Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Primarja San Pawl il-Baħar – tneħħija tal-containers

Question

Jista’ l-Ministru jara li b’mod immedjat jitneħħew il-containers mill-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar, liema containers sa ftit ġimgħat ilu kienu jintużaw bħala klassijiet? B’hekk bit-tneħħija tagħhom, ikun ifisser aktar spazju miftuħ għall-istudenti.

Response (BONNICI, OWEN)

Peress li biex jitneħħew il-prefabricated classrooms mill-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar jinħtieġ isir proċess ta' procurement, dan il-proċess jinsab għaddej mill-FTS.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li kienu infettati mill-COVID-19?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Marzu 2020 ‘l hawn, kien hemm 31 persuna tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-MEDE li nstabu pożittivi għall-COVID-19.
Leg 13 PQ #16778 Sitting 380 2020-10-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Għajnsielem – studenti li attendew korsijiet fl-iskola tal-Arti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti li attendew korsijiet fl-Iskola tal-Arti f'Għajnsielem matul is-sena skolastika 2019/2020 u kemm huwa n-numru tal-istudenti li bdew korsijiet fis-sena skolastika 2020/2021?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li f’Għajnsielem ma hemmx Skola tal-Arti iżda Ċentru għat-Tagħlim tul il-Ħajja inkluż crafts courses. Sitt snin ilu l-iskola tal-Arti li kien hemm f’Għajnsielem ingħaqdet mal-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva fix-Xewkija. F’dan il-kumpless, li jagħmel parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, jiġu offruti studji fl-Arti (pittura, skultura, inċiżjoni, eċċ), iżda wkoll tagħlim fil-Mużika inkluż dik performattiva flimkien ma’ studji fid-Drama u Danza. Fis-sena skolastika 2019-2020 kien hemm reġistrati 465 studenti għal xi kors fid-dixxiplina tal-Arti biss, waqt li għas-sena skolastika 2020-2021 irreġistraw 443 studenti.

MCAST — Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport - studenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm studenti li daħlu għall-kors fl-MCAST intitolat Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport u kemm minnhom sa issa ggradwaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellant dwar l-istudenti li daħlu fil-kors tal-MCAST Bachelor of Science (Honours) in Sport, Exercise and Health hu kif se nsemmi: fl-2016/17 - 15-il student li bdew il-kors bħala Higher Diploma in Exercise for Health u wara għamlu top-up għall-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health. Minn dawn iggradwaw 13 fl-2019. fl-2017/18 - 39 student bdew il-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health. fl-2018/19 - 35 student bdew il-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health. fl-2019/20 - 52 bdew il-BSc (Hons) in Sport, Exercise and Health.

MCAST — Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport – diffikultà għall-ingaġġ tal-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il-darba l-istudenti li daħlu għall-kors fl-MCAST intitolat Bachelor in Science in Exercise for Health and Sport humiex isibu diffikultajiet sabiex jiġu ingaġġati għax-xogħol f’setturi kliniċi u jekk iva x’inhuma kif ukoll x’passi qegħdin jittieħdu sabiex jiġu solvuti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-MCAST, bħala istituzzjoni edukattiva tagħmel dak kollu possibbli sabiex toffri opportunitajiet varji lill-istudenti sabiex tesponihom għal sitwazzjonijiet, kuntesti u rwoli differenti fi ħdan l-industrija, bħal pereżempju xogħol fi djar tal-anzjani, mal-adolexxenti, jassistu fiżjoterapisti, u dan isir b’kollaborazzjoni ma’ numru ta’ istituzzjonijiet bħal Sedqa, Caritas u oħrajn, fl-isforz tagħna biex niftħu kemm jista' jkun rotot għall-istudenti. Fil-fatt, fil-kapaċità tagħna ta’ istituzzjoni edukattiva, naħdmu id f'id mal-industrija, fi ħdan tim multidixxiplinarju, biex niżguraw li niffaċilitaw it-transizzjoni tal-istudenti li jaspiraw li jkollhom karriera fis-settur.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Ħaddiema - Telework

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta’ Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu li applikaw għat-teleworking? Kemm minnhom ingħataw il-permess? Kemm minn dawk li applikaw kienu nisa u kemm minnhom irġiel? Kemm minn dawk li fil-fatt ħadmu (jew qed jaħdmu) permezz tat-teleworking kienu nisa u kemm minnhom irġiel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — ħlas għal xogħol ta’ interior design jew interior decoration fil-Palazz tal-Girgenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kwalsiasi entità fi ħdanu ħalsitx kwalsiasi spejjeż jew ħlas għal xogħol ta’ interior design jew interior decoration fil-Palazz tal-Girgenti bejn Marzu 2013 u Diċembru 2019?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kemm id-Dipartiment Strateġija u Sapport kif ukoll ebda entità fi ħdan il-MEDE ma ħallset l-ebda spejjeż jew ħlas għal xogħol ta’ interior design jew interior decoration fil-Palazz tal-Girgenti bejn Marzu 2013 u Diċembru 2019.

