Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — Safar fuq xogħol tal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid a. liema kienu s-safar fuq xogħol tal-Gvern li huwa kellu fl-2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza; b. liema kienu mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea u liema kienu minn fondi nazzjonali; c. min kellu fid-delegazzjoni tiegħu/tagħha; d. x’kienet l-ispiża totali ta’ kull safra msemmija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru ma sifritx fl-2021 sad-data ta’ din l-interpellanza.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ uffiċċju jew sular tal-quad towers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa’ taħtha laħaqx innegozja jew qed jinnegozja xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma laħqux innegozjaw u mhumiex jinnegozjaw xi ftehim ta kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — Persons of trust

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tagħha fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — Persons of trust

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tagħha bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21001.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21979, tista’ l-Ministru tagħti n-nefqa ta' reklami fuq it-televiżjoni mill-2017 sal-lum maqsuma sena b'sena n-nefqa ta' reklami fuq it-televiżjoni u mhux l-ammont globali biss ta' kull entità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni rikjesta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rapport tan-National Productivity Board

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19415 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid għalfejn l-Oppożizzjoni ma kenitx mistiedna għat-tnedija tar-Rapport tan-National Productivity Board fit-18 ta’ Frar 2021?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

MARSA – RAMEL GĦALL-KORSA TAŻ-ŻWIEMEL

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa r-ramel li ntefa' fil-Korsa tal-Marsa fl-14 ta' Settembru? Min iddeċieda li jintgħażel dan ir-ramel? X'konsultazzjoni saret mas-sidien u s-sewwieqa qabel ma nxtara dan ir-ramel? Min iffinanzja x-xiri ta' dan ir-ramel? Tista’ tgħid għaliex ir-ramel li tpoġġa fil-25 t’April ta’ din is-sena inbidel fl-14 ta’ Settembru? Għaliex tneħħa f’daqshekk żmien qasir?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-ramel li ntefa’ fil-Korsa tal-Marsa fl-14 ta’ Settembru ġie jiswa €60,000, liema ramel ġie magħżul minn kumitat tekniku fi ħdan il-Malta Racing Club. Dan ir-ramel ġie ffinanzjat mill-fondi tal-Malta Racing Club sabiex ikun ramel tal-għola kwalità.

Kunsill tal-Malta Racing Club – privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Marsa — laqgħat ta’ informazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dati ta' meta l-Kunsill tal-Malta Racing Club organizza laqgħat ta' informazzjoni mas-sidien u s-sewwieqa dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpless tal-Marsa bejn it-22 ta' Marzu 2017 minn meta ġie ffirmat l-MOU mal-kumpanija privata sad-data meta qiegħda ssir din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill tal-Malta Racing Club kien involut fil-proċess u, tajjeb wieħed jgħid, li fl-istess Kunsill hemm rappreżentanza tas-sidien u s-sewwieqa.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha mill-2017 sal-lum?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja ġie fis-seħħ sa minn 23 ta’ Novembru 2020. Għaldaqstant, l-informazzjoni rikjesta qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Trakka tal-karozzi — impatt

Question

Wara li tħabbar li se ssir trakka tal-karozzi f'Ħal Far, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx Impact Assessment tal-ħsejjes u l-kwalità tal-arja? Jekk iva tista’ tippubblika tali studju?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit tat-trakka kien magħżul wara ħafna diskussjonijiet u kunsiderazzjonijiet. Kien għalhekk li kienu skartati proposti antiki li saru anke għal Ħal Far. Dan peress li kienu jieħdu ferm iktar art u setgħu kienu ta’ inkonvenjent għar-residenti għax kienu jersqu viċin tagħhom wisq. Illum, bis-sehem ta’ esperti internazzjonali, tfasslet trakka li ħadet l-inqas art possibbli u li se tkun tinkludi fiha anke miżuri ta’ mitigazzjoni li saħansitra huma maħsuba biex jindirizzaw l-attività li diġà hemm illum. L-applikant tat-trakka, li hija l-Malta Motorsport Federation, mistennija li tippreżenta rapporti bħala parti mill-proċess tal-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif mitlub mill-awtoritajiet konċernati.

Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji — miżuri regolatorji - sanzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm, sena b'sena mill-2017 s'issa jekk l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji ħa xi miżuri regolatorji biex jiġu imposti xi forma ta' sanzjonjiet? Jekk ittieħdu, f'kull każ, fiex kienu jikkonsistu tali miżuri?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li bejn l-2017 u l-2019 ma kien hemm l-ebda każ, is-sena li għaddiet kien hemm 29 għaqda li ġew imħassrin mir-reġistru peress li ma ottemprawx ruħhom mal-liġi. Minkejja dan, ma ġew imposti l-ebda sanzjonjiet.

Ix-Xemxija – Promenade — bankijiet

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-bankijiet li qed jitpoġġew fuq il-promenade tax-Xemxija ma jkunux qed jostakolaw l-aċċessibilità fuq il-bankina għall-persuni b’diżabilita, nies b’pushchairs jew/u oħra li jkunu jridu jippassiġġaw fuq l-istess bankina? Il-mod kif tpoġġew sa issa dawn il-bankijiet qed jikkawżaw nuqqas ta’ aċċessibilità. (ritratt anness)

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi lill-Ministeru konċernat, ngħarrfu li se nitlob biex issir kordinazzjoni inter-ministerjali ħalli dejjem ikollna infrastruttura b’aċċessibbiltà kif jixraq.

Pjazza ta’ Raħal Ġdid – mafkar għall-memorja ta’ Tony Bezzina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern jaqbilx li jsir mafkar fil-pjazza prinċipali ta’ Raħal Ġdid, f’ġieħ il-memorja ta’ Tony Bezzina, ex President tal-Hibernianc FC u Pawlist, li kien igawdi rispett minn kulħadd?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Tony Bezzina kien bniedem maħbub u rrispettat, mhux biss f’Raħal Ġdid, imma minn Malta kollha u ħaqqu kull ġieħ u rispett.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru telenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tagħha u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, filwaqt li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità nefqet total ta €5,940.70 fl-2017 u l-2018 u SportMalta nefqet €5,000 sa issa fl-2021, il-Ministeru, id-dipartimenti u l-entitajiet l-oħrajn ma kellhom l-ebda kunsulenza kif issuġġerit minn Marzu 2013 s’issa.

Mtarfa FC – grawnd tal-futbol

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20130 u tgħid min ta permess lill-kuntrattur li jkisser il-grawnd tal-futbol tal-Imtarfa Youth Nursery meta dawn għandhom kuntratt ta’ użu mill-gvern stess għal 48 sena? Taf il-Ministru li dan it-tkissir mill-kuntrattur kien twaqqaf mill-istess membru tal-klabb f’Novembru li għadda, wara li ħadd ma kien avżahom u marru jiġru fuq il-post? Tista’ tgħid għaliex il-kuntrattur reġa ntbagħat inkiss inkiss biex ikisser, meta l-Kumitat tal-Mtarfa FC ma kienx jaf dwar dan it-tkissir? Tista’ tgħid mill-2018 lil hawn, jiġifieri minn meta l-Gvern iddeċieda li jbiegħ l-Iskola tal-Imtarfa, kemm-il darba ltaqa’ mal-kumitat tal-Imtarfa biex jiddiskuti u joffri post alternattiv lin-nursery tal-Mtarfa? Tista’ tikkonferma li wara żewġ attentanti biex jitkisser il-grawnd mingħajr permess mill-Mtarfa FC, il-gvern kienu għadu m’offriex post alternattiv biex jintuża immedjatament għat-training? Tista’ tgħid liema se jkun il-post alternattiv ipprovdut mill-gvern għat-training tat-tfal tal-Imtarfa? Tista’ tgħid meta se jitkisser il-grawnd l-ieħor tal-Mtarfa FC u jekk il-klabb hux se jingħata grawnd mill-ewwel biex jittrenjaw fih?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet fil-kumpless tal-iskola tal-Mtarfa huma parti minn proġett multi miljunarju li se joffri titjib sostanzjali f’dawk li huma facilitajiet sportivi. F’diskussjonijiet u bi qbil ma’ Mtarfa FC, it-taħriġ tat-tfal ser ikun qed isir fil-grawnd De Piro fl-Imtarfa u fil-faċilitajiet tal-kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat. Il-gvern investa s-somma ta’ €70, 000 biex it-taħriġ ikun jista’ jibqa’ għaddej fil-postijiet imsemmija. Bi qbil ma’ Mtarfa FC, sakemm jiġu ffinalizzati x-xogħolijiet fil-kumpless tal-iskola tal-Mtarfa, li ma jaqax taħt ir-responsabbilta’ ta dan il-Ministeru, Mtarfa FC ser ikollhom il-faċilitajiet neċessarji għat-taħriġ.

