Legislature:
Category:
Reset
Active:

Charging points pubbliċi li ma jaħdmux

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1896 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u tgħid kemm hemm charging points pubbliċi li ma jaħdmux u kemm ilhom barra mis-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minn total ta’ 578 charging point pubbliku hemm sebgħa li mhux jiffunzjonaw minħabba li għadhom ma waslux il-parts elettroniċi minn barra.

Infrastruttura tal-elettriku – Distribution centres, substations ġodda u tqegħid ta’ cables

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12119 tal-14-il Leġiżlatura, tista' l-Ministru tgħid kemm saru distribution centres u substations ġodda, u kemm tqiegħdu cables tat-33kV, tal-11kV, u tal-low-voltage, matul is-snin 2023, 2024, 2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont is-sena? Tista' wkoll tipprovdi tabella li turi l-istess tagħrif dwar il-kilometri ta' cables u substations kummissjonati matul l-istess perjodu, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar erba’ snin l-Enemalta kompliet twettaq programm estensiv ta’ investiment u tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Fir-rigward ta’ substations ġodda, fl-2023 ġew kummissjonati 41 substation ġdida, fl-2024 ġew kummissjonati 58, fl-2025 ġew kummissjonati 56, filwaqt li fl-2026 ġew kummissjonati 57. B’hekk, matul il-perjodu 2023-2026 ġew kummissjonati total ta’ 212-il substation ġdida. Matul l-istess perjodu saru kemm xogħlijiet ta’ tisħiħ permezz ta’ low-voltage feeders ġodda, kif ukoll feeders ġodda marbuta mal-kummissjonar ta’ substations ġodda. Fl-2023 ġew kummissjonati 86 low-voltage feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network, flimkien ma’ 57 feeder minn substations ġodda, għal total ta’ 143 feeder. Fl-2024 ġew kummissjonati 166 feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ u 157 feeder minn substations ġodda, għal total ta’ 323 feeder. Fl-2025 ġew kummissjonati 153 feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ u 110 minn substations ġodda, għal total ta’ 263 feeder. Fl-2026 ġew kummissjonati 127 feeder bħala parti mix-xogħlijiet ta’ tisħiħ u 121 minn substations ġodda, għal total ta’ 248 feeder. B’hekk, bejn l-2023 u l-2026 ġew kummissjonati 977 low-voltage feeder ġdid. Fir-rigward tal-infrastruttura tal-cables, sar investiment estensiv fin-network ta’ vultaġġ medju, b’madwar 275 kilometru ta’ cables ta’ medium voltage bħala parti mill-programm ta’ investiment fin-network tad-distribuzzjoni. Matul din is-sena infetħu tliet Ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar, is-Siġġiewi u l-Imsida. Dak tas-Siġġiewi kien jinkludi tqegħid ta’ madwar 39 kilometru ta’ cables ta’ 33kV u 32 kilometru ta’ cables ta’ 11kV.  Filwaqt li l-konnessjoni taċ-ċentru l-ġdid fin-Naxxar man-network saret miċ-Ċentru ta’ Diostribuzzjoni tal-Mosta u kienet tinkludi madwar 15-il kilometru ta’ cables ġodda ta’ 33kV. ll-pjan ta’ disa’ snin li għandha l-Enemalta għat-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tan-network tal-elettriku, fost oħrajn jipprevedi investiment fi 12-il Ċentru ta’ Distribuzzjoni ieħor ġdid li se jsiru fis-snin li ġejjin. Matul l-aħħar erba’ snin saru wkoll upgrades f’Ċentri ta’ Distrubuzzjoni eżistenti, fosthom fil-Freeport, Buġibba, St Andrew’s u Kirkop, b’interventi fuq transformers, switchgear u infrastruttura ta’ 33kV u 11kV. Dan il-programm ta’ investiment u tisħiħ tan-network se jissokta fis-snin li ġejjin, b’numru ta’ proġetti infrastrutturali li diġà jinsabu fi stadji differenti ta’ pjanar u kummissjonar. Dawn jinkludu investiment sostanzjali fl-infrastruttura tal-elettriku f’Għawdex. L-Enemalta nediet il-proċess ta’ xiri għal żewġ cables ġodda ta’ 33kV taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, b’kull cable ippjanat li jkun twil madwar tmien kilometri. Dawn il-links ġodda huma maħsuba biex ikomplu jżidu l-kapaċità u r-redundancy fil-provvista tal-elettriku lejn Għawdex. B’mod parallel, inħarġu wkoll żewġ sejħiet għall-offerti b’valur stmat kumplessiv ta’ kważi €11-il miljun għat-tisħiħ tan-network intern ta’ 33kV f’Għawdex. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu l-provvista u t-tqegħid ta’ cables ġodda ta’ 33kV li ser jgħaqqdu l-infrastruttura l-ġdida ta’ 132kV maċ-Ċentri ta’ Distribuzzjoni tax-Xewkija u l-Qala, kif ukoll maċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni l-ġdid fiż-żona tar-Rabat/Kerċem. Ix-xogħlijiet huma pjanati fuq tliet fażijiet li jkopru Għajnsielem, ix-Xewkija u ż-żona bejn ix-Xewkija u r-Rabat. Qed ikompli wkoll ix-xogħol preparatorju fuq konnessjoni ġdida ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex. Dan il-proġett jinkludi l-istudji u l-marine surveys meħtieġa għar-rotta u l-landing points, l-infrastruttura relatata, il-cables ta’ 132kV fuq l-art f’Malta u Għawdex, kif ukoll id-disinn, l-installazzjoni u l-kummissjonar tal-konnessjoni ta’ 132kV taħt il-baħar. Il-programm ippjanat f’Għawdex jinkludi wkoll żewġ Ċentri ta’ Distribuzzjoni ġodda u aktar tisħiħ tal-konnettività interna tan-network ta’ 33kV f’Għawdex. Dawn l-investimenti jkomplu jibnu fuq ix-xogħol li diġà twettaq mill-2023 ’l hawn u jiffurmaw parti mill-programm kontinwu tal-Enemalta sabiex tkompli żżid il-kapaċità, ir-redundancy u r-reżiljenza tan-network tal-elettriku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammonti ta’ substations u feeders ġodda li ġew kummissjonati bejn l-2023 u l-2026, maqsumin sena b’sena u lokalità b’lokalità.

