Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru W634.

Konsum ta’ kannabis fil-pubbliku – Ċitazzjonijiet/azzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet jew ittieħdu azzjonijiet ta’ infurzar b’rabta ma’ ksur ta' liġi fejn jidħol konsum ta' kannabis fil-pubbliku matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet biex jissaħħaħ l-infurzar f’dan ir-rigward?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lil-Onor.Interpellanta illi qed nippreżenta tabella bl-informazzjoni mitluba. Kif ħabbart riċentement, it-tipjip tal-Kannabis se jkun inkluż fil-lista tal-‘On the Spot Fines’. Sena 2024 2025 2026 * Ammont 12 66 65 *Sal-4 ta’ Novermbru.

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Mandati ta’ arrest mhux eżegwiti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4047 u jgħid kemm-il mandat ta’ arrest relatat ma’ vjolenza domestika baqa’ mhux eżegwit, għal kemm żmien, u x'miżuri ttieħdu biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal tali nuqqasijiet? Jista’ wkoll jagħti din l-informazzjoni b’mod individwali għal kull mandat, billi jindika t-tul ta’ żmien li ilu pendenti?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li fil-preżent f’dawn il-gżejjer hemm sebgħa (7) mandati ta’ arrest relatati ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika li għadhom mhux eżegwiti. Minn dawn, tnejn (2) jikkonċernaw persuni Maltin u ħamsa (5) jikkonċernaw persuni barranin. Fir-rigward ta’ wieħed mill-Maltin,jinsab rikoverat fl-Isptar Mount Carmel (MCH). Il-persuni l-oħra kollha jinsabu barra minn Malta u nħarġu allerti fis-sistema SIS fir-rigward tagħhom.

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Vittmi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4048 u 4385 u jgħid kemm-il darba, fl-aħħar ħames snin, persuni li rrapportaw vjolenza domestika sfaw vittmi ta’ aggressjoni serja jew saħansitra omiċidju wara li kienu diġà talbu l-protezzjoni tal-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar ħames snin, jiġifieri mis-sena 2022 sas-26 ta’ Ottubru 2026, ġew identifikati sittin (60) persuna li kienu talbu l-intervent tal-Pulizija qabel ma sfaw vittmi ta’ aggressjoni gravi.  Is-sittin vittma identifikati kienu diġà rrikorrew għand il-pulizija f’96 istanza, li rriżultaw kif jidher hawn taħt: Status tal-każ fil Qorti Numru ta’ rapporti Perċentaġġ ta’ 96 każ Status tal-każ Proċeduri irtirati  skond l- Art  543(e) 46 47.9% Każ konkluż Każijiet diferiti 16 16.7% Pendenti/proċeduri għadhom għaddejjin Misjuba ħatja 13 13.5% Każ konkluż Liberati 10 10.4% Każ konkluż Ma ttieħdux proċeduri 6 6.3% Ma ttieħdux proċeduri Każ li qed jistennew data għas-smigħ 3 3.1% Pendenti Każijiet oħra 2 2.1% Oħrajn / taħt reviżjoni Total 96

Skwadra ta’ Kontra d-Droga

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2243 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 456, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-Pulizija stazzjonati fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u f’Għawdex bejn l-2016 u l-2026, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jindika r-rank tal-uffiċjali stazzjonati f’din l-Iskwadra għal kull waħda minn dawn is-snin, b’taqsima separata għal Malta u għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll, għal kull sena msemmija, kemm minn dawn l-uffiċjali kienu assenjati xogħol amministrattiv (fl-uffiċċju) u kemm kienu assenjati xogħol operattiv fuq barra, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta  mogħtija f’domanda parlamentari Nru 3504, infakkru wkoll li, kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 456, il-Korp tal-Pulizija għandu skwadra waħda ta’ kontra d-droga li tkopri l-pajjiż kollu, inkluż Għawdex.

Protezzjoni Ċivili – Membri stazzjonati f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-membri kienu assenjati xogħol amministrattiv jew xogħol fl-uffiċċju u kemm minn dawn il-membri kienu assenjati dmirijiet operattivi fuq barra?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ membri tal-Protezzjoni Ċivili stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena, huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt. Fost dawn hemm uffiċjali li jesegwixxu xogħol amministrattiv. Sena 2022 2023 2024 2025 2026 Ammont Totali 39 38 54 77 75

Forzi Armati ta’ Malta – Membri stazzjonati f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Forzi Armati ta’ Malta stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-membri kienu assenjati xogħol amministrattiv jew xogħol fl-uffiċċju u kemm minn dawn il-membri kienu assenjati dmirijiet operattivi fuq barra?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ membri tal-FAM stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena, huwa kif indikat fit-tabella t’hawn taħt. Fost dawn hemm uffiċjali li jesegwixxu xogħol amministrattiv. Sena 2021 2022 2023 2024 2025 2026 Ammont Totali 65 82 81 81 96 94

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ma‘ kellu l-ebda inkarigu minn dan il-Ministeru.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Persunal taħt l-influwenza tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każijiet ta’ persunal tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li nqabdu taħt influwenza tad-droga bejn Jannar u Ġunju 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

N informa lill-Onor Interpellanta illi ninsab infurmat  li fil-perjodu msemmi ħadd  mill-uffiċċjali korrettivi ma’ nstab taħt l-influwenza tad-droga

Priġunieri taħt l-influwenza tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu priġunieri taħt l-influwenza tad-droga bejn Jannar u Ġunju 2026, maqsuma xahar, b’xahar?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat illi fil-perjodu indikat kien hemm tlieta (3) f’Jannar, wieħed  (1) f’Marzu u tlieta (3) f’April.