In-Naxxar — Proġett tal-Hub tad-Diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk u meta se jitkompla l-proġett tal-hub tad-diżabilità qrib it-Trade Fair grounds fin-Naxxar? Tista’ tgħid ukoll jekk il-proġett tal-istess hub fin-Naxxar hux se jiġi finanzjat (parti jew sħiħ) minn Fondi Ewropej? Jekk iva, tista' tgħid jekk il-fondi u l-proġett fil-fatt ġewx approvati mill-Unjoni Ewropea u jekk kienx hemm oġġezzjonijiet għal dan il-proġett minn organizzazzjonijiet u entitajiet mill-Unjoni Ewropea?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett REACH fin-Naxxar ser ikun qed jitkompla hekk kif ikunu finalizzati l-proċeduri legali preżenti. Dan il-proġett mhux finanzjat minn Fondi Ewropew iżda minn fondi nazzjonali skont kif dikjarat f’Mistoqsija Parlamentari numru 16240. Il-pjanijiet għall-proġett REACH għaddew minn proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet u entitajiet kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell Ewropew. Din il-konsultazzjoni hi proċess regolari sabiex ikun assigurat li l-proġett ikun konformi ma’ leġislazzjonijiet u standards lokali u internazzjonali waqt li jkunu salvagwardjati d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Korsa tal-Marsa – ramel – nefqa

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20128 u tgħid kemm ġie jiswa r-ramel li ntefa’ fil-Korsa tal-Marsa f’Jannar li għadda? Tista’ tgħid jekk ħarġitx sejħa pubblika? Min kien responsabbli mix-xogħlijiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mir-rekords tal-Malta Racing Club qatt ma jidher li ħareġ tender għar-ramel fl-aħħar 40 sena. Ninsab infurmat li l-Malta Racing Club dejjem mexa fuq sistema li jsiru laqgħat ma’ numru ta’ suppliers lokali biex jinxtara l-aħjar materjal possibbli. F’dawn il-laqgħat dejjem ipparteċipaw ir-rappreżentanti tas-sidien u l-ġerrejja li huma membri fil-Kunsill. Fir-rigward ta’ l-aħħar xirja li saret f’Jannar, jien infurmat li x-xogħol tar-ramel sar minn F.Schembri Holdings.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — Position of Trust - salarji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji għal persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta tal-PQ 21001.

Ministeru għal-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm xi żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtha fl-2020 u 2021? Jekk iva ta’ kemm kienet din iż-żieda?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta tal-PQ 21001.

Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji – reġistrazzjonijiet ta’ għaqdiet volontarji kkanċellati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew irtirati jew kanċellati reġistrazzjonijiet ta’ għaqdiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji sena b’sena mill-2017 s’issa? Jekk kien hemm, tista’ f’kull każ tgħid jekk ġewx mogħtija r-raġunijiet għall-kanċellament jew irtirar u jekk iva f’kull każ x’kienu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ kemm ġew irtirati jew kanċellati reġistrazzjonijiet sena b’sena min 2017 s’issa qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Irtirar isir volontarjament għal diversi raġunijiet li jista jkun ma jingħatawx b’mod uffiċjali mill-amministraturi. Rigward kanċellamenti min-naħa tal-Kummissarju, dawn ma kienux jkunu konformi mal-liġi jiġifieri l–Att Dwar l-Għaqdiet Volontarji, Kap 492 tal-Liġijiet ta’ Malta u l-liġijiet sussidjarji tagħha. Dan għaliex l-organizazzjonijiet ma ssottomettewx l-annual returns’ għal numru ta’ snin.