Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Entitajiet Regolatorji

Question

Tista’ l-Ministru, fir-rigward ta’ entitajiet regolatorji (irrispettivament mill-mod kif deskritti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, f’kull każ tgħid: a. Jekk din l-entità għandhiex il-poter skont il-liġi ordinarja li timponi penalitajiet finanzjarji (irrispettivament minn kif deskritti) ta’ natura ċivili jew amministrattivi u jekk iva, tgħid kemm hu l-massimu tal-penali li tista’ tiġi imposta minn dik l-entità, kemm fuq bażi one-off u/jew għal jum ta’ nuqqas ta’ konformità u f’kull istanza fejn applikabbli tagħmel referenza għad-dispożizzjonijiet tal-liġi ordinarja li tagħti lil dik l-entità l-poter li timponi tali penalitajiet? b. Quddiem liema forum ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jistgħu jiġu kkontestati deċiżjonijiet fejn l-entità kkonċernata timponi penali ta’ din ix-xorta? ċ. Jekk kienx hemm u/jew jekk hemmx pendenti kawżi ta’ natura kostituzzjonali li fihom intalab li d-dispożizzjonijiet taħt il-liġi ordinarja li jagħtu l-poter li l-entità kkonċernata timponi tali penalitajiet jiġu ddikjarati li jikkostitwixxu ksur tal-Kostituzzjoni b’mod partikolari tal-artikolu 39 tal-istess Kostituzzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Rapporti ta’ fawran ta’ drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13527 dwar rapporti ta' fawran ta' drenaġġ, tista' l-Ministru, għal kull ilment, tinforma meta sar dan l-ilment u liema triq kien jikkonċerna l-ilment?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif diġà spjegajt, fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 13527, il-maġġoranza tal-każi ġraw b’riżultat ta’ rimi ta’ effluwenti li mhux permissibbli li jintremew fis-sistema tad-drenaġġ, bħal debris, wipes, ġebel u xaħmijiet.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Deputati tal-Oppożizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma d-Deputati tal-Oppożizzjoni li huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess maġġoritarju u ta' kontroll, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hi responsabbli l-Ministru u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn qegħdin iservu u l-kariga li jokkupaw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13997.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru, twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12016 u tgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u f’kull każ tgħid: (a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra, u (b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Project Green — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol marbut mas-16-il proġett li kien tħabbar xhur ilu li ntgħażlu bħala parti minn Project Green u liema minn dawn ix-xogħlijiet inbdew fuq il-post fejn ix-xogħol suppost għandu jsir? Tista’ tgħid ukoll kemm sar investiment sa issa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol b’rabta mas-16-il proġett li se jsiru b’investiment ta’ €10 miljun taħt l-iskema Community Greening Grant wasal f’diversi fażijiet. Tlestiet il-konsultazzjoni mal-entitajiet konċernati waqt l-ippjanar kif ukoll l-istudji meħtieġa. Barra minn hekk, tlesta x-xogħol amministrattiv marbut mat-tfassil biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti u preżentament qed isir it-tfassil tagħhom. Permezz ta’ din l-iskema maħruġa minn Project Green se nkunu qed naraw proġetti fuq medda ta’ 80,000 metru kwadru ta’ art mifruxin minn Għajnsielem sa Marsaxlokk. Minbarra f’dawn iż-żewġ lokalitajiet l-proġetti se jsiru f’Santa Venera, l-Imtarfa, Birkirkara, Mosta, Mellieħa, Ħal Għaxaq, Imsida, San Pawl il-Baħar, Gżira, Ħal Għargħur, Bormla, Raħal Ġdid, Żurrieq u Tal-Pietà. Fil-każ tal-proġett ta’ Santa Venera propost minn Hospice Malta nbdew ix-xogħlijiet fuq art, li oriġinarjament kienet maħsuba għall-iżvilupp, li se tinbidel fi ġnien ta’ madwar 2,700 metru kwadru fil-qalba ta’ waħda mill-aktar żoni urbani f’Malta.

San Pawl il-Baħar — Irwejjaħ ta’ drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13528 tista' l-Ministru, għal kull ilment imsemmi fit-tweġiba dwar irwejjaħ kbar ta' drenaġġ matul il-jum kif ukoll bil-lejl, tinforma meta sar dan l-ilment u liema triq kien jikkonċerna l-ilment?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-erba’ lmenti li kienu jikkonċernaw lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, kif spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 13528, kienu kollha fi Triq San Pawl u dwarhom il-Korporazzjoni ħadet l-azzjoni meħtieġa f’dawn id-dati: fil-5 ta’ Jannar, fit-28 t’April, fid-9 t’Awwissu u fl-10 t’Awwissu ta’ din is-sena.

