Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat, Malta – Hub tal-inklużjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tal-hub tal-inklużjoni fir-Rabat, Malta? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li titlesta l-ewwel fażi ta' dan il-proġett u meta ser jibda jopera? Tista' tgħid ukoll x'servizzi ser ikunu qegħdin jingħataw minn dan iċ-ċentru u min ser ikun qed jiffinanzja dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li t-tender ġie aġġudikat. Infurmata li fil-preżent qed ikunu indirizzati kwistjonijiet tekniċi mal-kuntrattur skont il-proċeduri applikabbli tal-akkwist pubbliku. L-iskedi ta’ żmien tal-proġett ikunu aktar ċari ladarba dawn il-kwistjonijiet jiġu solvuti.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ottubru 2026?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Baġit 2027 – Terapiji għal persuni b'diżabilità mħallsa mill-Gvern

Question

B'referenza għat-terapiji għal persuni b'diżabilità li ser ikun qed isir il-ħlas kollu għalihom mill-Gvern Ċentrali kif imħabbar fil-Baġit 2027, tista' l-Ministru tgħid kif ser tkun qiegħda taħdem din il-miżura?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija inkluża fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari PQ W839.

Baġit 2027 – Terapiji għal persuni b'diżabilità mħallsa mill-Gvern

Question

B'referenza għat-terapiji għal persuni b'diżabilità li ser ikun qed isir il-ħlas kollu għalihom mill-Gvern Ċentrali kif imħabbar fil-Baġit 2027, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx massimu ta' spiża li ser tkun qiegħda titħallas għal kull persuna b'diżabilità? Tista' tgħid ukoll jekk din il-miżura tinkludix terapiji li ma jsirux f'Malta jew Għawdex?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa hemm tim interdixxiplinarju li qed jaħdem fuq il-preparazzjoni ta’ kif ser tkun qed taħdem din l-iskema. L-aktar punt kruċjali huwa li l-familji jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja f’dan ir-rigward, filwaqt li nkunu ċerti li nħallsu għat-terapija skont il-bżonn u mhux b’mod eċċessiv, anke kif saħqet magħna l-organizzazzjoni tal-ġenituri li jirrappreżentaw lil persuni b’ diżabilita’ (NPSPD).

Ftuħ ta’ ċentri ta’ respite

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetħu ċentri ta’ respite f’Malta u Għawdex?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li hemm pjanijiet sabiex tkompli tiżdied il-kapaċità tas-servizzi ta’ respite għal persuni b’diżabilità. Dan jinkludi żieda fil-provvista ta’ servizzi ta’ respite fis-servizzi eżistenti, kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi addizzjonali f’Ħal Kirkop u Ħad-Dingli. Fir-rigward ta’ Għawdex, huwa ppjanat li jsir stħarriġ sabiex tiġi evalwata d-domanda għas-servizzi ta’ respite. Abbażi tal-informazzjoni u d-data miġbura, jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet identifikati bil-għan li s-servizzi ta’ respite f’Għawdex ikomplu jiġu żviluppati skont il-ħtieġa. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jkomplu jwessgħu l-għażla u d-disponibbiltà tas-servizzi ta’ respite, filwaqt li jindirizzaw id-domanda dejjem tikber u jipprovdu aktar sapport lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom.

Nofsinhar ta’ Malta – Ftuħ ta’ ċentri ta’ respite

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetħu ċentri ta’ respite fin-Nofsinhar ta’ Malta?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa għaddej xogħol sabiex jiġi varat servizz ġdid ta’ respite f’Ħal Kirkop, bil-għan li tiżdied id-disponibbiltà tas-servizzi ta’ respite fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dan is-servizz jifforma parti mill-ħidma li qed issir sabiex tkompli titwessa’ l-provvista ta’ servizzi ta’ respite, skont il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom.

Nofsinhar ta’ Malta – Ċentri ta’ respite

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema ċentri ta’ respite jeżistu fin-Nofsinhar ta’ Malta u meta nfetħu dawn iċ-ċentri?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fin-Nofsinhar ta’ Malta diġà qed jingħata servizz ta’ respite permezz tas-servizzi ta’ ĦILA f’Raħal Ġdid. Barra minn hekk, qed isir ix-xogħol meħtieġ sabiex jiġi introdott servizz ġdid ta’ respite fil-binja ta’ Ħal Kirkop, sabiex b’hekk tkompli tiżdied il-kapaċità u d-disponibbiltà tas-servizzi ta’ respite f’din iż-żona.