Benesseri tal-priġunieri - Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport annwali maħruġ mill-kummissarju responsabbli mill-benesseri tal-priġunieri?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. InterpellantA li r-rapport annwali tal-Kummissarju responsabbli mill-Benesseri tal-Priġunieri, li jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025, qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – Membri stazzjonati f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-membri kienu assenjati xogħol amministrattiv jew xogħol fl-uffiċċju u kemm minn dawn il-membri kienu assenjati dmirijiet operattivi fuq barra?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ membri fil-Korp tal-Pulizija stazzjonati f’Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena kien kif jidher fit-tabella. Din tinkludi dettalji dwar il-membri assenjati xogħol amministrattiv jew xogħol fl-uffiċċju. Dawk il-membri assenjati dmirijiet operattivi fuq barra u CPT huma nklużi. Data Total 31.12.2021 111 31.12.2022 112 31.12.2023 118 31.12.2024 123 31.12.2025 126 23.10.2026 129

Korpi dixxiplinati Għawdxin – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ membri ta’ kull wieħed mill-korpi dixxiplinati li ġejjin, li jinsabu fuq il-lista ta’ stennija sabiex jiġu trasferiti biex jaħdmu f’Għawdex: i.    il-Korp tal-Pulizija; ii.   il-Forzi Armati ta’ Malta; u iii.  d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li fi ħdan il-Korp tal-Pulizija hemm 154 uffiċjal li huma rreġistrati bħala residenti Għawdex u li huma eliġibbli sabiex jiġu trasferiti biex jaqdu dmirijiethom f’Għawdex, filwaqt, li fil-Forzi Armati ta’ Malta hemm 91 persuna residenti Għawdex, li huma eliġibbli sabiex jiġu stazzjonati Għawdex skont il-kriterji stabbiliti. Min-naħa l-oħra, fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fil-preżent ma hemm l-ebda ħaddiem irreġistrat bħala residenti Għawdex li jinsab fuq il-lista ta’ dawk eliġibbli sabiex jiġi trasferit biex jaqdi dmirijietu f’Għawdex. It-trasferimenti tal-membri jsiru skont l-esiġenzi tas-servizz u d-disponibbiltà tal-postijiet vakanti.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Arja kkundizzjonata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan biex f’kull ċella u partijiet komuni tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin tiġi installata arja kkundizzjonata? Jekk iva, meta se jiġi implimentat dan il-proġett?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-ħabs ta’ Kordin qed tkun installata sistema ta’ ventilazzjoni li tikkontrolla t-temperatura, ħalli timmitiga l-effetti tas-sħana u tal-kesħa. Waqt li f’ċerta diviżjonijiet dan ix-xogħol huwa lest u beda jitħaddem lura f’Settembru, hemm bnadi oħra fejn ix-xogħol għadu għaddej u mistenni jieħu ftit tal-ġimgħat oħra.

Ħaddiema tas-Servizzi Korrettivi – Ħlas għal sigħat ta’ xogħol żejda

Question

B’referenza għall-istqarrija għall-istampa PR260798 maħruġa mill-Ministeru fis-6 ta’ Mejju 2026 u b’referenza għall-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-ħaddiema li ħadmu fl-istess postijiet sa mill-1994 anke qabel twaqqfet l-istess Aġenzija, jista’ l-Ministru jgħid kemm ħaddiema applikaw biex jingħataw ħlas għal sigħat ta’ xogħol żejda li suppost ħadmu u ma tħallsux għalihom? Jista’ jgħid ukoll kemm sigħat kienu mitluba li jitħallsu, kemm minn dawn il-ħaddiema diġà tħallsu u kemm għadhom qed jistennew li jitħallsu? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jintemm l-eżerċizzju kollu u kemm hi mistennija li tkun in-nefqa marbuta ma’ dan l-eżerċizzju?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li daħlu 384 applikazzjoni li qed ikunu vvetjati. F’dan l-istadju din hija l-unika informazzjoni li tista’ tingħata.

Armi tan-nar ġodda liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm armi tan-nar ġodda liċenzjati fl-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar 2026 u l-25 ta’ Ottubru 2025 ġew irreġistrati tlett elf, mitejn u tlieta u tmenin (3,283) arma tan-nar ġdida ‘to keep’ , li jinkludu wkoll armi tal-arja.

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza – Sistema ta’ twissijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3558 u jgħid, f’każ li Malta terġa’ tiffaċċja maltempata qawwija jew sitwazzjoni oħra ta’ emerġenza simili għall-Maltempata Harry, x’miżuri operattivi għandu attwalment fis-seħħ il-Gvern sabiex jiżgura li t-twissijiet jaslu fil-ħin għand il-persuni kollha fiż-żoni affettwati? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern hux ser ikompli jiddependi fuq ix-xandir tradizzjonali u l-media soċjali, jew jekk hux ser jintroduċi miżuri temporanji ta’ twissija diretta fuq il-mobile sakemm is-sistema Reverse 112 issir kompletament operattiva? Jista’ jgħid ukoll kif dawn il-miżuri ser jilħqu wkoll persuni anzjani, turisti, ħaddiema u residenti barranin, partikolarment dawk li ma jsegwux il-mezzi tax-xandir Maltin jew il-paġni uffiċjali fuq il-media soċjali? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sistema Reverse 112 hijiex attwalment operattiva, u jekk le, x’inhi d-data prevista għat-tħaddim tagħha, u jekk sarux testijiet li jikkonfermaw il-kapaċità tagħha li tilħaq apparati kompatibbli b'SIM cards Maltin u barranin?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585