Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol - Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 527.

L.S. 460.41 - Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’kriterji ntużaw biex ġew identifikati l-awtoritajiet kompetenti a tenur tal-artikolu 7 tal-Ordni dwar Miżuri għal Livell Għoli Komuni taċ-Ċibersigurtà madwar l-Unjoni Ewropea (Malta), Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41, tenut kont tal-fatt li hemm setturi jew sub-setturi bħat-trasport fejn ma ġewx imsemmija awtoritajiet kompetenti speċifiċi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li c-CIPD (Critical Infrastructure Protection Directorate) ikkonsultaw mar-regolaturi rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tal-qafas NIS2.

Floriana – Domestic Violence hub

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna tistax tmur fid-Domestic Violence hub tal-Floriana minflok dak ta’ Santa Luċija jew l-Imtarfa, jekk ikun iktar konvenjenti għaliha, bla ebda xkiel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi, il-Pulizija, permezz tal-GBDVU, tipprovdi servizz koordinat għall-vittmi ta’ vjolenza domestika minn tliet Domestic Violence Hubs f’Santa Luċija, fl-Imtarfa u r-Rabat Għawdex, fejn jingħata servizz minn Ufficjali tal-Pulizija speċjalizzati fuq tali rapporti, flimkien mat-tim ta’ Risk Assessors. Bħal dejjem il-Pulizija tibqa' disponibbli biex tassisti lil kull min jitlobha l-għajnuna, madankollu sabiex kull każ jiġi indirizzat bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, meta persuna tmur id-Depot jew post ieħor tal-Pulizija, din tiġi ggwidata lejn wieħed minn dawn il-hubs. Jekk ikun hemm il-bżonn anke l-vittma tiġi provduta transport bla ħlas.

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Kunsens

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jew xi entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, tawx jew approvawx xi permess, awtorizzazzjoni, clearance, No Objection Certificate (NOC) jew kunsens ieħor relatat mas-sigurtà, spezzjonijiet, ordni pubblika, health and safety jew operat tal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u l-kopji tagħhom kollha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli membru tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Priġunieri - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx possibbiltà li l-priġunieri jwasslu l-ilmenti tagħhom lil xi persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk iva, min hija din il-persuna, x’inhu l-irwol tagħha u xi kwalifiċi għandha? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi ħsieb li l-ilmenti ta’ dawn il-priġunieri jitwasslu quddiem bord indipendenti biex b’hekk l-ilmenti ġustifikati tagħhom jingħataw attenzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-persuni residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandhom diversi mezzi disponibbli sabiex jikkomunikaw l-ilmenti tagħhom. B’mod indipendenti mit-tmexxija tal-faċilità hemm  il-Bord ta’ Moniteraġġ hekk kif stabbilit mil-liġi, kif ukoll hemm l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Priġunieri li twaqqaf minn dan il-gvern fl-aħħar snin. Ir-rwol tal-Kummissarju huwa stabbilit skont is-SL 260.07 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-Kummissarju preżenti huwa s-Sur Steve Libreri, li ggradwa bħala ħaddiem soċjali mill-Università ta’ Malta fl-2008 u, minn dakinhar, okkupa diversi karigi fis-settur soċjali. Minbarra l-kwalifika fil-ħidma soċjali, huwa għandu wkoll Masters fil-Maniġment tar-Riżorsi Umani, kif ukoll taħriġ f’diversi modalitajiet ta’ psikoterapija, fosthom Cognitive Analytic Therapy u Cognitive Behavioural Therapy.

Masterkey għand priġunier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabitx iċ-ċavetta li tiftaħ il-bibien kollha (masterkey) għand xi wieħed mill-priġunieri matul l-aħħar sena u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk infetħitx inkjesta biex jiġi stabbilit kif din il-masterkey spiċċat għand wieħed mill-priġunieri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat mit-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi li fl-ebda mument ma’ kien hemm ‘masterkey’ li tiftaħ il-bibien “kollha”, kif indikat minnu fil-mistoqsija, għand xi priġunier.

CfT: CT2108/2021 - Services Tender for the Administration of the Community Work Scheme including Training Services

Question

B’referenza għas-sejħa CfT: CT2108/2021 - Services Tender for the Administration of the Community Work Scheme including Training Services, jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni f’din l-iskema, kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni ser tkun provduta f'seduta oħra.

Omiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm omiċidji bejn is-sena 2020 u l-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu femiċidji?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġiba parlamentari 33635, li turi wkoll kif l-omiċidji mill-2018 ‘il quddiem f’pajjiżna kienu kollha solvuti.  Dwar kemm kien hemm każi ta’ femiċidji, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-liġi kienet ippubblikata fit-28 ta’ Ġunju 2022. Ninsab infurmat li matul il-perjodu bejn Lulju 2022 u l-aħħar ta’ Diċembru 2025, ġew irreġistrati tliet każi fejn kien hemm femiċidju. F’wieħed minn dawn il-każi, l-persuna responsabbli ma tressqitx quddiem il-qorti peress li kienet mejta, filwaqt li fiż-żewġ każijiet l-oħra, persuni tressqu quddiem il-qorti fuq akkużi u provedimenti ta’ din il-liġi.

Il-Vatikan - Ċelebrazzjoni tal-Ġublew - Priġunieri - Kriterji

Question

B’referenza għal vjaġġ li numru ta’ priġunieri għamlu fil-Vatikan bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ngħtażlu dawn il-priġunieri u jekk kinux kollha b’sentenza tal-Qorti?  Jista’ jgħid ukoll b’liema kriterji ngħtażlu l-gwardjani li telgħu magħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li din l-okkażjoni kienet waħda sabiħa ferm fejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi ngħaqdet f’din l-inizjattiva globali organizzata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew fejn il-priġunieri kellhom anke ċ-ċans jiltaqgħu mal-Papa. Ninsab infurmat l-l-aġenzija ħadet numru ta’ kunsiderazzjonijiet fl-għażla tagħha fosthom il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet reliġjużi kif ukoll il-pjan ta’ kura u riabilitazzjoni. Kien hemm każi fejn kien meħtieġ li tintalab ukoll it-travel clearance tal-Qorti. Fir-rigward l-uffiċjali korettivi ninsab infurmat li l-għażla saret mit-tmexxija tal-aġenzija, li bħal f’kull każ għandha r-responsabbiltà li tassenja r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema tagħha.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ priġunieri li ppruvaw jaħarbu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’passi ttieħdu għal dawk li nqabdu jippruvaw jagħmlu dan? Jista’ wkoll jagħti lista tal-passi li ttieħdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-2025 sal-lum, ma kien hemm l-ebda każ ta’ persuna li ppruvat taħrab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol - Skemi u inċentivi għal min iħaddem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi skemi u inċentivi hemm għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jaħdmu, b’mod partikolari: i.    persuni li għandhom ’il fuq minn 50 sena; ii.    persuni li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga; iii.    persuni li huma rreġistrati bħala homeless; u iv.    persuni li skontaw sentenza ta’ priġunerija? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa faċli jew diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għal dawn l-iskemi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li Jobsplus għandha diversi skemi u inċentivi għal min iħaddem, biex persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol, ikollhom opportunitajiet aħjar biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. L-iskema tal-Mature Workers, hija mmirata għal min iħaddem persuni li għandhom ’il fuq minn 45 sena (sa 65). Biex min iħaddem jikkwalifika għal din l-iskema, l-impjegat irid ikun ilu jirreġistra fuq l-ewwel jew it-tieni parti tar-reġistru għal 6 xhur konsekuttivi qabel ma dan ikun sab l-impjieg. Barra minn hekk iż-żmien ta’ meta waqaf mir-reġistrar u meta sab l-impjieg ma jridx jaqbeż 15-il ġurnata. Jekk il-persuna li se jħaddem ikollha l-kriterji meħtieġa, min iħaddem jibbenefika minn tnaqqis ta’ taxxa ta’ €11,600 fuq perjodu ta’ sentejn, li jfisser tnaqqis ta’ €5,800 kull sena.  Barra minn hekk, jekk min iħaddem joffri taħriġ lill-impjegat u jkun “ outsourced [1] ” jista’ jibbenefika ukoll minn tnaqqis ta’ taxxa addizzjonali.  Dan it-tnaqqis  huwa ta’ 50% ta’ kemm jiġi jiswa t-taħriġ u jista’ jieħu sa massimu ta’ €400 għal kull impjegat. Jobsplus toffri wkoll l-iskema tal-Bridging the Gap lill-persuni b’diżabilità u vulnerabbli fosthom individwi: ·       Li kienu qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga; ·       Li huma rreġistrati bħala homeless; ·       Li skontaw sentenza ta’ priġunerija, ·       Li jattendu d-DETOX ·       Li għandhom is-sapport ta’ social worker, probation officers, ·       Li għandhom diffikultajiet ta’ Saħħa Mentali, u ·       Każijiet Soċjali oħra. Din l-iskema tiffaċilita t-transizzjoni għall-impjieg għal min qiegħed ifittex xogħol billi tiġi provduta esperjenza u taħriġ prattiku fuq post tax-xogħol skont il-bżonn. Dan it-taħriġ jgħin biex l-individwi jiksbu tagħrif, kapaċitajiet u kompetenzi li huma bżonnjużi biex jinstab u jinżamm l-impjieg. Fil-perjodu miftiehem ma’ Jobsplus, min iħaddem ikollu l-opportunità jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol, b’appoġġ kontinwu minn Jobsplus u l-Lino Spiteri Foundation. L-għan aħħari huwa li persuni vulnerabbli msemmija hawn fuq jiġu impjegati wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-iskema. Matul il-perjodu miftiehem, il-persuni jingħataw għotja fil-ġimgħa minn Jobsplus, ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. L-iskema tal-Work Exposure tassisti lill-persuni li huma bla xogħol biex jakkwistaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għal xogħol partikolari permezz ta’ taħriġ prattiku fuq il-post tax-xogħol. Matul il-perjodu tal-iskema, l-individwi jirċievu għotja ta’ taħriġ li tvarja bejn il-paga minima u €7.50 fis-siegħa skont it-titlu ta’ xogħol li wieħed jagħżel. Biex persuna tikseb ċertifikat fl-aħħar tal-iskema trid tkun minn tal-inqas attendiet 70% tas-siegħat. Is-siegħat li wieħed irid jattendi jvarjaw bejn 200 u 280-il siegħa skont ix-xogħol li wieħed jagħżel biex jitħarreġ fuqu.  Min iħaddem ikollu l-opportunità li jevalwa l-ħiliet u l-progress tal-persuna fuq il-post tax-xogħol. Din l-iskema hija kofinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), u tikkumplimenta l-iskemi u l-inizjattivi msemmija hawn fuq li huma mmirati b’mod speċifiku lejn gruppi vulnerabbli. Jobsplus tassisti wkoll lil min iħaddem permezz ta’ sapport u gwida fil-mili tal-applikazzjonijiet ta’ dawn l-iskemi.  Dawn l-applikazzjonijiet jinstabu fuq is-sit elettroniku ta’ Jobsplus, u għaldaqstant mhux diffiċli għal min iħaddem biex jirrikorri għalihom.  Sapport ieħor jingħata lil min iħaddem mis-sezzjoni ġewwa Jobsplus li tassisti lil dawn il-gruppi vulnerabbli biex tiffaċilita kemm jista’ jkun il-proċessi t’impjieg. Dawn il-miżuri kollha jikkontribwixxu biex in-numru f’impjieg ta’ persuni vulnerabbli jkompli jiżdied. [1] Taħriġ li jsir barra mill-post tax-xogħol jew offrut minn partijiet terzi.