Skejjel u Istituti edukattivi — servizz ta' sigurtà (gwardjani privati)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender ħarġet sabiex l-iskejjel u l-istituti edukattivi jkunu koperti b'servizz ta' sigurtà (gwardjani privati)? Jista' jgħid liema huma dawk l-iskejjel u l-istituti edukattivi li qed ikunu koperti b'servizz ta' sigurtà (gwardjani privati)? Jista' jgħid dawk l-iskejjel li qed ikunu koperti b'servizz ta' sigurtà permezz ta' gwardjani privati/aġenziji li joffru servizz ta' gwardjani privati permezz ta' liema proċedura ta' għażla ġew magħżula l-gwardjani privati/aġenziji jekk hux b'tender jew direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din l-inzjattiva hija kuntratt b’valur ta’ €2,620,326.48 (eskluż il-VAT) u li tkopri 256,736 sigħat ta’ servizz. Is-servizz tal-uffiċjali tas-sigurtà għall-iskejjel tal-istat qed jiġi offrut minn kumpanija privata li rebħet il-kuntratt wara sejħa pubblika skont ir-regoli tax-xiri pubbliku. L-uffiċjali tas-sigurtà qed jagħtu servizz fl-iskejjel tal-istat.

Għawdex – Skola Primarja taż-Żebbuġ — għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sitt sena ġewwa l-Iskola Primarja taż-Żebbuġ Għawdex għadha bla għalliem u kif donnu jidher, ser tibqa hekk għal xi żmien? Jista' jgħid meta ser tinstab soluzzjoni u din il-klassi jkollha għalliem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fid- 9 ta’ Ottubru 2020 intbagħat għalliem però qatt ma rrapporta minħabba li ħareġ b’sick leave mill-ġurnata li kellu jibda. Għalhekk għalliema oħra ġiet deployed f’din l-iskola biex tibda fis-26 t’Ottubru 2020.

Fondazzjoni tal-GWU – Skema Community Work Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni ingaġġati mal-Fondazzjoni tal-GWU fl-iskema Community Work Scheme sa Ġunju 2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni ingaġġati mal-Community Work Scheme Enterprise Foundation sa Ġunju 2020 kien ta’ 1,036.

Kappella ta’ Santa Katarina fil-Gudja – xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ restawr qed isir fil-Kappella ta’ Santa Katarina fil-Gudja? Jista’ jindika kemm se tiġi tiswa u meta hu previst li tiġi finalizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fuq il-ġebla kemm barra kif ukoll ġewwa qed isir minn studenti tal-MCAST li jagħmlu parti mill-kors ta’ Mastru taħt is-superviżjoni tal-letturi tal-MCAST. Ix-xogħol hu previst li jiġi konkluż fl-2022. Dan jiddependi wkoll minn kemm studenti jagħżlu li jkunu parti minn dan il-programm ta’ taħriġ fis-snin li ġejjin. Il-materjal qed jiġi pprovdut mill-Parroċċa tal-Gudja. Jista’ jkun hemm xi spejjeż relatati maċ-ċaqlieq tal-armar iktar ‘il quddiem.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li l-MEDE ma għandu ebda parkeġġ riżervat għal nies li għandhom l-uffiċċju l-Belt Valletta.

