Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kulleġġi – Livell ta’ awtonomija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-prinċipali, il-mexxejja edukattivi, l-għalliema u l-ġenituri dwar il-livell ta’ awtonomija li għandu jingħata lil kull kulleġġ? Jekk iva, jista’ jgħid ma’ min saret din il-konsultazzjoni u x’kienu l-konklużjonijiet tagħha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dawn it-temi jkunu diskussi mal-istakeholders neċessarji.

Kulleġġi – One size fits all approach

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-‘one size fits all approach’ mhux neċessarjament taqdi l-ħtiġijiet tal-kulleġġi kollha, fid-dawl tar-realtajiet differenti li jiffaċċjaw? Jista’ jgħid ukoll x’passi beħsiebu jieħu sabiex kull kulleġġ ikun jista’ jadatta l-operat tiegħu għaċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Kulleġġi ma jużawx il-one size fits all approach għaliex kull talba tiġi evalwata u kull Kulleġġ jopera skont il-ħtieġa.

Kulleġġi – Awtonomija amministrattiva, akkademika u operattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu sabiex il-kulleġġi jingħataw aktar awtonomija amministrattiva, akkademika u operattiva, u jkunu jistgħu jfasslu l-politika tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-komunitajiet edukattivi rispettivi tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor.Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistqosija Parlamentari 4958.

Sistema tal-kulleġġi – Riforma strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjan li jwettaq riforma strutturali fis-sistema tal-kulleġġi sabiex jingħataw aktar awtonomija fit-tmexxija u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom? Jekk iva, jista' jgħid meta hija mistennija titħabbar din ir-riforma?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 id-dokument numru 4859 li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-Leġislazzjoni numru erbatax fis-seduta numru 302.

Placements ta’ suġġetti vokazzjonali – Ħlas għall-istudenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 69 dwar il-ħlas għall-istudenti waqt placements ta’ suġġetti vokazzjonali bħas-social work, jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena ta’ din il-leġiżlatura ser tiġi implimentata r-riforma msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li din wegħda elettorali li se nimplimentaw f'din il-leġiżlatura.

Studenti tas-Sixth Form – Stipendju mħallas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jitħallas stipendju student tas-Sixth Form fl-2013, u kemm se jkun qed jitħallas student li jattendi s-Sixth Form fl-2027?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istudenti li kienu jattendu is-Sixth Form fl-2013 kienu jircevu stipendju ta’ €83.86 kull erba` ġimgħat. Sussegwenti taż-żidiet li ngħataw matul is-snin bejn 2014 u l-2026, kif ikoll permezz tal-aġġustament taż-żieda tal-għoli tal-ħajja għall-istudenti għall-2027 li se tkun ta €3.60 kull erba` ġimgħat, fl-2027 l-istudenti li jattendu is-Sixth Form se jkunu qed jirċievu stipendju ta’ €139.53 kull erba` ġimgħat. Ta’ min issemmi li l-istudenti tas-Sixth Form jitħallsu stipendju bir-rata hekk magħrufa bħala ‘ġenerali’ Ir-rati tal-istipendju ivarjaw skont il-livel ul-klassifikazzjoni tal-kors li jkunu qed isegwu l-istudenti. It-tabella t’hawn taħt turi ż-żidiet li ngħataw fl-istipendju bejn l-2013 u 2027 hekk kif ġej: Sena Rata Ġenerali Rata Preskritta Rata ta’ Prijorita` Għolja 2013 €83.86 €146.77 N/A 2014 €85.45 €149.54 N/A 2015 €86.05 €150.59 N/A 2016 €86.85 €151.99 N/A 2017 €87.64 €153.37 €307.68 2018 €88.44 €154.77 €310.48 2019 €89.40 €156.44 €313.83 2020 €90.93 €159.12 €319.20 2021 €91.75 €160.55 €322.07 2022 €101.89 €178.30 €357.68 2023 €106.91 €187.09 €375.31 2024 €113.35 €193.53 €381.75 2025 €115.88 €196.06 €384.28 2026 €135.93 €228.14 €444.59 2027 €139.53 €231.74 €448.19

