Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Venera — Triq Reġjonali - Tisqif tal-mini

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20612 u tgħid x’sar f’din l-aħħar sena dwar it-tisqif tal-mini ta’ Triq Reġjonali, f’Santa Venera?

Response (DALLI, MIRIAM)

Dwar dan il-proġett sar Cost Benefit Analysis (CBA) b’disinji differenti biex jiġi determinat x’inhu l-aħjar mudell li jista’ jiġi adottat u kif il-proġett ikun fattibbli bil-possibiltà wkoll li dan isir bejn il-Gvern u l-privat. L-għan tagħna huwa li nagħtu lin-nies spazju miftuħ bl-aħjar użu u għalhekk qed jiġi kunsidrat x’jista’ jkun l-involviment tal-investitur privat, jekk ikun hemm faċilitajiet taħt il-livell tal-ġnien għall-użu tal-familji. Peress li t-triq fejn se jsir il-proġett hija arterja prinċipali li tagħmel parti mit-Ten-T Network u d-disinn jinvolvi l-mina, hija meħtieġa l-kompetenza ta’ espert tal-inġinerija tal-mini. Fatturi oħrajn li trid tittieħed kunsiderazzjoni tagħhom fejn jidħol l-ippjanar u t-twettiq ta’ dan il-proġett, jinkludu l-impatt fuq it-traffiku anke minħabba l-fatt li fiż-żmien li ġej fiż-żona se jkun hemm għaddejjin ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Msida Creek.

Santa Luċija — Ġnien taċ-Ċiniżi - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2321 u 7950, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ġew konklużi fil-Ġnien taċ-Ċiniżi matul din il-Legiżlatura u kemm ġew jiswew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol biex tinfetaħ għall-pubbliku parti minn Ġnien is-Serenità li ma kinitx qed tintuża huwa mmirat li jkun lest fl-ewwel kwart tas-sena 2025. Għal dawn ix-xogħlijiet s’issa ġew investiti madwar €537,636 (VAT inkluża) u jinkludu bini ta’ ġibjun ġdid, kamra ddedikata għall-manutenzjoni u l-pompi, formazzjoni ta’ vaska kbira, installazzjoni ta’ ħadid b’disinn dettaljat mad-dawra tal-ġnien, preparazzjoni ta’ passaġġi u tħawwil ta’ siġar. Minbarra li jrid isir iżjed tħawwil ta’ siġar, jonqos ukoll l-installazzjonijiet ta’ servizzi, bankijiet, pompi u strutturi oħra tal-ħadid.

Birżebbuġa — Ġnien Indipendenza - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru telenka lista sħiħa tax-xogħlijiet li saru jew li ser isiru fi Ġnien Indipendenza, Birżebbuġa, li ma kinux inklużi fiż-żewġ tenders oriġinali? Tista’ tgħid ukoll kemm ġew jew ser jiġu jiswew, oġġett oġġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li ma kinux inklużi fit-tender oriġinali jikkonsistu fil-bini ta’ bankina mad-dawra tal-proġett kollu għas-somma ta’ €19,500 (VAT eskluża) u biex isir tindif estensiv tal-ġibjun li hemm taħt il-ġnien li se jiswa €5,500 (VAT eskluża).

San Pawl il-Baħar – Xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas- Servizzi tal-Ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema toroq għandha l-pjan li tagħmel xogħlijiet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma relatati ma’ New Water; mas-sistema tal-ilma jew mas-sistema tad-drenaġġ; jew xi xogħlijiet oħra mill-istess korporazzjoni f’San Pawl il-Baħar, minn Novembru 2024 sal-aħħar tas-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha pjan u investiment estensiv għaż-żona ta’ San Pawl il-Baħar. Fil-qasam tad-drenaġġ, għandha ppjanat li ssir tiswija fuq mejn kif ukoll tibdil fil-mejnijiet tal-ippumpjar tad-drenaġġ fejn meħtieġ. Qegħdin isiru wkoll xogħlijiet f’toroq oħrajn fejn għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol tal-proġett tal-microtunnelling, li għalih qed isir użu minn teknoloġija avvanzata biex ġiet eliminata l-ħtieġa li jitħaffru trinek fit-toroq taż-żona. Għaddej ukoll it-tqabbid mal-istess mina kif ukoll it-tħejjijiet neċessarji biex eventwalment jinbdew ukoll ix-xogħlijiet fuq ir-rising u l-gravity mains. Qed ikun finalizzat ukoll il-proġett tan-New Water fl-Imbordin, waqt li xogħlijiet oħrajn għas-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb qed jiġu kkordinati mal-awtoritajiet responsabbli.