Formoli ta’ tmiem ta’ impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi formoli tat-tmiem ta’ impjieg fix-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju 2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16437 u jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (BONNICI, OWEN)

B’żieda mal-informazzjoni li diġà ngħatat fil-PQ 11383, li kopriet il-perjodu sa Settembru 2019, nixtieq inżid li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lil dan il-Ministeru, bl-entitajiet u l-awtoritajiet taħtu inklużi, hu kif ġej: Ottubru-Diċembru 2019: 2 talbiet Jannar-Settembru 2020: 11-il talba Minn dawn kien hemm 5 talbiet milqugħa, 7 rifjutati u 1 għadha pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat tal-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — karigi minn persuni barra s-settur pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħu u tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-persuni li jokkupawhom, ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karigi fis-Segretarjat Privat tiegħi u tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-MEDE li l-persuni li jokkupawhom ġew ingaġġati minn barra s-settur pubbliku huma kif se nsemmi: Segretarjat tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għ aż-Żgħażagħ , Sport u Għaqdiet Volontarji Segretarju Privat Segretarju Privat Uffiċċjal tas-Segretarjat - 3 persuni Uffiċċjal tas-Segretarjat Secretariat Pool - 4 persuni Sewwieq/Uffiċċjal tas-Sigurtà Messaġġier Sewwieq/Uffiċċjal tas-Sigurtà
Leg 13 PQ #16261 Sitting 370 2020-10-12 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Servizz ta’ Early Intervention

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm huma l-istudenti li fl-aħħar sena ma rċevewx servizz ta’ Early Intervention? Kemm minnhom kienu studenti (każijiet) ġodda u oħrajn kurrenti? Jista’ jagħti r-raġuni għalfejn dan is-servizz jinsab wieqaf jew mhux jilħaq numru kbir ta’ studenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kien hemm 421 tifel u tifla mit-twelid sa ħames snin li fl-aħħar sena (ie. minn Lulju 2019) ma rċevewx is-servizz tal-Early Intervention u 155 tifel u tifla li ġew irreferuti mill-proġett Lenti fuq l-iżvilupp ta’ wliedna li għadhom ukoll bla servizz. Dan ġara minħabba direttivi li għamlet l-MUT marbuta mal-Ftehim ta’ dawn l-impjegati. L-imsemmija figuri huma kollha każijiet ġodda. Il-każijiet reġistrati qabel ma bdew id-direttivi baqgħu jiġu segwiti mill-professjonisti, ħlief għal dawk it-tfal li bidlu l-iskejjel jew li saritilhom tranżizzjoni minn childcare għall-iskola jew mid-dar għall-iskola u waqgħu taħt professjonisti differenti. Dan għaliex waħda mid-direttivi tal-MUT kienet tgħid li ma jeħdux każijiet ta’ professjonisti oħra. Fit-8 t’Ottubru 2020, l-MUT ikkomunikat li ssospendiet id-direttivi wara li n-negozjati bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE) u l-Union tal-Għalliema (MUT) kienu waslu fi stadju qrib ta’ ftehim.
Leg 13 PQ #16511 Sitting 370 2020-10-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skejjel tal-Istat – Spiża fuq inizjattiva ta’ uffiċjali tas-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-inizjattiva ta' uffiċjali tas-sigurtà għall-iskejjel tal-istat? Jista’ jgħid ukoll f'liema skejjel ġiet implimentata din l-inizjattiva? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew ingaġġati persuni u xi kriterji ntużaw biex jiġu impjegati dawn l-uffiċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 13 PQ #16512 Sitting 370 2020-10-12 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Nazzjonali tal-Isport – tfal li applikaw għal dixxiplini sportivi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16415 li talbet lill-Ministru jgħid kemm minn dawk mhux aċċettati fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport talbu rendikont ta’ kif ingħataw il-marki u meta l-ġenituri ngħataw dan ir-rendikont; u b’referenza għat-twegiba tal-Ministru li “26 ġenitur talbu għal rendikont tal-marki. Kollha kellhom risposta dakinhar stess jew l-għada imma kollha f’inqas minn 24 siegħa. Dawn intalbu biss mill-ġenituri tat-tfal li waslu sal-interview. L-oħrajn li m’għaddewx qabel ingħataw rendikont mal-ijmejl fejn ġew infurmati li t-tfal m’għaddewx.”; jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt hemmx min talab biex jara l-karti u din it-talba ġietx miċħuda? Għal liema raġuni ġiet miċħuda t-talba ta’ dawn il-ġenituri? Il-fatt li kif il-Ministru għarraf lil din il-kamra “Il-marki tal-isport ingħataw mill-assoċjazzjonijiet rispettivi tal-isport u l-NSS Selection Board ma kellu xejn x’jaqsam ma’ kif ingħataw dawn il-marki” ifisser ukoll li l-NSS board ma jagħmel l-ebda verifika ta’ dawn il-marki? Ifisser li ħadd ma jista’ jikkontesta kif ingħataw il-marki? Ifisser li ħadd ma jista’ jara kif u fuq liema kriterji ngħataw dawn il-marki?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li kien hemm xi ġenituri li talbu biex jaraw il-karti tal-eżamijiet u t-talbiet ġew miċħuda. Dan sar fuq parir tad-Dipartiment għall-Programmi ta' Tagħlim u Assessjar. Sadanittant, min talab reviżjoni tal-karta tal-eżami, ingħata rapport bil-miktub wara li saret reviżjoni tal-karti minn markaturi li kienu differenti minn dawk li kkorreġew il-karti fil-bidu. Tajjeb li jiġi nnutat li l-Assoċjazzjonijiet tal-Isport kienu fasslu huma stess kriterji tal-assessjar skont kif kien maqbul minnhom. Dawn il-kriterji, li huma aċċessibbli għal kulħadd minn fuq il-websajt tal-NSS ( https://nss.skola.edu.mt/assessment-criteria/ ), kienu ġew imfassla fuq erba’ kriterji: Tattika, Teknika, Fi ż joloġija u Psikoloġija/Personalità . Fil-każ tal-għawm jingħataw punti skont il-ħin li jġibu fit-tlielaq u fil-każ tal-atlektika jingħataw marki fuq il-ħin jew skont id-distanzi, kif spjegat fuq il-websajt tal-NSS. Dawn ġew mirquma matul is-snin skont il-bżonn u dejjem ġew ippubblikati qabel ma fetħu l-applikazzjonijiet tal-NSS. Fuq kollox, l-assessjar tal-isport isir mill-kowċ nazzjonali ta’ kull sport partikolari. Dawn għandhom il-kompetenza meħtieġa biex jaraw il-marki kif ingħataw u għaliex. F’dan il-każ ukoll kien hemm genituri li talbu verifika tal-marka tal-isport u l-assoċjazzjonijiet rispettivi ħadu ħsieb it-tweġibiet u spjegaw iktar fil-fond fejn kien hemm bżonn.
Leg 13 PQ #16415 Sitting 369 2020-10-07 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Skola Nazzjonali tal-Isport – tfal li applikaw għal dixxiplini sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal li applikaw biex jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport matul is-sajf u d-dixxiplini sportivi li jipprattikaw? Kemm minnhom ġew aċċettati u liema dixxiplini sportivi jipprattikaw? Jista’ jgħid kemm minn dawk mhux aċċettati talbu rendikont ta kif ingħataw il-marki u meta l-ġenituri ngħataw dan ir-rendikont?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif muri fil-lista li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #16416 Sitting 369 2020-10-07 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

