Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — pendenzi fil-pagamenti għal xogġlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. Jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ċ-ċifra mitluba hija dik ta’ €225,578.91.

Irranġar ta' ħsara fil-gallerija ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tittieħed azzjoni sabiex titranġa l-ħsara strutturali li hemm fil-gallerija tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u dan minkejja li sar rapport lill-pulizija aktar minn xahar ilu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma kellha l-ebda rapport dwar ħsara strutturali li hemm fil-gallerija tal-proprjetà li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament. Intant id-Dipartiment ser jieħu passi sabiex jintbagħat perit fuq il-post biex jevalwa din il-ħsara.

Kuntratt finali tal-garaxx

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37515, jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jakkwista din l-art u jitħallsu s-sidien oriġinali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jieħu azzjoni biex b’mod sistematiku, jakkwista siti fejn illum hemm housing estates mibnija. Peress li dan l-eżerċizzju jirrikjedi ħafna fondi u xogħol biex isir, dan il-proċess ser jieħu numru konsiderevoli ta’ snin. Għalhekk ma jistax jingħad fiċ-ċert meta l-art li fuqha hemm mibni l-garaxx li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, se jiġi akkwistat.

Siġġiewi — Triq Karmenu Vassallo - kuntratt ta' akkwist ta' art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37206, jista' l-Ministru jgħid meta l-kuntratt mas-sidien tad-djar se jkun konkluż? Jista' jagħti time frame?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalma għidt fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 37206 il-kuntratti jistgħu jsiru wara li l-Awtorità tad-Djar toħroġ l-Avviż Legali dwar it-trasferiment tal-proprjetà.

tender fuq post fil-Belt

Question

B'referenza għall-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ngħata b'tender u peress li fit-tender document li ħareġ dwar l-istess fond kien hemm stipulat li min jieħu t-tender iħallas is-somma ta' €48,600 għall-furnishings and fittings li minnhom €4,860 kellhom imorru għall-gvern, ma jidhirlux il-Ministruli l-kumpens kienx dovut għall-inkwilini preċedenti? Jista' jispjega għalfejn dan għadu ma tħallasx?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-kirja tal-fond li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament ma reġgħetx ġiet imġedda. Dan sar wara li ġie stabbilit li l-kerrej kiser il-kundizzjoni tal-kirja u issulloka dan il-fond lil terzi. Irriżulta li f’dan il-fond il-kumpanija li kellhom ftehim mal-kerrej investew ammont sostanzjali ta’ flus f’dan il-fond biex joperawh bħala restaurant, u għaldaqstant ġie deċiż li dan il-fond jerġa jinkera permezz ta’ sejħa għall-offerti bil-kundizzjoni li min jieħu l-offerta, jrid iħallas is-somma ta’ €48,600 għal furnishings and fittings li tħallew fil-post, li minnhom 10% ta’ din is-somma kellha titħallas lill-Gvern. Il-kumplament ta’ din is-somma tħallset lill-aħħar okkupant ta’ dan il-fond.

art mgħoddija lil NGOs

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proprjetajiet li l-gvern għadda lill-NGOs din is-sena , is-sena 2008, 2009, 2010 u 2011 fosthom lil Fondazzjoni Wirt Artna, Din l-Art Ħelwa, eċċ.?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

xiri ta' appartament

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu jistgħi jixtru l-appartament tal-gvern ir-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-Blokk ta’ appartamenti li jinsab fl-indiriżż li d-dettalji tiegħu ntbaghtu separatament jinsab fuq art li hija proprjetà tal-Gvern. Għaldaqstant, kemm il-darba r-residenti ta’ dan il-Blokk jixtiequ jixtru l-appartament tagħhom iridu l-ewwel jagħmlu t-talba lill-Awtorità tad-Djar.

San Ġwann — Triq Jacaranda - użu tal-art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28983 tal-leġislatura li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid li l-art li tagħti għat-Triq Jacaranda f'San Ġwann u li qed tiġi użata, hijiex konformi mal-liġi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-art li qed jagħmel referenza għalija hija art tal-Gvern u mhix mikrija.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jindika l-attività x'kienet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l-Ministeru, d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma għamlu l-ebda użu tas-servizz msemmi fil-perjodu indikat.

aċċess ta' garaxx minn trejqa

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'jonqos isir biex it-trejqa li tinsab tmiss ma' blokk li d-dettalji dwaru qed jitnabgħtu separatament, tiġi rranġata sabiex dak li għandu titolu ta' kera mingħand il-gvern tal-garaxx li jagħti għal din it-trejqa jkun jista' jagħmel użu minn dan il-garaxx? Għaliex din it-trejqa baqgħet ma qatt ġiet irranġata minkejja l-lamenteli ta' dan il-kerrej u saħansitra domandi parlamentari? Jagħmel sens li l-gvern jikri garaxx lil ċittadin li imbagħad ma jkunx jista' joħroġ minnu minħabba l-istat disastruż tat-trejqa?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif ingħad fi tweġiba għall-Mistosija Parlamentari Nru 22427, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern mhuwiex l-entità responsabbli fuq xogħol infrastrutturali ta’ toroq, għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Membru biex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, il-garaxx li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament ġie mikri fl-1984 wara sejħa għall-offerti u kien biss f’dawn l-aħħar 4 snin li l-kerrej ressaq l-ilmenti tiegħu dwar l-aċċess permezz ta’ domandi parlamentari. Jirriżulta ukoll li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern kiteb dwar dan lit-Transport Malta.