Servizz ta’ occupational therapy

Question

Tista' l-Ministru tgħid min jista' jibbenefika mis-servizz ta' occupational therapy? Tista’ tgħid ukoll kemm qegħdin jibbenefikaw persuni minn dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, sad-data tat-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari, hemm 91 persuna li qed jirċievu s-servizz tal-Occupational Therapy fi ħdan l-Aġenzija Sapport. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għas-servizz tal-Occupational Therapy huma dawn: 1.     Persuni b’diżabilità; 2.     Persuni bejn is-16 u s-60 sena; 3.     Persuni li diġà qed jirċievu servizzi speċjalizzati ta’ Occupational Therapy. F’dawn il-każijiet, isir kuntatt u koordinazzjoni mal-Occupational Therapist li jkun diġà qed isegwi lill-persuna, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-koordinazzjoni tas-servizz; 4.     Persuni li jesperjenzaw diffikultajiet fil-parteċipazzjoni f’attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum li jixtiequ jew jeħtieġu jwettqu, inklużi l-kura personali jew il-kura ta’ persuni oħra, il-ġestjoni tad-dar, l-użu tat-trasport, attivitajiet ta’ rikreazzjoni u s-soċjalizzazzjoni. Persuni li l-kundizzjoni prinċipali tagħhom teħtieġ intervent ta’ riabilitazzjoni, kura akuta jew servizzi relatati mas-saħħa mentali mhumiex eliġibbli għas-servizz tal-Occupational Therapy ta’ Aġenzija Sapport, sabiex tiġi evitata duplikazzjoni ta’ servizzi.

Community hubs

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn jinsabu l-community hubs? Tista’ tgħid ukoll meta nfetħu u x’servizzi qegħdin jingħataw, f’kull wieħed minn dawn il-community hubs?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, jekk qed tirreferi għall-Virtù Community Hub, l-Aġenzija għandha hub wieħed li nfetaħ fl-2024. Dan il-hub jintuża għal diversi servizzi offruti mill-Aġenzija, fosthom Sharing Lives, My Programme u Way to Work. F’Għawdex, l-Għajnsielem Learning Gozo Hub jintuża wkoll għal diversi skopijiet inkluż Community Hub.

Persuni b’diżabilità – Djar residenzjali ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inbnew djar residenzjali ġodda għall-persuni b'diżabilità fil-komunità, matul l-aħħar sitt snin? Tista’ tgħid ukoll meta nbnew, meta bdew joperaw u fejn tinsab kull dar residenzjali?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, matul l-aħħar sitt snin, l-aħħar dar residenzjali ġdida fil-komunità mmexxija mill-Aġenzija Sapport bdiet topera fiż-Żurrieq fl-2021. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, l-Aġenzija kompliet tiżviluppa s-servizzi tagħha b’enfasi akbar fuq id-deistituzzjonalizzazzjoni u l-għajxien indipendenti fil-komunità, aktar milli fuq il-ħolqien ta’ aktar placements residenzjali permanenti. Dan l-approċċ huwa konformi mal-prinċipji tal-UNCRPD dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità. F’dan il-kuntest, ġie żviluppat il-proġett ĦOLQA fil-Qrendi, li beda jopera bħala servizz ta’ tranżizzjoni u ġie inawgurat uffiċjalment fl-2024. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-persuni b’diżabilità jingħataw sapport u taħriġ personalizzat sabiex jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jgħixu b’mod aktar indipendenti fil-komunità. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha appartament f’San Ġwann fejn persuna li kienet tgħix f’residenza tradizzjonali għamlet it-tranżizzjoni lejn għajxien aktar indipendenti fil-komunità.