American University of Malta – kundizzjonijiet u timeline

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-American University of Malta hiex iżżomm mal-kundizzjonijiet u t-timeline miftiehem mal-Gvern? Jista’ jgħid ingħatawx xi konċessjonijiet fuq il-ftehim kif oriġinarjament milħuq mal-Gvern?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li, qabel xejn, il-ftehim inkwistjoni jistipula li l-proġett għandu jkun konkluż fi żmien 73 xahar. Dawn jiskattaw mal-ħruġ tal-permessi kollha neċessarji inkella wara 24 xahar mid-data tal-11 ta’ Marzu 2016, id-data tal-iffirmar tal-kuntratt, liema tiġi l-ewwel. Minbarra hekk, il-ftehim jippermetti estensjoni sa mhux iżjed minn 12-il xahar oħra. Fil-kapaċità sħiħa tagħha, l-AUM hi obbligata li tattira mal-4,000 student mar-raba’ sena tat-tmiem tal-proġett. Teknikament it-tmiem tal-proġett ikun l-2025 u l-massimu tal-istudenti jintlaħaq fl-2029. Minbarra dan, inżid li l-AUM issirilha assikurazzjoni esterna tal-kwalità mill-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE), hekk kif stabbilit fil-kundizzjonijiet tal-liċenzja. Dan qed isir skont standards, linji gwida u kriterji Ewropej fuq il-kundizzjonijiet li saru lill-AUM biex ikun stabbilit li dawn qed jintlaħqu. Ma ngħataw ebda konċessjonijiet fuq il-kundizzjonijiet li saru oriġinarjament meta ngħatat il-liċenzja lill-AUM.