Kummissjoni Maltija għall-Films - Nuqqas ta’ locations storiċi adattati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Maltija għall-Films irreġistratx każijiet fejn produzzjonijiet ikkunsidraw lil Malta iżda għażlu destinazzjoni oħra minħabba n-nuqqas ta’ locations storiċi adattati jew minħabba limitazzjonijiet marbuta mal-kundizzjoni jew mal-karatteristiċi ta’ dawn il-locations? Jekk iva, jista' jgħid kemm-il każ ġie rreġistrat mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Bord Editorjali tal-PBS humiex obbligati jiddikjaraw xogħol, kuntratti jew interessi oħra ma' stazzjonijiet televiżivi jew organizzazzjonijiet politiċi? Jekk iva, jista' jgħid jekk il-membri attwali għamlux dawn id-dikjarazzjonijiet u jekk saritx evalwazzjoni dwar kunflitti ta' interess potenzjali?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Kif weġibt lill-Onor Interpellant f’istanzi oħra, il-Gvern ma jaqbilx mal-istrateġija li qed taddotta l-Oppożizzjoni fil-konfront ta’ professjonisti serji i qed jaqdu dmirhom. Inżid illi il-Bord Editorjali tal-PBS iwettaq il-ħidma u l-funzjonijiet tiegħu f’konformità mal-politiki u l-linji gwida appplikabbli għall-istazzjon nazzjonali u l-PBS għandu l-mekkaniżmi interni tiegħu sabiex jiżgura li l-operat editorjali jitmexxa b’mod responsabbli u trasparenti.
Jista’ l-Ministru, permezz tal-Kummissjoni Maltija għall-Films, jagħti lista tas-siti storiċi f’Malta u Għawdex li ntużaw minn produzzjonijiet internazzjonali ta’ films u televiżjoni mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika t-tip ta’ produzzjoni u s-sena tal-ġbid għal kull sit?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta’ Heritage Malta mill-użu tal-Forti Ricasoli għall-ġbid ta’ films, produzzjonijiet televiżivi jew attivitajiet relatati ma’ dawn il-produzzjonijiet f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Forti Ricasoli ma jaqax taħt l-amministrazzjoni ta’ Heritage Malta.
Forti Ricasoli – Talbiet għall-ġbid ta’ films jew produzzjonijiet televiżivi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tar-raġunijiet li għalihom talbiet għall-ġbid ta’ films jew produzzjonijiet televiżivi fil-Forti Ricasoli ġew miċħuda jew suġġetti għal limitazzjonijiet matul l-aħħar ħames snin, filwaqt li jindika kemm-il każ kien hemm għal kull raġuni?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għall-użu tal-Forti Ricasoli għall-ġbid ta’ films jew produzzjonijiet televiżivi waslet għand l-entitajiet responsabbli matul kull waħda mill-aħħar ħames snin, kemm ġew approvati u kemm ġew miċħuda jew irtirati?
Heritage Malta u l-Kummissjoni Maltija għall-Films – Laqgħat dwar il-Forti Ricasoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta jew il-Kummissjoni Maltija għall-Films iltaqgħux ma’ rappreżentanti tal-industrija tal-films biex jiddiskutu l-użu futur ta’ Forti Ricasoli? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il laqgħa saret, f’liema dati u liema kwistjonijiet ġew diskussi?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazju fil-Forti Ricasoli li bħalissa jista’ jintuża għall-bini u t-twaqqif ta’ settijiet tal-films? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx valutazzjoni dwar kif proġetti ta’ restawr jew interventi oħra jistgħu jaffettwaw din il-kapaċità?
Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali – Ħaddiema ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21 u jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew akkwistati opri tal-arti ġodda matul is-sena 2025? Jista’ jispeċifika wkoll liema kienu dawn l-opri u kemm ġie jiswa l-akkwist ta’ kull waħda?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-rapport annwali tal-Heritage Malta għas-sena 2025 li diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Forti Ricasoli – Valutazzjoni tal-impatt ta’ interventi maġġuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma jiġu approvati interventi maġġuri fil-Forti Ricasoli ssirx valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-kapaċità tas-sit li jintuża għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet televiżivi? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ dawn il-valutazzjonijiet mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ippjanati proġetti ġodda ta’ restawr, riabilitazzjoni jew żvilupp fil-Forti Ricasoli? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji tal-interventi ppjanati, l-ispiża stmata tagħhom u ż-żmien mistenni għall-implimentazzjoni?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt informat li hemm numru ta’ interventi ta’ restawr ippjanati fuq il-Forti Ricasoli, dan sabiex tiġi żgurata il-konservazzjoni u r-restawr tas-swar tal-Forti.
