Valletta sabiex jiġi żgurat li jiġu osservati r-regolamenti applikabbli, inkluż minn kuntratturi, ħwienet u membri tal-pubbliku, b’mod li jiġi mħares il-valur tal-Belt Valletta bħala patrimonju dinji.

Il-Belt, Valletta - Disabled parking bays

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35045 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu d-disabled parking bays, mhux bilfors personalizzati, fil-Belt, Valletta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 35693.

Villaġġ tal-karnival - Rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ fiex wasal il-proġett tal-villaġġ tal-karnival? Jista’ jgħid ukoll meta dan il-proġett hu ppjanat li jinfetaħ biex jintuża, min huwa l-kuntrattur u jekk tqabbadx b’direct order jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li x-xogħol fuq il-proġett li hu magħruf bħala l-Culture Hub li fih se jinkludi l-imħażen għall-parteċipanti tal-karnival fost l-oħrajn, jinsab għaddej. Filfatt, wara li ġie mogħti l-kuntratt tal-ewwel tender tal-iskavar, tħammil, u ppuntar (piling), wara sejħa pubblika skont il-proċeduri u r-regoli tax-xiri pubbliku, ix-xogħolijiet qed javvanzaw.  S’issa ġew demoliti l-istrutturi kollha fuq is-sit, beda l-ewwel parti ta’ tħammil u l-iskavar fuq is-sit. Wara ser jsegwu x-xogħlijiet ta' kostruzzjoni u dawk ta’ finitura u elettriku, skont ir-regoli ta' procurement. Il-proġett huwa parzjalment finanzjat minn fondi Ewropej u għalhekk gvernat mill-iskadenzi tal-istess.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill‑Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l‑entitajiet u d‑dipartimenti li huma fid‑dekasteru tal‑Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali,  japplikaw ir‑regoli għall‑Offerti Dipartimentali u l‑Metodi ta’ Akkwist skont il‑Valur tal‑Kuntratt li joħorġu mill‑Public Procurement Regulations.

San Pawl il-Baħar - Proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u liema huma l-proprjetajiet tal-Gvern fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar mgħoddija b’xi forma ta’ titlu lil għaqdiet volontarji, sportivi jew kulturali? Jista’ jagħti dan it-tagħrif għal kull proprjetà tal-Gvern li tinsab f’din il-lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tindika b’site plan għal-liem proprjetà/ proprjetajiet qegħda tirreferi.

San Pawl il-Baħar - Artijiet tal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34697, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proprjetajiet kollha tal-Gvern li jinsabu fil-limiti ta’ San Pawl il-Baħar, kemm jekk art agrikola, art mogħtija lil terzi persuni – kemm privati, pubbliċi, jew organizzazzjonijiet volontarji – kif ukoll għal dak li jikkonċerna artijiet jew bini li fil-fatt jinsabu fl-iskema tal-bini?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tispeċifika għal liema art qed tirreferi fil-mistoqsija Parlamentari tagħha.