Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16445 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

“B’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ16445 li kopriet il-perjodu sa Ottubru li għadda, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej: Ottubru-Diċembru 2019: 4 talbiet Minn dawn kien hemm 2 talbiet milqugħa, 1 rifjutati u 1 għadha pendenti. Jannar-Settembru 2020: 10 talbiet Minn dawn kien hemm 2 talbiet milqugħa, 5 rifjutati u 3 għadhom pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Malta Enterprise – Proġetti f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li l-Malta Enterprise rnexxielha ġġib lejn Għawdex matul is-snin 2016, 2017, 2018, 2019 u 2020?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ser tinghata f’xi seduta oħra.

ħaddiema mgħejuna bil-Wage supplement minħabba Covid-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ impjegati li fl-aħħar ta’ Settembru 2020 kienu għadhom qed jiġu mgħejjuna jibqgħu fl-impjieg tagħhom permezz tal-wage supplement mogħti mill-Gvern minħabba l-pandemija Covid-19?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ser tinghata f’xi seduta oħra.

Kumpaniji u Negozji li rċevew għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ kumpaniji u negozji li fl-aħħar ta’ Settembru 2020 kienu qed jirċievu xi forma ta’ għajnuna mill-Gvern minħabba l-Pandemija Covid-19 u taħt liema forom differenti kienet qed tingħata din l-għajnuna?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ser tinghata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm ħames spazji riżervati għall-ministeru u għall-ufficju tas-segretarju permanenti.

Xewkija Għawdex – Gozo Innovation Hub

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15484 u jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tas-7 ta’ Novembru 2019 tal-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex, proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid fil-preżent kemm hemm nies jaħdmu f'dan l-Innovation Hub u ma' liema kumpaniji qed jaħdmu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa globali marbuta mal-inawgurazzjoni tal-Gozo Innovation Hub tammonta għal total ta’ €5,851.50. Bħalissa għaddej xogħol ta’ rfinar, verifika, u commissioning tal-apparat. Irid ukoll jingħad li waħda mill-karatteristiċi uniċi tal-binja hija li kull business unit jista’ jiġi adattat għall-bżonnijiet speċifiċi tal-kumpaniji innovattivi li se jiġu allokati spazju fil-Gozo Innovation Hub. Għaldaqstant, ix-xogħol ma jistax jieqaf għal kollox qabel l-ispazju ikun kollu allokat. Fost il-kumpaniji li kienu allokati spazju fil-Gozo Innovation Hub, hemm il-kumpaniji Noovle u J2 Group li se jkunu qed jaħdmu mal-kumpaniji ta’ fama internazzjonali bħal Google u Microsoft. Dawn iz-zewġ kumpaniji se jkunu qed iħaddmu 60 ruħ bejnithom fi żmien 3 snin. Sadanitant il-Malta Industrial Parks Ltd flimkien mal-Malta Enterprise komplew għaddejjin bid-diskussjonijiet u negozjati ma’ numru ta’ kumpaniji oħrajn li wrew l-interess li jibdew joperaw mill- Gozo Innovation Hub.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – għajnuna lil Valletta Waterpolo Club fil-proġett tal-iżvilupp tal-faċilitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15798 u 15510 u jagħti rendikont dettaljat ta’ kwalunkwe għajnuna li ta l-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu lil Valletta Waterpolo Club fil-proġett tal-iżvilupp tal-faċilitajiet fuq is-sit mgħoddi lilhom għal dan l-iskop?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma kienx hemm din it-tip ta’ għajnuna.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15794, 15456 u 14905 u jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entita/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma’ jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni mitluba.

Persuni li rċevew l-assistenza ta’ €800

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15114, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni rċevew l-assistenza għall-għajnuna fuq xogħol tul din is-sena u sal-aħħar ta’ Awwissu 2020 xahar b’xahar separatament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni relatata limitatament mal-mizura tal-wage supplement. Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li hemm għajnuniet oħra ta assistena għall-ħaddiema li mhumiex inklużi f’din it-tabella, bhal għajnuniet lil persuni b’ dizabilta u vulnerabli kif ukoll għajnuniet lill genituri. Dawn l-għajnuiet huma amministrati minn entitajiet u dipartiment li jaqgħu taħt ministeri oħrajn.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — karigi minn persuni barra s-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħu u tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-persuni li jokkupawhom, ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onor. Interpellant li, t-tabella hawn taħt telenka l-karigi li dawk il-persuni li jokkupawhom ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku. Position Title Ministry Coordinator Secretariat Pool Secretariat Messenger Secretariat Messenger Personal Driver/ Security Officer Personal Driver/ Security Officer

Żona ta’ Kordin – faċilitajiet sportivi – irranġar ta’ bankini

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15121 u 14273 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13389 jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret biex jiġi rettifikat dak li kien indikat fl-istess domanda f’Kordin fil-parti fejn hemm il-Faċilitajiet Sportivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju m'hemm ebda aġġornament ulterjuri fuq l-informazzjoni diġà provduta b'risposta għal-mistoqsija parlamentari 13389.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-PQ 2517 u 11382. Hekk kif tinġabar l-informazzjoni ulterjuri mitluba minnu, din tkun tista’ tkun provduta wkoll.

