Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — Contracts of Service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal contract of service li kull entità fi ħdanu ħarget kull sena mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm u għalxiex ingħataw contracts of service għall-istess perjodu minn kull entità fi ħdanu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22482 u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22366, jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk id-Djar Residenti tal-Privat li m’għandhomx Kunsill magħmul mir-residenti stess, fejn huma jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut u s-suġġerimenti tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tad-Dar fejn huma qed jgħixu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22484 u jindika fid-dettall fiex jikkonsistu l-ispezzjonijiet li jsiru fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, tagħmel dawn it-tipi ta’ spezzjonijiet:
- Spezzjoni ta’ moniteraġġ: fejn jiġi assigurat li s-servizz qed jingħata skont l-iStandards Soċjali Regolatorji maħruġa mill-Awtorità;
- Spezzjoni wara Feedback: jiġi investigat ilment jew tħassib minn residenti jew qraba fuq servizz partikolari; u
- Spezzjoni ta’ liċenzjar: kull sena il-liċenzja biex jopera kull servizz tiġi mġedda wara li jsir assessjar tas-servizz kollu.
Jista’ l-Ministru jindika jekk is-Servizz bl-isem ta’ Bronja għadux jingħata lill-anzjani sabiex ma jħossuhomx waħedhom? Jekk iva, kemm hemm volontiera li jċemplu regolarment lil dawn l-anzjani kuljum? Kif tista’ persuna anzjana tagħmel użu minn dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jindika dawk id-Djar Residenzjali tal-Anzjani li qegħdin joffru s-servizz ta’ Respite? Fiex jikkonsisti dan is-servizz u jekk dan is-servizz huwiex bi ħlas?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Djar Residenzjali tal-Anzjani fejn bħalissa hemm klijenti li qed jiġu offruti s-servizz ta’ Respite huma St.Thomas Community Living, Casa Leone, Residenza San Ġużepp u Dar l-Annunzjata. Dan is-servizz jagħti sapport u mistrieħ lil min ikun qed jieħu ħsieb anzjani dipendenti fil-komunità. Dan is-servizz jikkonsisti fi dħul ġo Dar Residenzjali għal perjodu ta’ tlett ġimgħat. Is-servizz jista’ jingħata sa tliet darbiet kull sena u huwa bla ħlas.
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed tinkludi sodod għas-servizz ta’ Respite ma’ kull ftehim ta’ xiri ta’ sodod li jsir ġdid. B’hekk jekk ikun hemm bżonn, ikunu jistgħu jintużaw għal dan is-servizz. L-informazzjoni tar-residenzi kollha li magħhom sar dan il-ftehim ser jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex tintlaqa' din it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed titlob għal wheelchair u qed isib xi diffikultà biex it-talba tintlaqa'
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? F'kull każ jista' jgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanita’ Attiva, l-informazzjoni tkopri l-perjodu li jibda mit-23 ta’ Novembru 2020, li hija d-data tat-twaqqif tal-istess Ministeru.
Djar Residenzjali tal-Gvern — Stat ta’ saħħa tar-Residenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat ta’ saħħa (eż: Indipendenti, Dipendenti, eċċ) jinsabu r-residenti li jgħixu fid-Djar Residenzjali tal-Gvern?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istat ta’ saħħa tar-residenti li jgħixu fid-Djar Residenzjali tal-Gvern hija kif ġej:
Dipendenza Baxxa 25.75%
Dipendenza Medja 24.67%
Dipendenza Għolja 49.58%
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — nefqa rikorrenti vvutata għal pagi ta' persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’persentaġġ tal-nefqa rikorrenti vvutat għall-Ministeru tiegħu ser imur biex jitħallsu l-pagi u kuntratti ta’ persuni ingaġġati bħala “Persons of Trust” fil-Ministeru tiegħu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — persons of trust
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22165, peress li l-mistoqsija parlamentari ma tirreferix għall-Ministru nnifsu iżda għall-Ministeru tiegħu jew l-ekwivalenti, f’dan il-każ il-Ministeru għal Anzjani, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn f’pagi u benefiċċji?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22473.
Jista’ l-Ministru jindika fejn huma mwaqqfa ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjani? X’għandha tagħmel persuna sabiex tirċievi dan is-servizz? Kemm huwa l-ħlas sabiex anzjan/a jirċievi dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċentri għall-Anzjanità Attiva huma mwaqqfa f’dawn il-lokalitajiet: Mosta, Mġarr, San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Naxxar, Birkirkara, Msida, Sliema, Ħal Qormi, Luqa, Birebbuġa, Żejtun, Marsaskala, Bormla, Santa Luċija, Safi, Kirkop, Żurrieq, Siġġiewi, Dingli, Ħamrun, Santa Venera, Santa Luċija, Swieqi, Gżira, Floriana, Paola, Swieqi.
Persuna tista’ tapplika biex tattendi Ċentru għall-Anzjanità Attiva billi timla il-formola għas-servizzi li toffri l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — Safar fuq xogħol tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid
a. liema kienu s-safar fuq xogħol tal-Gvern li huwa kellu fl-2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza;
b. liema kienu mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea u liema kienu minn fondi nazzjonali;
c. min kellu fid-delegazzjoni tiegħu/tagħha;
d. x’kienet l-ispiża totali ta’ kull safra msemmija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2021 sad-data ta' llum, il-Ministru ma siefirx fuq xogħol.
Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk id-Djar Residenzjali tal-Anzjani mmexxija mill-Privat, li jinvolvu direttament lir-residenti tagħhom fit-tmexxija ta’ dawn il-postijiet? Kemm-il darba ltaqgħu f’dawn l-aħħar sentejn?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 22366, inżid li dawn ir-residenti jiltaqgħu b’mod regolari u kemm hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sodda fid-djar tal-anzjani privati kienu/huma mixtrija mill-Gvern għas-snin 2020 u 2021, maqsuma dar b'dar? Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża globali, imħallsa mill-Gvern lil kull dar għas-sena 2020 u 2021?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22483 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22367, jista’ l-Ministru jindika jekk sarux spezzjonijiet mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali f’dawn id-Djar Residenzjali:
a. Residenza San Ġużepp; u
b. St. Thomas Community Living?
X’rakkomandazzjonijiet saru f’kull waħda minn dawn id-Djar u meta saru dawn l-ispezzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali matul dawn l-aħħar sentejn għamlet 28-il spezzjoni f'Residenza San Guzepp u 21-il spezzjoni f' St Thomas Community Living. Nuqqasijiet primarjament kienu rigward kura ta' kwalità u dwar l-immaniġġjar tas-servizzi.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ uffiċċju jew sular tal-quad towers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu laħaqx innegozja jew qed jinnegozja xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu la qatt innegozjaw u lanqas qed jinnegozjaw xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-Quad Towers.