Chatbot bil-lingwa Maltija

Question

B’referenza għall-proġett taċ-chatbot bil-lingwa Maltija, tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-finanzjament li ngħata lil dan il-proġett minn fondi pubbliċi jew Ewropej, direttament jew indirettament? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll x’inhuma l-għanijiet u r-riżultati mistennija minn dan il-proġett u jekk kienx hemm xi kundizzjonijiet jew rekwiżiti mehmuża ma’ tali finanzjament? Fl-aħħar nett tista’ l-Ministru tgħid ukoll x’inhu l-impatt mistenni minn dan il-proġett fis-setturi bankarji u finanzjarji, b'mod partikolari f'termini ta' titjib fl-appoġġ lill-klijenti u l-effiċjenza operattiva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-proġett ‘The New Era of Chatbot’ huwa proġett ta’ Riċerka u Żvilupp permezz ta’ kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet privati – Cartesio Ltd u Noovle International li qed jaħdmu mal-Università ta’ Malta biex jiġi żviluppat chatbot ta’ konverżazzjoni permezz tal-intelliġenza artifiċjali bil-lingwa Maltija. Il-proġett qed jiġi mgħejjun permezz tal-iskema Research and Development 2020 tal-Malta Enterprise (fondi lokali) skont il-linji gwida approvati mill-Kummissjoni Ewropea u li jistgħu jinstabu f’din il-link: https://maltaenterprise.com/support/research-and-development-2020. Filwaqt li l-Att dwar il-Promozzjoni tal-Investiment jistipula kunfidenzjalità dwar proġetti speċifiċi, fi skemi bħal Research and Development 2020 ikun hemm skrutinju ta’ persuni tekniċi, evalwazzjoni tal-business plan u financial plans u fl-aħħar jiġi approvat mill-bord tal-Malta Enterprise. Kull proġett ikollu numru ta’ kundizzjonijiet marbutin miegħu. Il-proġett huwa mistenni li jiżviluppa chatbot bl-AI, Machine Learning u cloud computing li jista’ jintuża fis-setturi bankarji, finanzjarji, assigurazzjoni u servizzi ta’ investimenti fost oħrajn u mistenni li joffri aċċess iktar wiesgħa u aċċessibbli għall-klijenti f’dawn is-setturi. Dan il-proġett se jwassal biex klijenti jużaw dan ic-chatbot avvanzat biex jikkomunikaw ma’ customer care fuq is-siti u l-apps permezz tal-lingwa Maltija. Lingwi oħrajn u applikazzjoni f’setturi diversi jistgħu jsegwu f’dan il-mudell li qed jiġi żviluppat f’Għawdex.

Marsaxlokk – Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, tul l-2022 u l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-park naturali ta’ Xrobb l-Għaġin għadna kemm inawgurajna Wildlife Rehabilitation Centre ġdid li se jipprovdi ambjent u faċilitajiet aħjar għar-riabilitazzjoni ta’ annimali selvaġġi feruti, kif ukoll se jservi bħala ċentru għar-riċerka u l-edukazzjoni ambjentali. Iċ-ċentru ġie żviluppat b’investiment ta’ €2.5 miljun iffinanzjat parzjalment minn fondi Ewropej taħt il-programm reġjonali ERDF u fondi nazzjonali. B’rabta ma’ dan il-proġett, fl-aħħar sentejn saru diversi xogħolijiet biex ġiet irranġata l-binja eżistenti kif ukoll sar tisbiħ tal-madwar. Matul l-2022 ix-xogħolijiet kienu jikkonsistu primarjament f’ restawr tal-bini tal-Ex-Deutschewelle fejn tneħħew is-soqfa kollha li kienu kundannati, filwaqt li ġew infurzati l-kolonni li kienu qed iżommu s-soqfa li matul is-snin kienu ddeterjoraw u nagħataw konkos ġdid biex jinfurzahom. Ġiet irranġata wkoll is-sitema li kien hemm tal-effiċjenza tal-enerġija, flimkien mar-restawr tal-faċċata kollha tal-binja. Matul l-2022, Ambjent Malta kompliet ukoll bix-xogħol fuq il-manteniment tal-parti rurali u naturali fejn tul is-snin kienu tħawwlu aktar minn 20,000 siġra u arbuxell f’dan il-park naturali. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti f’tisqija, tneħħija ta’ speċi invażivi, tħawwil ta’ siġar u arbuxell f’diversi żoni ġewwa l-park. Matul l-2023, ix-xogħlijiet intensifikaw fir-riġward tal-interventi strutturali fejn tkomplew il-partijiet relatati mal-finishes kif ukoll fuq is-sistemi tad-dawl u l-ilma madwar il-binja kollha. Ġew installati sistemi ġodda ta’ pompi li jtellgħu l-ilma baħar għal ġewwa t-tankijiet, li nbnew apposta għall-fkieren li jkun qed jiġu riabilitati fil-Wildlife Rehabilitation Centre. Ġew attrezzati wkoll kmamar apposta biex iżommu fihom fawna tal-art (bħal qniefed u friefet il-lejl) li jkollhom bżonn kura u interventi mediċi, qabel jerġgħu jitpoġġew fl-abitat naturali tagħhom. Ġew installati sistemi ta’ CCTVs li jimmonitorjaw il-post kollu u sistema elettronika li tkun qed tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma baħar li jkun hemm fit-tankijiet tal-fkieren. Inbniet ukoll guva kbira biswit din l-binja biex isservi għar-rijabilitazzjoni tat-tjur salvaġġ. Inbniet ukoll sub-station tad-dawl biex dawn is-sistemi ġodda jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr ebda diffikultà. Ta’ min isemmi wkoll li Heritage Malta nediet proġett relatat mal-iskavar tat-tempju neolitiku li jinsab fi Xrobb l-Għaġin. Ix-xogħlijiet li saru jfisser li reġa’ nfetaħ spazju ta’ 150,000 metru kwadru bħala park għall-pubbliku.