L-Università ta’ Malta – Aċċess għal studenti tal-Junior College

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk studenti tal-Junior College għandhomx aċċess għall-Campus, il-librerija u l-canteen tal-Università ta' Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-istudenti tal-Junior College għandhom aċċess għall-Campus tal-Università ta' Malta, kif ukoll għandhom aċċess għar-riżorsi, is-servizzi u l-faċilitajiet kollha offruti mil-Librerija tal-Università ta’ Malta kif ukoll il-Canteen. Madankollu, l-aċċess għal uħud miż-żoni jew faċilitajiet speċifiċi tal-Università huwa ristrett għal persuni li għandhom bżonn dirett minħabba l-istudji, it-tagħlim jew attivitajiet oħra tagħhom.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3745 u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 4569.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3742 u jelenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u jispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qedgħa titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema li huma mħarrġa biex jagħtu tagħlim lil studenti neqsin mid-dawl? Jista' jgħid ukoll kemm hemm studenti li huma neqsin mid-dawl?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi għandna żewġ għalliema li huma mħarrġa biex jagħtu tagħlim lil studenti neqsin mid-dawl. Dan flimkien ma’ support ieħor li dawn l-istudenti jirċievu.

Studenti mingħajr kwalifika MQF – Sfida nazzjonali

Question

Fid-dawl li madwar kwart tal-istudenti qed joħorġu mis-sistema edukattiva mingħajr kwalifika MQF, jista’ l-Ministru jgħid jekk din tirrappreżentax sfida nazzjonali serja għall-iżvilupp tal-kapital uman ta’ pajjiżna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni riċenti tas-Secondary School Qualification and Profile (SSQ&P) turi li fl-aħħar sena skolastika 75% tal-istudenti tal-Year 11 fl-iskejjel tal-Istat kisbu livell MQF. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 5.5% meta mqabbel mas-sena skolastika 2024/25. Huwa wkoll inkoraġġanti li kien hemm żieda ta’ 14% fl-istudenti li kisbu MQF Level 3. Indikaturi oħrajn juru wkoll li r-rata ta’ Early Leaving from Education and Training niżlet għal 8.6%, livell storikament baxx u għall-ewwel darba taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 9.1%. Id-data dwar NEETs turi wkoll li fl-2025 Malta kellha rata ta’ 8.5% fost iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u d-29 sena, jiġifieri taħt il-medja tal-UE ta’ 11% u taħt il-mira Ewropea għall-2030 ta’ 9%. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni wara t-tmiem tal-età obbligatorja tibqa’ sostanzjali, b’83.8% fl-età obbligatorja, 76.3% sena wara u 65.9% sentejn wara, skont id-data tal-2024. Id-data dwar gradwati fl-edukazzjoni terzjarja turi wkoll żieda minn 62.5 għal 75.2 gradwat għal kull elf persuna bejn l-2015 u l-2024. Filwaqt li l-evidenza turi wkoll li l-pajjiż għamel progress importanti u li l-miżuri li qed jiġu implimentati qegħdin iħallu riżultati pożittivi, il-fatt li hemm min ma jiksibx kwalifika MQF tibqa’ sfida li nqisuha bħala prijorità nazzjonali Għalhekk il-Ministeru se jkompli jsaħħaħ is-sostenn lill-iskejjel u lill-edukaturi, il-mogħdijiet alternattivi u vokazzjonali, l-intervent bikri, il-Family Community School Link, u l-ħidma marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 u l-kollaborazzjoni mal-istakeholders kollha. Dan sabiex aktar studenti jispiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja b’ċertifikazzjoni rikonoxxuta u bil-ħiliet meħtieġa għall-ħajja, għax-xogħol u għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.

MQF Level 3 – Miri tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miri tal-Gvern għaż-żieda fil-persentaġġ ta’ studenti li jiksbu MQF Level 3 matul il-ħames snin li ġejjin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li filwaqt li r-riżultati juru xejra pożittiva fil-perċentwal ta' studenti li kisbu kwalifika f'MQF Livell 3, il-Gvern jibqa' impenjat li jkompli jtejjeb dawn ir-riżultati permezz ta' miżuri li jsaħħu l-kwalità, l-ekwità u l-inklużjoni fis-sistema edukattiva. Dan qed isir permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024–2030 u ta' diversi inizjattivi li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-istudenti, bil-għan li aktar żgħażagħ jiksbu kwalifiki li jippermettulhom ikomplu l-istudji jew jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Livelli MQF – Studju/Rapport

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull studju jew rapport li janalizza r-relazzjoni bejn il-livelli MQF miksuba u l-impjegabilità futura tal-istudenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 331.