Lista ta' esproprjazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' esproprjazzjonijiet li tħallsu mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum li tinkludi dettalji tal-proprjetà li ġiet esproprjata, tal-benefiċċjarju tal-kumpens u kemm kien jammonta il-kumpens? Jista' jgħid ukoll kif intgħażlu l-esproprjazzjonijiet li ġew imħallsa u min għamel din l-għażla?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ esproprjazzjonijiet li tħallsu mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-lum bid-dettalji kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32818, jista' l-Ministru jgħid jekk dan iffisirx li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità politika tal-Ministru ma jżommu l-ebda kontroll fuq l-impjegati u dawk li jingħataw xi xogħol xi jwettqu? Jekk fin-negattiv, l-mistoqsija oriġinali tkun tista' tiġi mwieġba?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37579.

Palm reader fid-dipartimenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se tiddaħħal is-sistema tal-palm readers fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet it-tender għal dan ix-xogħol? Kemm se jitwaħħlu palm readers minn min rebaħ dan il-kuntratt u x'inhu l-valur tal-kuntratt?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37615.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — membri ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin min barra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. Fis-Segretarjat tiegħi ma kien hemm l-ebda persuna li ġa kienet jew ma kienitx impjegata tal-Gvern u li spiċċat mis-Segretarjat għaliex ġiet ingaġġata b’xi dipartiment.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36918 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32818, jista' l-Ministru jgħid jekk dan iffisirx li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità politika tal-Ministru ma jżommu l-ebda kontroll fuq l-impjegati u dawk li jingħataw xi xogħol xi jwettqu? Jekk fin-negattiv, l-mistoqsija oriġinali tkun tista' tiġi mwieġba?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37579.

kuntratt finali tal-fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jsir il-kuntratt finali tal-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-fond li d-dettalji dwaru ntbagħtu separatament jinsab mibni fuq art li għada qed tiġi akkwistata mill-Gvern. Peress li l-kuntratt mas-sidien oriġinali għall-kumpens ta’ ħlas għall-akkwist ta’ din il-proprjetà għadu ma sarx, l-art ma tistax tiġi trasferita lill-Awtorità ta’ Djar u allura l-kuntratt finali tal-fond li dettalji dwaru intbagħtu separatament ma jistax isir għalissa.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — persuni li rrikorrew għal xi servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li kien hemm zewg persuni neqsin mis-smiegh li ghamlu uzu minn servizz moghti mill-Ministeru, Dipartiment jew Entita' fil-perjodu msemmi. F'kaz minnhom ntuzat komunikazzjoni bil-kitba waqt li fil-kaz l-iehor ntuzat komunikazzjoni verbali peress li l-persuna kellha ftit smiegh.

sistema ta' distribuzzjoni tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa kien hemm, u meta saru, bejn l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u d-29 distrubutur tal-gass, jew rappreżentanti tagħhom, rigward is-sistema ta' distribuzzjoni tal-gass? Jista' jgħid x'kienu l-pariri li ngħataw s'issa u jekk is-sistema, li ilha titħaddem għal snin twal minn mindu Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea u allura parti mis-suq ħieles għal dawn is-snin kollha, hix kompatibbli mal-liġijiet tal-kompetizzjoni u mar-regoli tal-Unjoni Ewropea?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kien iltaqa' mad-distributuri tal-gass u r-rappreżentanti tagħhom rigward is-sistema’ ta' distribuzzjoni tal-gas f'żewġ laqgħat, waħda fit-19 t'Ottubru 2011 u l-oħra fl-4 ta' Novembru 2011. Rigward l-eżitu għandu jkun magħruf illi l-investigazzjoni min-naha tal-Ufficcju għadha ghaddejja u għalhekk l-Ufficcju ma huwiex f’qagħda li jagħti pariri jew opinjoni f’dan l-istadju.

sistema ta' distribuzzjoni tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, ġaladarba qiegħda tinvestiga s-sistema ta' distribuzzjoni tal-gass, li se taffettwa lid-29 distributur tal-gass; hix se tinvestiga, ex officio, id-deċiżjoni ta' Transport Malta li ma tipproċessax iktar liċenzji għall-garaxxijiet tal-VRT? Jista' jgħid jekk l-awtorità kelliex taħdidiet ma' Transport Malta u x'kienet l-opinjoni tal-awtorità f'dan ir-rigward?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, fi hdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ser ikun qed jiltaqa’ ma Transport Malta fil-jiem li gejjin dwar il-licenzji tal-garaxxijiet tal-VRT. Wara li jkun gabar l-informazzjoni mehtiega, l-Ufficcju jkun f’posizzjoni biex jiddeciedi x’azzjoni tista’ tittiehed.