Legislature:
Category:
Reset
Active:

Spazju industrijali – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 778 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal spazju industrijali u x’inhi l-medja taż-żmien li applikant jistenna sabiex tiġi deċiża l-applikazzjoni tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li bħalissa il-Malta Enterprise għandha 38 applikazzjoni, madanakollu wieħed ma jistax jagħti medja taż-żmien tal-applikazzjonijiet pendenti għal fatt illi kull applikazzjoni hija differenti skont it-tip ta’ operat.

Ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u OpenAI

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim iffirmat bejn il-Gvern ta’ Malta u OpenAI?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-ftehim mitlub jikkonsisti f’informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva, għaldaqstant ma jistax jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid iżda li sa issa mal-50 elf persuna diġa’ applikaw għal dan il-kors, filwaqt li mat-32 elf persuna diġa’ temmew dan il-kors b’suċċess. Madanakollu qed noffri lill-Onorevoli interpellant li b’mod personali u kunfidenzjali jara dan il-ftehim.

MDIA – Impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ impjegati full-time fi ħdan il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) li jaħdmu f’kull waħda mill-kategoriji professjonali li ġejjin: i.     Ekonomisti; ii.    Avukati; iii.   Accountants; iv.   IT Professionals; u v.    Inġiniera?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ impjegati full-time fi ħdan il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) li jaħdmu f’kull waħda mill-kategoriji professjonali li ġejjin, huma dawn: i. Ekonomisti; 1 ii. Avukati; 4 iii. Accountants; 2 iv. IT Professionals; 13 v. Inġiniera: 1

Selmun Palace Hotel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex Selmun Palace Hotel ma tibqax abbandunata u x’tip ta’ sigurtà hemm ipprovduta preżentement f’din l-istess lukanda?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Palazz ta’ Selmun – Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-Gvern biex isir ir-restawr tal-Palazz ta’ Selmun? Jista’ jgħid ukoll x’sar s’issa biex jiġi assigurat li t-tenders neċessarji jiġu ppubblikati/aġġudikati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-preparamenti sabiex tkun ippubblikata s-sejha pubblika jinstabu fi stadju avvanzat.

Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2973, 3307 u 3501 u jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tlaqghet ix-xahar li għadda u l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

MIEA/02/2026

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi d-dati ta’ meta saru sessjonijiet ta’ konsultazzjoni u ma’ min saru s-sessjonijiet qabel ma ħarġet is-sejħa għall-offerti b’referenza MIEA/02/2026 mill-Malta Investments & Economic Advisory?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninsab infurmat li fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm 78 propjeta mikrija mill-Gvern, li minnhom 40 huma mikrija mingħand il-Gvern, u 38 propjeta huma b’kirja mingħand il-privat.

Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 687 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Reġistru tan-Negozji – Kumpaniji imħassra – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija ġiet imħassra mir-Reġistru tan-Negozji minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi legali matul l-aħħar tliet snin, maqsuma skont is-sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Sena Numru ta Kumpaniji 2023 2,658 2024 713 2025 2,080

Reġistru tan-Negozji – Reġistrazzjonijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja taż-żmien li r-Reġistru tan-Negozji jieħu sabiex jipproċessa reġistrazzjoni ġdida, annual return u notifika ta’ bidla, maqsuma skont it-tip ta’ servizz?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, meta r-Reġistru tan-Negozji jirċievi dokumenti jew notifiki li jkunu konformi mar-rekwiżiti legali u li ma jkunux jeħtieġu korrezzjonijiet jew emendi ulterjuri, il-proċess tal-ipproċessar isir fi żmien ta’ tliet sighat fil-każ ta’ reġistrazzjoni ġdida. Fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ annual return, il-proċess normalment jitlesta fi żmien ħmistax-il ġurnata ta’ xoghol, filwaqt li notifiki relatati ma’ bidliet jiġu pproċessati fi żmien ġurnata jew jumejn.

Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall-Ekonomija,it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi, flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2973 u 3307 u jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Freeport – Suċċess ta’ investimenti riċenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’indikaturi ta’ prestazzjoni (KPIs) intużaw sabiex jitkejjel is-suċċess tal-investimenti riċenti fil-Freeport u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport ta’ monitoraġġ disponibbli?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jiċċara għal-liema investiment qiegħed jirreferi.

Servizzi ta’ broadband u 5G – Studji/valutazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe studju jew valutazzjoni li saru dwar il-livell ta’ kopertura u kwalità tas-servizzi ta’ broadband u 5G f’Malta u Għawdex matul l-aħħar sentejn?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tali informazzjoni diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra fir-rapport annwali tal-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni (MCA).

Infrastruttura diġitali – Pjan nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux pjan nazzjonali dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura diġitali kritika? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux stress-tests jew simulazzjonijiet matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Proġetti strateġiċi – Kuntratti li ġew estiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt relatat ma’ proġetti strateġiċi ġie estiż jew varjat wara l-għoti tiegħu, matul l-aħħar tliet snin, flimkien mar-raġuni għal kull estensjoni jew varjazzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, l-ebda kuntratt relatat ma’ proġetti strateġiċi ma ġie estiż jew varjat wara l-għoti tiegħu.

Proġetti strateġiċi – Post-implementation review

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għal kull proġett strateġiku li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu saritx valutazzjoni wara l-implimentazzjoni ("post-implementation review"), u jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra fejn din teżisti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant, li sa issa ma hemm ebda proġett li seta jsir post-implementation review fuqu wara l-implimentazzjoni.

Proġetti strateġiċi li jinsabu f’dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti strateġiċi kollha li bħalissa jinsabu f’dewmien meta mqabbla mal-pjan jew strateġija oriġinali tagħhom u għal kull wieħed jagħti r-raġuni ewlenija tad-dewmien?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Proġetti strateġiċi li bħalissa ma hemm ebda proġett li beda u li jinsab f’dewmien meta mqabbel mal-pjan stabbilit. Madanakollu hemm tliet proġetti li huma suġġetti ta’ appell kif qed jiġi spjegat hawn taħt, u li huma l-proġetti tax-Chalet, l-Evans Building u L-Pixkerija. Il-konċessjonijiet tal-proġetti ta’ Evans Building u Chalet jinstabu fil-proċess avvanzat u mistenni li jkun iffirmat il-kuntratt fix-xhur li ġejjin wara li jkunu eżawriti l-proċessi mitluba skont il-liġi. Il-konċessjoni tal-proġett tal-Pixkerija tinsab fi stadju ta' appell quddiem il-Qorti, b’deċiżjoni mistennija qabel tmiem is-sena.

Proġetti strateġiċi – Dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jrendu fi dħul fl-ekonomija Maltija kull proġett strateġiku elenkat fil-lista tal-proġetti strateġiċi kollha, matul l-ewwel tliet snin minn wara li jiġu kompluti separatament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant sabiex jiċċara għal-liema lista qiegħed jirreferi.