Forti Ricasoli – Proġetti ta’ restawr jew riabilitazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-proġetti ta’ restawr, riabilitazzjoni jew interventi oħra li twettqu fil-Forti Ricasoli mill-2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jindika għal kull proġett id-data tat-tlestija, l-ispiża u l-entità responsabbli?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsabu infurmat
li matul il-perjodu msemmi, id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni wettaq tliet proġetti ta’ restawr fil-Forti Ricasoli.
Dawn kienu jinkludu r-restawr tal-faċċata tan-Nofsinhar tar-Ridott ta’ San Duminku (Counterguard), ir-restawr tad-Demi-Bastjun ta’ San Duminku, kif ukoll xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni u restawr tal-faċċata tal-Casemates tul it-Tenaille tal-Forti.
Heritage Malta - Reġistru tal-interventi ta’ restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta żżommx reġistru tal-interventi ta’ restawr li jistgħu jaffettwaw l-użu futur ta’ siti storiċi bħala locations għall-films? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan ir-reġistru jinkludix valutazzjoni tal-effett fuq il-potenzjal tal-filming?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta żżomm dokumentazzjoni dettaljata ta’ kull proġett ta’ restawr, li tinkludi l-istat tas-sit qabel, matul u wara l-interventi mwettqa, sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tax-xogħlijiet kollha.
Din id-dokumentazzjoni tinżamm skont il-prinċipji u l-etika tal-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali, u mhux bil-għan li jiġi evalwat il-potenzjal tas-siti għal użi speċifiċi, inkluż għall-ġbid ta’ films u produzzjonijiet awdjoviżivi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta jew il-Kummissjoni Maltija għall-Films ġabrux informazzjoni dwar spejjeż addizzjonali li produzzjonijiet tal-films kellhom jagħmlu sabiex jaħbu jew ineħħu viżwalment elementi moderni f’siti storiċi? Jekk iva, jista’ jagħti ċ-ċifri disponibbli għall-aħħar ħames snin?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ispeċifikazzjonijiet tat-tenders għal proġetti ta’ restawr ikkummissjonati minn Heritage Malta jinkludux kundizzjonijiet dwar l-integrazzjoni sensittiva ta’ servizzi moderni u l-preservazzjoni tal-karatteristiċi viżivi u arkitettoniċi tas-sit?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta tibbaża l-proġetti ta’ restawr tagħha fuq prinċipji internazzjonali ta’ konservazzjoni, b’mod partikolari dawk stabbiliti mill-ICOMOS, fosthom il-
Venice Charter
tal-1964.
Dawn il-prinċipji, li jinkludu r-riversibbiltà, l-intervent minimu u d-distinzjoni bejn elementi oriġinali u interventi moderni, jiġu integrati mill-periti responsabbli mill-konservazzjoni fl-ippjanar, fit-tmexxija u fl-eżekuzzjoni tal-proġetti ta’ restawr.
Għalkemm dawn il-prinċipji mhux neċessarjament ikunu elenkati bħala kundizzjonijiet individwali fl-ispeċifikazzjonijiet tat-tenders, xorta waħda jiffurmaw parti integrali mill-implimentazzjoni tal-proġetti.
Barra minn hekk, dawn ix-xogħlijiet ikunu suġġetti għall-monitoraġġ tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, sabiex jiġi żgurat li jiġu osservati l-istandards rilevanti tal-konservazzjoni u titħares l-integrità storika, arkitettonika u viżiva tas-siti.
Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-informazzjoni li għandi, il-persuna msemmija m’hija fl-ebda bord fid-dekasteru li għalih jien responsabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm proġetti ta’ restawr matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern kompla jwettaq ħidma estensiva fil-qasam tar-restawr, il-konservazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna. Permezz tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, flimkien ma’ entitajiet oħra kompetenti, twettqu diversi interventi fuq siti storiċi, fortifikazzjonijiet, knejjes, kappelli, monumenti u binjiet ta’ valur patrimonjali.
Din il-ħidma tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern sabiex il-patrimonju storiku u kulturali ta’ Malta u Għawdex jibqa’ mħares u ppreservat għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.