Project Green — Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema mill-proġetti li kienu aċċettati minn Project Green biex ikunu jistgħu jsiru, fil-fatt inbeda x-xogħol fuqhom? Liema proġetti oħra li kienu aċċettati, hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena li ġejja? Fiż-żewġ każijiet, tista’ tgħid meta hu mistenni li x-xogħol jiġi ffinalizzat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema proġetti qed tirreferi.

Ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 65 sena

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx persuni li għandhom minn 65 sena ’l fuq li jaħdmu fid-dekasteru tagħha? Jekk hemm, tista' tgħid kemm huwa n-numru ta’ dawn il-ħaddiema, skala skala, u jekk humiex tal-kuntrattur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni relatata mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Fir-rigward ta’ ħaddiema li għandhom minn 65 sena ‘l fuq fis-Settur Publiku, nirreferih għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 21443.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tagħha matul din is-sena 2024 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlementari 18537.

Project Green — Baġit allokat għal kampanji PR u avvenimenti pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm mill-baġit ta’ Project Green ġie allokat għal kampanji PR u avvenimenti pubbliċi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 22212.

Project Green — Baġit allokat għal titjib ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kemm mill-baġit ta’ Project Green ġie allokat fuq titjib ambjentali konkret?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul din il-Leġiżlatura tlestew jew jinsabu għaddejjin xogħlijiet fuq bosta proġetti ambjentali u interventi oħra ta’ afforestazzjoni, tħaddir urban u l-ħolqien ta’ spazji miftuħa. L-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir - Project Green, Ambjent Malta, Greenserv, GHRC u ERA - bejniethom diġà wettqu 30 proġett b’investiment ta’ aktar minn €15-il miljun u li flimkien iġibu medda art ta’ madwar 105,000 metru kwadru. Dawn minbarra bosta proġetti oħrajn li diġà nbeda x-xogħol fuqhom jew jinsabu fi stadju ta’ ppjanar u/jew studji. Fil-każ tagħha, Project Green għaddejja bi pjan ambizzjuż mifrux fuq medda ta’ 7 snin. L-Aġenzija tamministra l-proġetti ambjentali li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna ġodda u proġetti oħrajn ta’ tħaddir fil-lokalitajiet. Fil-każ tal-ħolqien ta’ spazji miftuħa f’żoni urbani l-għan huwa li dawn ikunu jintlaħqu mill-familji fi ftit minuti mixi mid-djar tagħhom. Fl-ewwel sentejn tagħha, Project Green wettqet 18-il proġett ta’ sapzju miftuħ u għamlet ukoll xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’10 widien. L-investiment għal dan it-titjib ambjentali, li kien jinkludi wkoll tħawwil ta’ siġar u manutenzjoni, huwa stmat għal madwar €6.5 miljun. Il-proġetti li diġà saru mill-Aġenzija huma Ġnien iż-Żgħażagħ (Gudja), Ġnien ir-Rinella (Kalkara), San Klement Picnic Area (Żabbar), San Klement OCR (Żabbar), Dog Park & Picnic Area (Safi), Ġnejnet iċ-Ċkejken Ziam (Kalkara), Ta’ Qali Dog Park, Minden Grove (Ta’ Qali), Ġnien Hibiscus (San Ġwann), Bengħajsa Park Phase 1 (Birżebbuġa), Baħrija School (Baħrija), Milbrae Grove (Mosta), Sant’Antnin Picnic and Toddler Area (Marsaskala), Ġnejnet Nikol Aquilina (Qrendi), Pollinator Garden (San Ġwann), Helen Keller School (Qrendi), San Ġwann t’Għuxa (Bormla) u Erba’ Mwieżeb Phase 1 (San Pawl il-Baħar). Il-widien li fihom sar xogħol ta’ riġenerazzjoni huma Wied iċ-Ċawsli (Qormi), Wied ta’ Għajn il-Kbira (Siġġiewi), Wied il-Lunzjata (Rabat), Wied l-Isqof (Rabat), Wied Speranza (Mosta), Wied Mejxu (Swieqi), Wied il-Lewża (Siġġiewi), Wied Ħemsija (Rabat), Wied Qannotta u l-Wied tal-Baħrija. Għas-snin li ġejjin, Project Green qed taħdem fuq 118-il proġett differenti b’investiment ta’ €350 miljun biex inkomplu noħolqu spazji miftuħa mifruxa mal-pajjiż u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Proġetti li flimkien iġibu medda art ta’ madwar 1.7 miljun metru kwadru - daqs 240 grawnd tal-futbol. Uħud minn dawn il-proġetti diġà beda x-xogħol fiżiku fuqhomu u għas-sena d-dieħla, l-Aġenzija qed tippjana li tlesti 19-il proġett ieħor ġdid - medda ta’ 120,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa li se jiġu riġenerati. Proġetti li l-pubbliku se jkun qed igawdihom fix-xhur li ġejjin.