Skema Sens-ability

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti l-iskema Sens-ability? Tista’ tgħid ukoll kemm ibbenefikaw persuni minn din l-iskema, minn meta daħlet fis-seħħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Skema New Hope

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex tikkonsisti l-iskema New Hope fir-rigward ta' persuni b'diżabilità? Tista’ tgħid ukoll kemm ibbenefikaw persuni b'diżabilità minn din l-iskema, minn meta daħlet fis-seħħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Programm INK

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti l-programm INK għal persuni b'diżabilità? Tista’ tgħid ukoll kemm ibbenefikaw persuni b'diżabilità minn dan il-programm, minn meta daħal fis-seħħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-programm INK kien proġett Ewropew tal-ESF li ġie fi tmiemu fl-2022. Wara, inħoloq il-programm Way to Work li llum jifforma parti mill-Unit ta’ SkillUp.

Programm ta’ screening fost it-tfal minn età bikrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif ġie intensifikat il-programm ta‘ screening fost it-tfal minn età bikrija biex jiġu identifikati sfidi fiżiċi, intellettwali, soċjali u edukattivi, matul l-aħħar sitt snin?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Baġit 2027 – Ħlas għal terapiji ta’ diżabilitajiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema terapiji ser ikun qed isir il-ħlas kollu għalihom kif imħabbar fil-Baġit 2027? Tista' tgħid ukoll liema diżabilitajiet (fiżiċi, eċċ.) ser ikunu eliġibbli għal din il-miżura?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija inkluża fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari PQ W839.

Ħad-Dingli – Ċentru li joffri servizz ta’ respite

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett f'Ħad-Dingli li se joffri servizzi ta' respite għal tfal u żgħazagħ b'diżabilità? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li dan il-proġett jitlesta u jibda jopera? Tista' tgħid ukoll x'servizzi ser ikunu qegħdin jingħataw minn dan iċ-ċentru?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett f'Ħad-Dingli hija kważi kompluta, u matul il-ġimgħat li ġejjin ser jibdew ix-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll xogħlijiet oħra ta’ tlestija. Huwa mistenni li l-proprjetà tkun lesta biex tiġi operata fi żmien sena. Nixtieq nenfasizza li x-xogħlijiet fil-bini jeħtieġu metodu speċifiku sabiex jiġi ppreservat il-valur storiku tiegħu, f’konformità mar-rekwiżiti tal-awtoritajiet kompetenti. Min-naħa ta’ servizzi, il-proġett f’Ħad-Dingli hu mmirat li jipprovdi servizz ta’ respite għall-minuri. Filwaqt li bħalissa qed titlesta l-infrastruttura, bdew ukoll il-preparamenti biex jitfassal PSP agreement li permezz tiegħu se jopera dan il-proġett ġaladarba l-infrastruttura tkun lesta.

Vittmi tal-pillola Thalidomide – It-tieni sejħa għall-kumpens

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw persuni għat-tieni sejħa għal kumpens għall-vittmi tal-pillola Thalidomide? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu eliġibbli, kemm hu l-valur ta' kumpens għal kull persuna u meta hemm ħsieb li jsiru dawn il-ħlasijiet?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onoervoli Interpellanta li għat-tieni sejħa għall-kumpens għall-vittmi tal-pillola Thalidomide applikaw 8 persuni. Wara l-istadju ta’ screening tar-records mediċi, 3 applikanti kkwalifikaw għall-eżami mediku. A bażi tal-eżami mediku, żewġ applikanti kkwalifikaw għall-kumpens li ser jitħallas fuq medda ta’ tliet snin bħalma sar fl-ewwel sejħa.

Tfal bl-awtiżmu – Taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il tifel u tifla bl-awtiżmu attendew għat-taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma u fejn ingħata dan it-taħriġ? Tista' tgħid ukoll jekk dan il-proġett kienx biss proġett pilota jew inkella hux ser jibqa' jsir? Jekk ser jibqa' jsir, tista’ tgħid kull kemm żmien (sena, sentejn, eċċ.) ser jibda jsir dan it-taħriġ?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li 80 tifel u tifla bl-awtiżmu bejn l-etajiet tat-tlieta u ħames snin attendew għat-taħriġ personalizzat fl-għawm u s-sigurtà fl-ilma li sar fil-pixxina tal-Inspire u fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq. Bħalissa l-Ministeru qed jevalwa l-eżitu ta’ dan il-programm u kif jista’ jissaħħaħ biex jilħaq b’mod aktar effettiv ukoll lill-ġenituri u/jew kustodji tat-tfal.