Enemed - PA/07103/25 - Irtirar tal-applikazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għaliha l-Enemed irtirat l-applikazzjoni PA/07103/25, u x'inhi l-alternattiva ppjanata għat-tkabbir li kien maħsub f'dik l-applikazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-applikazzjoni ġiet irtirata biex ikunu protetti s-siġar taż-żebbuġ li hemm fiż-żona u allura jsir tentattiv biex jinstab post alternattiv.

ARMS – Promozzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fl-ARMS, minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Tista' tgħid ukoll, f'kull każ, minn liema grad għal liema grad ingħataw il-promozzjonijiet, u meta nħarġet is-sejħa għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Klieb ikkonfiskati f’Bengħajsa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn klieb li ġew ikkonfiskati minn uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali minn post ġewwa Bengħajsa fuq allegat negliġenza, ingħataw għall-addozzjoni fl-immedjat? Tista’ tgħid ukoll x'ser jiġri wara li l-Qorti ddeċidiet li dawn il-klieb kellhom jiġu rritornati lura għand is-sid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Operat tal-veterinarji – Annimali miġbura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew miġbura annimali, minn meta l-operat tal-veterinarji qed isir minn ġewwa l-Għammieri stess, u x’annimali kienu? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-annimali ġew imraqqda, maqsuma skont it-tip ta' annimal? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm talba biex ikun hemm investigazzjoni fuq l-operat tal-veterinarji ġewwa l-Għammieri?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Veterinarji/staff mediku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm veterinarji u staff mediku jaħdmu mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, biex dan is-servizz ikun jista’ jingħata 24 siegħa kuljum u b'hekk l-annimali li jiġu salvati, jingħataw il-kura meħtieġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għandu żewġ veterinarji assititi minn Veterinary Technical Officer (VTO). Sabiex jiġi żgurat li l-annimali salvati jkollhom aċċess għall-kura veterinarja meħtieġa f’kull ħin, inkluż f’każijiet ta’ emerġenza, il-ħidma tal-veterinarji tad-Direttorat hija ssupplimentata b’arranġamenti ma’ kliniċi veterinarji privati meta l-veterinarji tad-Direttorat ma jkunux disponibbli.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali – Għajnuna veterinarja – Annimali meħuda ġewwa l-Għammieri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn meta bdew jittieħdu direttament ġewwa l-Għammieri għall-għajnuna veterinarja l-annimali misjuba mill-ambulanza tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, minflok jittieħdu ġewwa klinika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Manoel Island – Stadji ta’ tindif u manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-istadji li jmiss wara l-ewwel stadju ta’ tindif f’Manoel Island, u x’inhu ż-żmien mistenni għal kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5225.