Livelli ta’ kwalifiki – Valutazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni dwar kemm il-livelli ta’ kwalifiki li qed jinkisbu mill-istudenti jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol Malti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Ministeru mhux biss qed isegwi l-livelli ta’ kwalifiki miksuba mill-istudenti, iżda nieda wkoll programm usa’ ta’ riċerka u evalwazzjoni. Din il-ħidma qed tiġi kkumplimentata wkoll permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ħiliet, li tħares lejn il-ħtiġijiet preżenti u futuri tas-suq tax-xogħol Malti u tgħin biex ikun hemma llinjament aħjar bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kwalifiki u d-domanda għall-ħiliet. Għalhekk, il-valutazzjoni li qed issir mhijiex limitata għal stampa ta’ sena waħda jew għal sett wieħed ta’ riżultati, iżda hija parti minn eżerċizzju usa’ u kontinwu ta’ ppjanar strateġiku. Din il-ħidma qed issir ukoll fil-qafas tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030.

Studenti li telqu mill-edukazzjoni mingħajr kwalifika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-istudenti li telqu mill-edukazzjoni mingħajr kwalifika, qed jaħdmu u kemm jinsabu qiegħda?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li, sabiex tingħata stampa li tkun kemm jista’ jkun preċiża u komparabbli, l-aktar indikatur rilevanti fil-livell nazzjonali u Ewropew huwa dak tal-Eurostat dwar it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (early leavers from education and training). Id-data ppreżentata mill-Eurostat tirreferi għall-persuni ta’ bejn it-18 u l-24 sena. Għandu għalhekk jiġi ċċarat li dan l-indikatur mhuwiex għadd amministrattiv ta’ studenti li telqu mill-iskola mingħajr kwalifika MQF, iżda indikatur Ewropew standardizzat li jippermetti wkoll li l-prestazzjoni ta’ Malta titqabbel b’mod konsistenti ma’ dik tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Skont l-aħħar data disponibbli tal-Eurostat għall-2025, ir-rata ta’ tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ f’Malta kienet ta’ 8.6% fost iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena. Dan ir-riżultat għandu jitqies ukoll fil-kuntest tal-medja tal-Unjoni Ewropea, li fl-istess sena kienet ta’ 9.1%. Għaldaqstant, fl-2025 ir-rata f’Malta kienet 0.5 punti perċentwali inqas mill-medja Ewropea. Iżda l-istampa ssir aktar sinifikanti meta wieħed iħares lejn l-iżvilupp li seħħ matul dawn l-aħħar snin. Nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi għar-risposta Parlamentari ta' mistoqsija parlamentari numru 338 mwieġba fis-seduta tal-bieraħ 9 ta' Novembru 2026. Dan hekk kif turi li fl-2013, ir-rata ta’ Malta kienet għadha ta’ 17.1%, meta mqabbla ma’ 11.8% għall-Unjoni Ewropea. Sal-2016 din kienet niżlet għal 15.6%, fl-2017 għal 14.0%, u fl-2020 għal 13.0%. It-tnaqqis kompla fis-snin ta’ wara, għal 10.9% fl-2021, 10.3% fl-2022, 10.2% fl-2023, 9.5% fl-2024 u finalment 8.6% fl-2025. Dan ifisser li bejn l-2013 u l-2025 ir-rata ta’ tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ f’Malta naqset minn 17.1% għal 8.6%, jiġifieri tnaqqis ta’ 8.5 punti perċentwali, kważi nofs ir-rata li kienet irreġistrata fl-2013. Ta’ min jinnota wkoll il-bidla importanti fil-pożizzjoni ta’ Malta meta mqabbla mal-Unjoni Ewropea. Fl-2013 Malta kienet 5.3 punti perċentwali ’l fuq mill-medja Ewropea, b’rata ta’ 17.1% kontra 11.8% fl-UE. Sal-2025, is-sitwazzjoni kienet inqalbet: Malta niżlet għal 8.6% filwaqt li l-medja tal-UE kienet 9.1%. Għaldaqstant, Malta mhux biss naqqset sostanzjalment ir-rata tagħha, iżda llum tinsab taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea f’dan l-indikatur. Dan il-progress juri bidla pożittiva ferm li ġiet sostnuta fl-aħħar snin. Filwaqt li fl-2013 kważi wieħed minn kull sitt żgħażagħ fil-grupp ta’ età kopert minn dan l-indikatur kien jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ early leaver, fl-2025 il-proporzjon niżel għal inqas minn wieħed minn kull ħdax. Dan juri d-daqs tat-titjib li sar matul dan il-perjodu. Fir-rigward tal-istatus tagħhom fis-suq tax-xogħol, skont id-data tal-Eurostat għall-2025, mir-rata totali ta’ 8.6%, 5.8% kienu fl-impjieg, filwaqt li 2.9% ma kinux fl-impjieg. Għaldaqstant, madwar żewġ terzi ta’ dawk li jaqgħu taħt dan l-indikatur kienu qegħdin jaħdmu. Tajjeb li wieħed jirrimarka wkoll li dawn iż-żgħażagħ qed igawdu minn suq tax-xogħol imsaħħaħ li llum m'għadux jiġi deskritt bħala wieħed li jesperjenza l-qgħad. Dan ifisser li, meta wieħed iħares lejn il-perjodu mill-2013 ’l hawn, Malta rat mhux biss tnaqqis sostanzjali fit-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda wkoll suq tax-xogħol b’rata tal-qgħad ferm aktar baxxa minn dik irreġistrata fil-bidu ta’ dan il-perjodu. Dan huwa aspett importanti għaliex jgħin biex tingħata stampa aktar sħiħa tal-pożizzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ. It-tluq bikri mill-edukazzjoni jibqa’ sfida li trid tiġi indirizzata, iżda d-data turi kemm it-tnaqqis sostanzjali li sar fir-rata ġenerali, kif ukoll li parti konsiderevoli minn dawk ikklassifikati taħt dan l-indikatur jinsabu fl-impjieg. Il-Gvern jibqa’ impenjat li jibni fuq il-progress miksub u jkompli jnaqqas aktar it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. L-għan jibqa’ li aktar żgħażagħ ikomplu l-edukazzjoni jew it-taħriġ tagħhom, jiksbu kwalifiki u ħiliet rilevanti, u jkollhom opportunitajiet aħjar biex jidħlu u javvanzaw b’mod sostenibbli fid-dinja tax-xogħol. Għal dan il-għan, il-ħidma tkompli permezz ta’ mogħdijiet edukattivi, post-sekondarji u vokazzjonali differenti, opportunitajiet ta’ second chance education, taħriġ u lifelong learning, kif ukoll interventi preventivi u miżuri mmirati biex iżommu lit-tfal u ż-żgħażagħ involuti fl-edukazzjoni. Ir-riżultati miksuba mill-2013 ’l hawn juru progress ċar. Madankollu, il-ħidma ma tieqafx mar-rata ta’ 8.6%. L-ambizzjoni hi li dan il-progress jiġi kkonsolidat u li kull żagħżugħ u żagħżugħa jingħataw l-aħjar opportunità possibbli biex ikomplu jitgħallmu, jiksbu l-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa, u jagħmlu tranżizzjoni b’saħħitha lejn id-dinja tax-xogħol.