Project Green — Titjib fil-kwalità tal-arja/tnaqqis tat-temperaturi urbani

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji fuq kemm minn dawn l-inizjattivi ta’ Project Green irriżultaw f’titjib fil-kwalità tal-arja jew fit-tnaqqis tat-temperaturi urbani?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22215.

Project Green — Sħubija mal-entitajiet privati

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar kwalunkwe sħubija mal-entitajiet privati fi ħdan Project Green u tispjega x’vantaġġi ambjentali sostennibbli nkisbu minn dawn il-kollaborazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Uffiċjali bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-iktar għaxar uffiċjali fi ħdan il-Ministeru tagħha bl-ogħla pakkett finanzjarju annwali? Tista’ tgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju ta' kull wieħed minnhom u x'jinkludi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-pożizzjonijiet fl-istrutturi tas-Servizz Pubbliku huma marbuta ma’ skali skont il-kategorija li jappartjenu. Għaldaqstant, il-pakkett finanzjarju huwa marbut ma’ dik il-kategorija dejjem hekk kif approvat jew maqbul fi ftehim tal-kategorija.

L-Imġarr — Triq Għajn Tuffieħa - Street lighting

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jistax isir street lighting fi Triq Għajn Tuffieħa li mill-Imġarr twasslek għal Għajn Tuffieħa jew għal San Pawl il-Baħar? Jekk le, tista' tgħid għaliex? Jekk iva, tista' tgħid jekk hemmx pjan li jsir dan id-dawl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Il-Furjana — Proġett ta’ Sant’Anna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi studji saru qabel tħejjiet il-wegħda elettorali għal dak li kellu jkun il-proġett ta’ pedestrian link ta’ Sant’Anna fil-Furjana, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe studji relevanti li jagħtu spjegazzjoni ċara għalfejn dan il-proġett li qabel l-elezzjoni l-Gvern qiesu bħala fattibbli, issa m’għadux possibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara reviżjoni ta’ studji arkeoloġiċi u ġeotekniċi tal-passat, fejn anke nstab li taħt it-triq hemm fdalijiet storiċi, ġie konkluż li l-underpass mhuwiex fattibbli. Bħalissa għaddej studju ieħor dwar l-impatt fuq it-traffiku biex jiġu esplorati possibbiltajiet u opportunitajiet ġodda għal dan il-proġett li jinkludu l-pedestrianisation ta’ Triq Sant Anna. L-istudju mistenni jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.