Persuni vulnerabbli - Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni: i.    li għandhom ’il fuq minn 50 sena; ii.    li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga; iii.    li huma rreġistrati bħala homeless; u iv.    li skontaw sentenza ta’ priġunerija, li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol u sabu impjieg sal-aħħar tas-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kien hemm 330 persuna f’dawn il-kategoriji li sabu mpjieg fl-2025

Persuni li qegħdin jirreġistraw - Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni: i.    li għandhom ’il fuq minn 50 sena; ii.    li kienu qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni għad-droga; iii.    li huma rreġistrati bħala homeless; u iv.    li skontaw sentenza ta’ priġunerija, li ma sabux xogħol sal-aħħar tas-sena 2025 minkejja li kienu qegħdin jirreġistraw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li jaqgħu f’dawn il-kategoriji u li kienu għadhom qed jirreġistraw fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ Diċembru 2025 kien ta’ 393. Iktar informazzjoni dettaljata tinsab fit-tabella ppreżentata. Persuni [1] li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta' Diċembru 2025 Total li għandhom ’il fuq minn 50 sena 265 li kienu qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni għad-droga 50 li skontaw sentenza ta’ priġunerija 54 li huma każ soċjali 24 [1] Il-persuni f’kull kategorij m’humiex ripetuti.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W511.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Jannar 2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W495.