Is-sesswalità u s-saħħa sesswali – Tagħlim lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W811 dwar tagħlim fuq is-sesswalità u s-saħħa sesswali lill-ġenituri ta’ persuni b’diżabilità intellettwali, jista’ l-Ministru jgħid meta beda jingħata dan it-tagħlim? Jista’ wkoll jagħti iktar dettalji dwar il-programmi u gwida li jingħataw lil dawn il-ġenituri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant tirreferi għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari numru W811.

Kulleġġi f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jeżistu kulleġġi f’Malta u Għawdex u liema huma dawn il-kulleġġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’Malta u Għawdex għandna 11 -il Kulleġġ: Kulleġġ Santa Margerita Kulleġġ St Thomas More Kulleġġ San Benedittu Kulleġġ San Injazju Kulleġġ Santa Tereża Kulleġġ San Gorġ Preca Kulleġġ Maria Reġina Kulleġġ Santa Klara Kulleġġ San Nikola Kulleġġ t’Għawdex Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

Kulleġġi – Resource centres

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W796 dwar ir-resource centres, jista’ l-Ministru jgħid mil-liema kulleġġ jifforma kull waħda mill-iskejjel imsemmija fl-istess tweġiba? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom joperaw bħala resource centres kull waħda minn dawn l-iskejjel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni hi kif tidher mniżżla hawn taħt: San Miguel Primary School - St. Clare College - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1988 Guardian Angel Secondary School - San Gorg Preca College - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1963 Hellen Keller School - St Benedict College (previously known as Visually Impaired Unit) - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1958 Skola Dun Manwel Attard, Wardija - St. Nicholas College - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1982 Skola Primarja Sannat - Kullegg ta Ghawdex - l-ewwel sena ta' operazzjoni 1977

Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.