Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm ebda obbligu li tiġi trasposta xi Direttiva fl-2023 dwar id-diżabilità. Filwaqt li ninfurmah ukoll li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-Direttivi tal-UE li ġew trasposti matul l-2023 u dawk li għadhom pendenti biex jigu trasposti din l-istess sena (iż-żewġ titoli EN & MT inklużi) min-naħa tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).

Independent Community Living — Nefqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intefqu fondi għall-Independent Community Living mis-sena 2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll kemm-il persuna bbenefikat minn dawn il-fondi għal kull sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Aġenzija Sapport — Assistenza Personali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-minimu u l-massimu ta' fondi li qiegħed jingħata lil persuna b'diżabilità li qiegħda tibbenefika għas-servizz tal-Assistenza Personali mingħand l-Aġenzija Sapport? Tista' tgħid kemm hu l-minimu u l-massimu ta' sigħat li persuna b'diżabilità qiegħda tikkwalifika għalihom għas-servizz tal-Assistenza Personali mingħand l-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-minimu ta’ fondi mogħtija lil persuna b’diżabilità li tibbenifika fil-preżent mis-servizz tal-Assistenza Personali mmexxi mill-Aġenzija Sapport hu ta’ €936 fis-sena waqt li l-ogħla somma li qed tingħata hi dik ta’ €131,500 fis-sena. Il-minimu ta’ sigħat ta’ servizz ta’ assistenza personali fil-preżent hu ta’ sagħtejn fil-ġimgħa waqt li l-massimu li qed jingħata hu dak ta’ 24 siegħa kuljum għal 7 ijiem (servizz 24/7).

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Tista’ tgħid ukoll liema kienu u tagħti break down tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Baġit 2023 — Item 7475 REACH - Independent Living and Employment

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li f’Item 7475 REACH - Independent Living and Employment fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għall-2023 kien hemm tnaqqis minn €4,000,000 (approved estimate 2022) għal €300,000 (estimate 2023)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13319.

Baġit 2024 – Item 7464 Day/Night Shelter for Persons with Disability

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li fil-Baġit 2024 kien hemm tnaqqis bin-nofs f’Item 7464 Day/Night Shelter for Persons with Disability, minn €400,000 is-sena l-oħra għal €200,000 din is-sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-allokazzjoni tal-baġit tas-sena 2023 l-ammont allokat kien €200,000 u mhux dak iddikjarat f'din il-mistoqsija. L-allokazzjoni tal-baġit għas-sena 2024 huwa l-istess għal dak allokat għas-sena 2023.

Disabled reserved parking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kull meta ssir ‘review’ tal-listi tad-disabled reserved parking (kaxxi blu) u jekk jiġix iċċekjat min ma għadx għandu bżonnu jew miet u allura jitneħħew dawn il-kaxxi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9280.

Blue Badge — Każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma ngħatatx il-blue badge l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikanta msemmija ma kinitx eliġibbli għad-dokument tal-Blue Badge fiż-żmien tal-assessjar tal-applikazzjoni skont il-kriterji stabbiliti. Din id-deċiżjoni ġiet ibbażata fuq ir-rapport mediku sottomess mal-applikazzjoni u wara l-assessjar minn professjonisti mediċi indipendenti. L-applikanta ma ssottomettietx appell mid-deċiżjoni li ttieħdet, li setgħet tagħmel dan sa tletin ġurnata mid-data tal-ittra mibgħuta lilha. Il-proċess ta’ kif wieħed jista’ jappella hu deskritt f’din l-ittra li tintbagħat lil kull applikant li jkun instab li mhux eliġibbli.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Positions of Trust - Salarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji kollha għall-persuni kollha li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtha għas-sena 2022?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja, (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Assistenza Għal Diżabiltà Severa –Blue Badge

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-persuni li jirċievu l-Assistenza Għal Diżabiltà Severa humiex eleġibbli għall-Blue Badge?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema tal-Blue Badge timxi ma’ kriterji ta’ eliġibilità speċifiċi. Mhux kull persuna li hija eliġibbli għal Assistenza għal Diżabilità Severa hi eliġibbli għal Blue Badge minħabba li jintuża metodu differenti ta’ assessjar.

Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi — Azzjonijiet rappreżentattivi

Question

B’referenza għall-Att Nru XVII tal-2023 (issa Kap. 635) li daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2023, tista’ l-Ministru tgħid: a. liema huma l-entitajiet kwalifikati f’Malta li għall-finijiet tal-Kap. 635 jistgħu jagħmlu azzjoni rappreżentattiva skont l-istess liġi; u b. jekk s’issa sarux xi azzjonijiet rappreżentattivi skont il-Kap. 635 u jekk saru minn min saru u dwar xiex?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ma saret l-ebda talba lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex xi għaqdiet tal-konsumaturi jew entitajiet oħra jkunu mwaqqfa bħala entità kwalifikata skont l-artikolu 5 (1), (2) u (3) tal-Att dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi (Kapitlu 635).

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) –impożizzjoni ta’ sanzjonijiet jew penali finanzjarji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12151 dwar jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kienx f’qagħda li jieħu passi regolatorji biex jassigura konformità mal-liġi dwar il-kompetizzjoni, peress li l-Ministru rreferietni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4362 tat-13-il Leġiżlatura u peress li din l-istess tweġiba mhijiex relatata mas-suġġett, tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12151?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mistoqsija parlamentari 12151 ġie mistoqsi jekk bejn Mejju 2016 u Mejju 2019 l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kienx f’pożizzjoni li jimponi sanzjonijiet jew jieħu passi għat-teħid ta’ sanzjonijiet. Fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4362 tat-13-il leġiżlatura kien ġie ċċarat li f’dan iż-żmien l-Uffiċċju uża l-poteri li ttih il-liġi speċifikament l-impożizzjoni ta’ miżuri interim waqt li ma kienx f'pożizzjoni li jimponi multi u dan naturalment għax kien hemm sentenza mill-Qorti Kostituzzjonali li ngħatat f’Mejju 2016 fil-konfront tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni li kienet tagħmilha ċara li d-Direttur Ġenerali ma setgħax jimponi sanzjonijiet.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Konsulenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12491 u tgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat magħha f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u tgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Membri tal-management ta' NGOs — Persuni li għaddejjin bi proċeduri kriminali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li għaddejjin bi proċeduri kriminali li huma membri tal-management ta' NGOs reġistrati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diffiċli jkun hemm numru definit ta’ persuni li għaddejjin proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom u li huma amministraturi għaliex kull persuna hija meqjusa nnoċenti sakemm misjuba ħatja u mhux dejjem jixxandar l-isem tal-akkużat jew akkużata. Huwa biss meta l-individwu jinstab ħati ta’ reati kriminali u meta jkun mgħarraf bihom li l-Kummissarju għandu l-jedd li jneħħi jew jittermina r-rwol ta’ l-individwi fl-amministrazzjoni tal-għaqda. Tajjeb li wieħed jgħid li f’dawn l-aħħar tliet snin kien hemm żewġ persuni li minħabba li għandhom proċeduri kriminali kontrihom issospendew lilhom infushom mill-amministrazzjoni tal-għaqdiet li kienu nvoluti fiha.

Membri tal-management ta' NGOs — Compliance ta' persuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid min jagħmel compliance ta' persuni li jkunu membri tal-management ta' NGOs reġistrati jew li se jiġu reġistrati u kemm jiswa dan il-proċess?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ livelli ta’ skrutinju. Hemm dak li jkun qed isir fil-proċess biex l-għaqda tkun iskritta mal-Uffiċċju tal-Kummissarju fil-fażi tal-VO Intent u l-Pre-Enrollment u hemm dak li jsir b’mod kontinwu tul il-ħajja tal-għaqdiet. Il-Proċess ta’ skrutinju tal-membri fl-amministrazzjoni tal-għaqdiet volontarji, fiż-żewġ istanzi jitmexxa u jsir direttament mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji fuq bażi ta’ informazzjoni li tkun provduta lill-uffiċċju kemm minn sorsi pubbliċi (Open Source), kif ukoll minn sorsi oħra uffiċjali u awtoritajiet kompetenti. Apparti minn hekk tintuża soluzzjoni teknoloġika ta’ skrutinju kontinwu sabiex tikkumplimenta x-xogħol li jsir mill-Uffiċċju tal-Kummissarju. Il-ħlas għal aċċess għal din is-sistema huwa ta’ €7,200 (plus VAT) u ħlas ta’ €1 għal kull amministratur li tkun saret riċerka fuqu.