Xewkija Għawdex – Gozo Innovation Hub

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġie inawgurat il-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija? Jista' jgħid fil-preżent kemm-il kumpanija hemm topera minn dan il-Hub u xi spazju ngħatat kull kumpanija li qed topera minn hemm? Jista' jgħid kemm qed iħaddmu nies dawn il-kumpaniji f'dan il-Hub fil-preżent? Min-naħa l-oħra, jista' jgħid il-Ministeru tiegħu jew il-Gvern kemm ingaġġa nies dirett jew permezz tal-kuntrattur sabiex jieħdu ħsieb dan il-Hub?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onor. Interpellant illi l-Gozo Innovation Hub ġie inawgurat fis-7 ta’ Novembru, 2019. Kif diġà ħabbarna anki pubblikament, il-kumpaniji ta’ fama internazzjonali Google u Microsoft se jkunu qed jaħdmu rispettivament mal-kumpaniji Noovle u J2 Group mill-Gozo Innovation Hub. Google/Noovle ngħataw 95 metru kwadru u fi żmien tliet snin se jkunu qed jimpjegaw 35 FTE, filwaqt li Microsoft/J2 ġew allokati 129 metru kwadru u se jkunu qed iħaddmu 25 FTE fi żmien tliet snin. Madankollu, il-preżenza tagħhom fil-Hub bħalissa hija limitata minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari kkawżati mill-pandemija, fejn in-natura teknoloġika tax-xogħol tagħhom tippermetilhom li jaħdmu b’mod remot, anki mid-dar. S’issa hemm persuna li qed tieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ din il-faċilità mqabbda mill-Malta Industrial Parks Ltd, kif ukoll total ta’ 10 persuni oħra li jaħdmu mal-kumpaniji li jipprovdu servizzi ta’ sigurtà u tindif tal-post.

Vawċers ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jara li din il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jinħarġulha l-vawċers li huma dovuti lilha?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna inkwistjoni ser tircievi l-vouchers

Skejjel Privati u Indipendenti – Covid Wage Supplement

Question

Meta wieħed jikkonsidra li l-ispiża tal-Iskejjel Privati se tiżdied minħabba l-effetti tal-pandemija li ġabu magħhom nefqa akbar fi proċess ta’ sanitizazzjoni, ilbies protettiv, kiri ta’ mobile class rooms biex tinżamm id-distanza soċjali, u investiment akbar fl-E-Learning, kif ukoll l-effetti fuq dħul ta’ wħud mill-ġenituri li jħallsu l-miżata ta’ uliedhom, jista’ l-Ministru jassigura li l-Covid Wage Supplement jiġi estiż lil hinn minn Settembru anke għall-Iskejjel Indipendenti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien sar ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Assoċċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti biex dawn l-iskejjel jitħallsu il-wage supplement bejn April u Settembru fuq kundizzjoni li jnaqqsu l-miżata matul dan il-perjodu. L-ammont ta’ skejjel indipendenti li bbenifikaw mill-wage supplement huwa ta’ 12 b’ammont approvat ta’ €3,587,279 li sa issa tħallsu €3,270,155. Bħal setturi oħra, l-iskejjel indipendenti jistgħu japplikaw għal skemi oħra li jgħinu l-operat fi żmien il-covid.

Skejjel tal-Knisja – Covid Wage Supplement

Question

Meta wieħed jikkonsidra li l-ispejjeż li qed jidħlu fihom l-iskejjel kollha minħabba l-pandemija inkluż materjal u servizz ta’ sanitizazzjoni, ilbies protettiv, kiri ta’ spazji ġodda u għamara ġdida biex tinżamm id-distanza soċjali u meta wieħed iqis li mhux il-pagi tal-istaff u l-għalliema kollha huma koperti mill-ftehim mal-knisja, b’konsegwenza li xi skejjel qed joħorġu madwar €10,000 pagi fix-xahar minn ġewwa, kif ukoll l-effetti fuq dħul ta’ wħud mill-ġenituri li f’ċirkostanzi normali joffru donazzjoni għall-iskola ta’ uliedhom, jista’ l-Ministru jassigura li l-Covid Wage Supplement jiġi estiż anke għall-Iskejjel tal-Knisja?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma mxejna ma’ kull attivita li tirċievi finanzjament mill-gvern, dawn mhumiex eliġibbli għal wage supplement.

Studenti li jaħdmu – benefiċċju tal-COVID-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn studenti fl-edukazzjoni post sekondarja u terzjarja li jirċievu l-istipendju, jaħdmu part-time u ħadu l-benefiċċji minħabba l-COVID-19? Jista’ jgħid għaliex mhux qed jieħduh kollha kemm huma? Jista’ jikkunsidra li ma ssirx diskriminazzjoni ma’ studenti u l-benefiċċju jieħduh l-istudenti kollha li kienu qed jaħdmu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk l–istudenti li kienu reġistrati mal-employer tagħhom u ma Jobsplus qabel id-9 ta’ Marzu 2020 kienu eliġibbli għall-wage supplement minn Lulju. Bħal kull ħaddiem ieħor kellhom japplikaw dawk eliġibbli għal wage supplement.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – spiża fuq mobile phones

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15330 u jgħid x’kienet l-ispiża li saret fil-Ministeru tul is-sena 2018 f’mobile phones kif ukoll jista’ jiġi indikat l-ispiża li saret fis-segreterija privata tal-ministru tul dik is-sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li ma kien hemm l-ebda spiża fuq xiri ta’ mobile phones fl-2018.

Ċittadini Maltin u Barranin li ħarġu jew daħlu fil-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15316 u jgħid kemm ċittadini Maltin u kemm ċittadini barranin sija EU Nationals kif ukoll le, ħarġu minn pajjiżna u kemm minnhom għamlu użu mill-Ajruport Internazzjonali tul ix-xahar ta’ Mejju 2020? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni daħlu f’pajjiżna maqsuma ċittadini Maltin u ċittadini barranin sija EU Nationals kif ukoll le, fl-istess żmien?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Konvint li l-Onorevoli interpellant konxju li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ilu mill-2002 mhux entità tal-Gvern.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli interpellant illi din l-informazzjoni ser tinghata fis-seduta li jmiss.