Manoel Island – Tindif u manutenzjoni – Żmien tat-tlestija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu mistenni li jdum l-ewwel stadju tax-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni f’Manoel Island, u meta hu mistenni jitlesta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5225.

Manoel Island – Tindif u manutenzjoni – Pjan ta’ xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ xogħol li fuqu qed isiru x-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni f’Manoel Island?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din it-tweġiba tapplika wkoll għal mistoqsijiet parlamentari oħrajn li għamlet dwar l-istess suġġett. L-ewwel stadju tax-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni f’Manoel Island jinkludi t-tneħħija ta’ skart tal-kostruzzjoni, żbir tas-siġar u t-tneħħija ta’ siġar mejtin li mhumiex protetti, kif ukoll l-installazzjoni ta’ poġġamani temporanji biex jittejbu l-aċċessibbiltà u s-sigurtà. Ix-xogħlijiet qegħdin jitwettqu b’kollaborazzjoni m’entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, fosthom Cleansing Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Project Green qed tagħmel l-interventi fuq is-siġar permezz tar-riżorsi interni tagħha, filwaqt li Cleansing Malta qed tikkoordina t-tneħħija tal-iskart. L-interventi fuq is-siġar huma koperti mill-permess ġenerali deskritt hawn taħt, u l-miżuri kollha huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-entitajiet rispettivi. Dan l-istadju huwa mistenni jissokta tal-inqas sa tmiem ta’ din is-sena. Wara l-ewwel stadju, se jsiru aktar xogħlijiet ta’ tindif u stħarriġ tal-bini storiku biex jinkixfu elementi u jiġi identifikat materjal f’sit li qabel kien mgħotti bil-veġitazzjoni li jista’ jkollhom valur storiku. Dan il-materjal jitqiegħed separatament f’żoni apposta fis-sit, skont id-direzzjonijiet tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, u kull sejba tiġi indirizzata skont il-każ. Il-kordinazzjoni mas-Sovrintendenza hija kontinwa. Fl-istess waqt, għaddejjin konsultazzjonijiet mal-entitajiet rilevanti, fosthom Heritage Malta. L-ispiża tal-ewwel stadju tax-xogħlijiet li qiegħda twettaq Project Green qed tkun koperta mill-vot tal-infiq operattiv (OPEX). Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ambjentali u l-interventi fuq is-siġar, Project Green għandha permess ġenerali maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), magħruf bħala block permit, li jkopri l-ewwel stadju tax-xogħlijiet. Iż-żbir qed jinżamm għall-minimu meħtieġ għas-sigurtà tas-sit. Il-permess jipprevedi l-attivitajiet li ġejjin: -     It-tneħħija u l-kontroll ta’ speċi aljeni invażivi ta’ annimali u pjanti; -     It-tħawwil ta’ siġar, arbuxxelli u pjanti; -     Il-qtugħ tal-ħaxix; -     Il-qlugħ mill-għeruq, il-qtugħ u/jew it-twaqqigħ ta’ siġar elenkati fl-Ewwel Skeda tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.123; -     Iż-żbir għal skopijiet ta’ manutenzjoni ta’ siġar elenkati fl-Ewwel Skeda tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.123; -     It-tħawwil ta’ siġar fi bnadi oħra elenkati fl-Ewwel Skeda tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.123. Skont il-prattika tajba u l-permess ta’ Project Green, l-interventi kollha huma konformi mal-linji gwida tal-ERA dwar xogħlijiet li jinvolvu s-siġar (Guidelines on Works Involving Trees), disponibbli hawn: https://era.org.mt/wp-content/uploads/2020/08/Guidelines-on-Works-involving-Trees.pdf Il-pubbliku għandu aċċess għal Manoel Island imma ovvjament għandu jagħmel dan b’kawtela meta javviċina żoni fejn ikunu għaddejjin ix-xogħlijiet.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3738 u 4463 u tagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn żmien għal żmien, il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, inklużi l-entitajiet li jaqgħu taħtu, joħorġu skemi ta’ assistenza jew sejħiet għal proġetti li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw l-NGOs. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi l-Iskema ta’ Assistenza taħt il-Fond tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-iskemi intiżi għal inizjattivi favur użu aktar effiċjenti tal-enerġija kif maħruġa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, u skemi oħra fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali li jipprovdu, fost l-oħrajn, għal titjib fil-faċilitajiet u servizzi veterinarji.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3737 u 4462 u telenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u tispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, inklużi l-entitajiet li jaqgħu taħtu, u l-NGOs - l-aktar dawk li joperaw fil-qasam ambjentali - hija waħda soda u stabbilita. Fost l-aqwa eżempji ta’ din il-kollaborazzjoni wieħed jista’ jsemmi d-diversi ftehim ta’ sħubija li jkopru t-tmexxija ta’ siti protetti kif ukoll l-assistenza li tingħata f’inizjattivi ta’ afforestazzjoni, tħaddir,  edukazzjoni ambjentali u f’dik li hija kura u ħarsien tal-annimali. L-NGOs li saret kollaborazzjoni magħhom huma Friends of the Earth Malta, Fondazzjoni Caritas Malta, Scout Association of Malta, Nature Trust Malta, Heritage Parks Federation, FOSAM/LOOP (Fondazzjoni għall-Opri Soċjali fl-Arċidjoċesi ta' Malta), Kaċċaturi San Ubertu, Malta Falconers Club, Birdlife Malta, Malta Beekeepers Association, Richmond Foundation, Hospice, Autism Parents Association, Mosta Girl Guides, Depiro Sports Club, AAA, Noah’s Ark, Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), Island Sanctuary, MSPCA, CSAF, CLAWS, RAR, Animal Guardians, Second Chance Horse u Our Rescue Malta.

Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett tal-Playfield ta' Ġokk

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Playfield ta' Ġokk fix-Xewkija, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll: i.    liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu; ii.   jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom; iii.  x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett; iv.  jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u v.   meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara talba mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija, il-proġett tal-Playfield ta’ Ġokk ġie approvat minn Project Green sabiex jibbenefika minn finanzjament ta’ €390,233 permezz tal-Local Greening Programme. Il-proġett approvat u li se jkun implimentat mill-Kunsill Lokali għandu l-għan li jirriġenera u jsebbaħ l-ispazju rikreattiv eżistenti, sabiex jinħoloq ambjent aktar aċċessibbli, sigur u akkoljenti għall-familji u r-residenti tal-lokalità. Ix-xogħlijiet proposti jinkludu l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-logħob għat-tfal u tagħmir għall-eżerċizzju fiżiku fil-beraħ, pavimentar apposta għas-sigurtà, bankijiet, passaġġi pavimentati, kif ukoll aktar tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. Il-proġett jipprevedi wkoll spazji għall-parkeġġ, inkluż parkeġġ aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Ix-Xewkija, Għawdex – Proġett ta’ Ġnien Castelvenere

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien Castelvenere fix-Xewkija, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll: i.    liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu; ii.   jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalihom; iii.  x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett; iv.  jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u v.   meta hu mistenni li jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4993.

Ħaż-Żabbar – Triq is-Santwarju/Triq iċ-Ċawsli – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit bejn Triq is-Santwarju u Triq iċ-Ċawsli, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sit indikat, GreenServ wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni li kien jikkonsisti fit-trasformazzjoni taż-żona urbana fi pjazza għall-użu tal-komunità u għal attivitajiet tradizzjonali, bl-introduzzjoni ta’ elementi ħodor u blu, fosthom qsari, ħitan ħodor u elementi tal-ilma. Dan il-proġett li kien inawgurat fl-2023 sar b’investiment ta’ madwar €845,000