Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet – stabbilimenti li għandhom permess jarmaw imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 11699 u 12518 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti kollha li għandhom permess mill-Awtorità tal-Artijiet biex jarmaw imwejjed u siġġijiet fuq art pubblika fil-Belt Valletta? Għal kull permess, jista’ jindika l-isem tal-istabbiliment, it-triq li jinsab fih, u l-ammont ta’ mwejjed u siġġijiet li għandu permess jarma jew l-ispazju f’metri kwadri li għandu permess jokkupa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11697.

White Rocks – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar il-proġett li kellu jsir fiż-żona magħrufa bħala tal-White Rocks peress li wara li ntgħażel l-offerent preferut fl-2016, għadu ma sar xejn konkret ħlief diskussjonijiet? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jibda x-xogħol biex dan il-proġett jitwettaq?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5432.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Deputati tal-Oppożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma d-Deputati tal-Oppożizzjoni li huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess maġġoritarju u ta' kontroll, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn qegħdin iservu u l-kariga li jokkupaw?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13997.

Għawdex u Kemmuna – Bejgħ u kiri ta’ art pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ artijiet pubbliċi li nbiegħu jew inkrew lil terzi mill-Awtorità tal-Artijiet ġewwa Għawdex u Kemmuna u jindika fejn mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jindika għal kull art jekk inkrietx jew inbigħetx, permezz ta’ liema proċess sar il-kiri jew il-bejgħ u lil min ingħataw, u għall-artijiet li nkrew jgħid kemm hija l-kirja li titħallas fis-sena, u għall-artijiet li nbiegħu jgħid kemm kienet is-somma li l-Gvern irċieva għal tali bejgħ? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm talbiet pendenti għall-bejgħ jew kiri u fejn jinsabu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu peress li kif inhi tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin u riżorsi sproporzjonati sabiex tinġabar, anke peress li l-maġġoranza tar-rekords huma manwali.

Awtorità tal-Artijiet — Avukati interni - Sejħiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12571 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12158, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħiet kollha li nħarġu sabiex kienu impjegati l-avukati li jaħdmu internament fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet u li għamel referenza għalihom fit-tweġiba tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Artijiet – Permessi ta’ żvilupp fuq art pubblika jew tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi elenku, bin-numri tal-PA, u deskrizzjoni tal-każijiet fejn kien hemm approvazzjoni ta’ permessi tal-iżvilupp mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq art pubblika jew tal-Gvern li in segwitu l-Awtorità tal-Artijiet ma tatx l-approvazzjoni tagħha għat-talba li saritilha għal encroachment, kera, ċens, jew konċessjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont konsiderevoli ta’ ħin u riżorsi sproporzjonati. Għalhekk qed nitlob lill-Onor. sabiex tkun aktar speċifika fit-talba tagħha u tindika l-każijiet partikolari.

Każ pendenti – verifikazzjoni u reġistrazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7650, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi u l-istadju li wasal fih il-proċess inkwistjoni li jinvolvi verifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ proprjetà li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll meta se jkun iffinalizzat il-proċess?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni relatata mal-file msemmi għadha fil-proċess ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant ma tistax tingħata data meta din ser tkun finalizzata peress kull applikazzjoni tieħu ż-żmien tagħha sakemm issir ir-riċerka u l-verifikazzjonijiet meħtieġa.

San Pawl tat-Tarġa – Torri tal-Kaptan

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13649, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew deċiżjonijiet li jridu jiġu meħuda biex it-Torri tal-Kaptan f’San Pawl tat-Tarġa jiġi ppreservat mill-elementi biex ma jkomplix jaqa’ u mbagħad jiġi kkonservat u rrestawrat ukoll?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Servizzi ta’ kumpanija privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tiegħu tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigward fondi Ewropej li ntefqu matul is-snin 2020-2022, kif ukoll break down għal kull fond.

Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u jgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Il-Belt Valletta — Teatru Rjal - Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12716 u jgħid x’kuntratti hemm relatati mal-binja tat-Teatru Rjal, bħal konċessjonijiet, kirjiet ta’ faċilitajiet bħal kafetteriji, ristoranti jew bars, u jqiegħed kopji ta’ kull kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Implimentazzjoni ta’ direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet matul l-2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direttivi implimentati u dawk pendenti matul l-2023 huma: Implimentati: · Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Riformulazzjoni) · Direttiva (UE) 2019/2121 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward ta' konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali Pendenti: · Direttiva (UE) 2021/2101 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti impriżi u fergħat · Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji.

Eks Malta Shipbuilding — konċessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13543 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-konċessjoni għas-sit magħruf bħala l-eks Malta Shipbuilding fil-Marsa, li fl-2016 għadda mill-Malta Industrial Parks lil terzi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l kuntratt tal-konċessjoni għas-sit magħruf bħala l-eks Malta Shipbuilding fil-Marsa fiħ dettalji ta' persuni terzi, se nkun qiegħed ngħaddi kopja ta' dan il-kuntratt lill-Onor. Interperllant b'mod kunfidenzjali.

Eks Malta Shipbuilding – Avvenimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intefqux flus pubbliċi biex is-sit tal-Eks Malta Shipbuilding jiġi preparat biex jospita konferenzi u fieri? Jekk iva, jista’ jipprovdi elenku tal-ammonti kollha li ntefqu, u f'kull nefqa jispeċifika u jgħid jekk din ingħatatx b'tender, direct order, jew mod ieħor?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tal-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma ntefqu l-ebda flus pubbliċi biex is-sit tal-Eks Malta Shipbuilding jiġi preparat biex jospita konferenzi u fieri.

Home Ownership Scheme — Każijiet solvuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ tal-Home Ownership Scheme solviet l-Awtorità tal-Artijiet? Jista’ għal kull każ jindika kemm ingħata kumpens lis-sidien oriġinali u jindika n-numru ta’ każijiet solvuti u l-kumpens imħallas lokalità b’lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomiija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin 2020-2022, il-fondi Ewropej ġew assorbiti kollha.

Belt Valletta — Permessi għal imwejjed u siġġijiet għall-ħwienet kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, f'metri kwadri, huma ż-żoni permessibbli li fihom l-entitajiet kummerċjali rispettivi fil-Belt Valletta għandhom il-permess li joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet fi spazji, bankini, pjazez u toroq pubbliċi? Jista’ jipprovdi din l-informazzjoni maqsuma entità entità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex entità kummerċjali tikkwalifika għall-permess tal-imwejjed u siġġijiet trid tagħmel dan permezz ta’ applikazzjoni online minfuq is-sit tal-istess Awtorità. Kif tidħol din l-applikazzjoni, l-Awtorità tibda proċess sabiex tara jekk din it-talba tistax tiġi akkomodata. Għalhekk ma teżistix xi żona fissa fejn fiha hu permessibli jew le li entità kummerċjali jista’ jkollha spazu għall-imwejjed u siġġijiet.