Project Green — Baġit allokat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien il-perċentwal tal-baġit allokat għal Project Green li ntefaq fuq il-marketing, attivitajiet u PR (public relations, retainers mal-media etc.) meta mqabbel ma’ proġetti ambjentali ta’ Project Green? Tista’ tipprovdi wkoll break down ta’ dan l-infiq mil-bidu ta’ Project Green, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Wieħed mill-għanijiet ta’ Project Green huwa li tinkoraġġixxi u żżid dejjem aktar l-użu tal-ispazji miftuħa mill-pubbliku u b’hekk tinvesti wkoll biex aktar nies isiru jafu dwar il-parks li inawgurat u li qed tamministra flimkien mal-attivitajiet li jħeġġu aktar nies biex jiffrekwentaw u jgawdu dawn l-ispazji miftuħa. Għal dan il-għan, fl-2023 l-aġenzija investiet €234,000 (11%) waqt li din is-sena dan l-investiment jammonta għal €120,000.

Project Green – Miżuri li qed jiġu implimentati

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar x’miżuri fit-tul qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-inizjattivi ta’ Project Green, bħat-tħawwil tas-siġar jew l-ispazji miftuħa, jiġu mħarsa b’mod sostenibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull tender ta’ xogħol fuq il-proġetti jinkludi pjan ta’ manutenzjoni b’numru ta’ Key Performance Indicators (KPIs) biex tkun assigurata ż-żamma sostenibbli tal-proġetti li jsir minn Project Green. F’każ li s-sit fejn isir il-proġett ma jkunx amministrat mill-aġenzija, jsir MoU mal-parti konċernata biex ikun assigurat l-istess impenn ta’ manutenzjoni.

Project Green — Benefiċċji ambjentali

Question

Tista' l-Ministru tagħti dettalji dwar il-metodoloġija użata biex jiġu vvalutati l-benefiċċji ambjentali ta’ Project Green, speċjalment f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-titjib fil-biodiversità, kif ukoll ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green, Ambjent Malta kif ukoll Greenserv, jieħdu ħsieb minn żmien bikri biex jipproteġu u jippromwovu l-benefiċċji ambjentali ta’ proġetti li jkunu qed jippjanaw, u dan billi sa mill-istadji tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-proġetti bħall-parks, ġonna u spazji miftuħa oħrajn jivvalutaw l-impatt ambjentai minn qabel billi tingħatha prijorità fl-ippjanar lit-titjib fil-bijodiversità u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, b’passi konkreti u evalwazzjonijiet komprensivi li jiffokaw fuq il-ħolqien ta’ spazji ħodor sostenibbli inkluż it-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli kif applikabbli. L-evalwazzjoni tal-benefiċċji ambjentali tibda bi stħarriġ ekoloġiku tas-siti proposti għall-proġetti, inkluż l-identifikazzjoni ta’ speċi ta’ pjanti indiġeni u l-abitat naturali tal-annimali, kif ukoll l-ispeċi invażivi li għandhom jiġu kontrollati. Dan il-pass inizjali jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet infurmati biex il-proġett ikun aktar kompatibbli mal-ambjent u reżiljenti fit-tul. Fuq livell ieħor, l-entitajiet rispettivi jiffokaw fuq l-għażla ta’ pjanti indiġeni u li jattiraw il-pollinaturi, biex tinbena ekosistema sana u titjieb il-bijodiversità. L-użu ta’ speċi ta’ pjanti li jiffavorixxu l-klima u l-ħamrija lokali jappoġġja għadd akbar ta’ speċi naturali, bħall-pollinaturi u annimali. Barra minn hekk, dawn il-pjanti indiġeni għandhom bżonn inqas ilma u manutenzjoni, u b’hekk huma għażla sostenibbli fit-tul. Fil-kostruzzjoni tal-proġett, l-entitajiet jimplimentaw disinn ta’ veġetazzjoni, fejn jinħolqu abitati differenti u strutturi li jsaħħu l-bijodiversità u s-separazzjoni tal-karbonju. Dan id-disinn jinkludi livelli differenti ta’ siġar, arbuxxelli u ħaxix, fejn possibbli, biex tinħoloq ekosistema li tappoġġja l-ħajja f’kull livell. B’dan l-approċċ komprensiv, il-parks li qed jinħolqu mhux biss jikkontribwixxu għall-protezzjoni ambjentali, iżda wkoll joffru valur sinifikanti lill-komunità, billi jiġu bbilanċjati l-għanijiet ambjentali u l-aċċessibbiltà pubblika.