Servizz tal-assistenti personali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna bbenefikat mis-servizz tal-assistent personali matul is-sena 2023? Billi f'paġna 30 tad-Diskors tal-Baġit 2024 qed jingħad li matul l-2024 se jkun hemm investiment ta’ €5.2 miljun għal assistenti personali, tista' tgħid ukoll kif se jkunu qed jintefqu dawn il-flus, kif ukoll kemm se jkun hemm persuni li mistennija jibbenefikaw minn dawn in-nefqiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bejn Jannar 2023 u d-data tat-tweġiba kien hemm 391 persuna b’diżabilità li bbenefikat mis-servizz tal-assistent personali. Il-baġit allokat għal assistenti personali fl-2024 mistenni li jkompli jilħaq il-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni waqt li jintlaħqu madwar 50 persuna addizzjonali.

Tax credit għal terapija ta' tfal b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ġenitur ibbenefika mit-tax credit għal terapija ta' tfal b'diżabilità matul is-sena 2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iskema ta' kreditu ta' taxxa toffri dan il-kreditu fuq it-taxxa mħallsa għad-dħul għas-sena li qegħdin fiha, jiġifieri għall-2023. Filfatt, l-applikazzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika mill-iskema msemmija jistgħu jintlaqgħu sal-15 ta' Jannar 2024 u jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tas-CRPD fuq www.crpd.org.mt/therapy-tax-credit/

Naxxar — Disability hub

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett tad-disability hub fin-Naxxar? Mill-fondi allokati għas-sena 2023, tista’ l-Ministru tgħid kemm fondi intużaw u fiex intużaw, għal dan il-hub? Tista’ tgħid ukoll kemm huma l-fondi allokati għal dan il-hub għas-sena 2024?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà ġie spjegajt aktar kmieni f’mistoqsijiet parlamentari preċedenti, minħabba li minn meta kien ser jibda l-proġett kien hemm kumplikazzjonijiet li nqalgħu minħabba skoperti ta’ fdalijiet li huma protetti mis-Supretendenza għall-Patrimonju Nazzjonali, kif ukoll tilwim legali li jinvolvi wkoll każ il-Qorti, għadda ħafna ż-żmien minn fuq id-dati tal-implimentazzjoni tal-proġett. Bil-pandemija tal-Covid 19 u anke bit-tisħiħ t’Artiklu 19 tal-konvenzjoni għad-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proġett kif kien ippjanat ma kienx ser ikun jirrispetta l-bżonnijiet u n-neċessitajiet tal-komunitajiet tagħna. Kien għalhekk li l-Ministeru ser ikun qed jerġa’ jiddiskuti mal-istakeholders biex naraw id-dimensjoni ġdida ta’ dan il-proġett biex jindirizza r-realtajiet u l-esiġenzi tal-kommunitajiet tagħna bil-foka dejjem tibqa’ l-aħjar interess ta’ persuni b’diżabilità.

Respite facilities għall-familji bi tfal b’diżabiltà

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex ser ikun hemm respite facilities għall-familji bi tfal b’diżabiltà fil-parti ta’ isfel tal-pajjiż billi preżentement dawn il-facilities jinsabu fil-parti ta’ fuq ta’ Malta biss?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent għaddejja ħidma biex jitwettaq il-pjan, skont kif imwiegħed fil-manifest elettorali li jindirrizza dan il-bżonn ta’ faċilitajiet ta’ respite fil-parti ta’ isfel ta’ Malta.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Nefqa fuq reklmar

Question

Tista' l-Ministru tgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali fuq reklamar fuq is-sit soċjali Facebook tal-Ministeru u l-entitajiet tinsab fit-tabella hawn taħt: Entitajiet Nefqa totali fuq reklamar fuq Facebook Aġenzija Sapport €996.10 Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) €180.00 L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) €1,177.32 Il-Kummissjoni għ ad- Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilit à (CRPD) €338.43 L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) NIL Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni minn Radjazzjoni Ijonizzanti u Mhux Ijonizzanti (RPC) NIL Il-Ministeru għall- Inklużjoni, il -Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur (MIVC) NIL