Raħal Ġdid – Ġnien il-Mediterran — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tagħha, Project Green wettqet diversi xogħlijiet f’dan il-ġnien li kienu jinkludu tinqix tal-ħamrija, tisqija u żbir tas-siġar, kif ukoll saru x-xogħlijiet preparatorji biex tiġi estiża s-sistema awtomatika għat-tisqija tas-siġar. Infakkar li Ġnien il-Mediterran intgħażel bħala wieħed mis-16-il proġett li se jsiru taħt l-iskema Community Greening Grant u minbarra li dan il-ġnien se jiġi riġenerat il-proġett se jinkludi żona għall-istudenti tal-MCAST. Kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13868, ix-xogħol b’rabta mal-proġetti li se jsiru b’investiment ta’ €10 miljun taħt l-iskema Community Greening Grant wasal f’diversi fażijiet. Tlestiet il-konsultazzjoni mal-entitajiet konċernati waqt l-ippjanar kif ukoll l-istudji meħtieġa. Barra minn hekk, tlesta x-xogħol amministrattiv marbut mat-tfassil biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti u preżentament qed isir it-tfassil tagħhom.

Ħal Balzan – Tiswijiet

Question

Tista’ l-Ministru tara li jiġi ddeterminat minnufih x’inhu l-likwidu ta’ kulur skur (ritratti annessi) li ħiereġ minn binja f’Ħal Balzan li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex ikun stabbilit jekk hemmx bżonn ta’ tiswijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma kinitx notifikata rigward dan l-ilma li qed jiskula. Meta saret taf dwar dan bdiet mill-ewwel bl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Servizzi ta’ kumpanija privata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tagħha tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-bidu tal-leġiżlatura sal-lum, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, kien hemm entità waħda li xtrat servizz mingħand il-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament. Din kienet il-kumpanija Enemed u s-servizz kien jikkonsisti f’kors ta’ taħriġ li sewa €2,000.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Tista’ tgħid ukoll liema kienu u tagħti break down tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Enemalta – Rapporti ta’ undervoltage jew overvoltage

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta’ undervoltage jew overvoltage rċeviet l-Enemalta matul is-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari lokalità b’lokalità ġewwa Għawdex, maqsuma xahar b’xahar? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi pjan biex titranġa s-sitwazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13418 u nżid li matul din is-sena, l-Enemalta diġà wettqet xogħlijiet ta’ rinfurzar li indirizzaw rapporti ta’ varjanza fil-vultaġġ f’lokalitajiet differenti f’Għawdex permezz ta’ substations ġodda, upgrades f’substations eżistenti, u feeders ġodda, fosthom fin-Nadur u Għajnsielem.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u tgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Armada LNG Mediterrana – Skeda ta’ mili ta’ gas

Question

Tista' l-Ministru tippubblika l-iskeda ta' meta saru x-ship-to-ship transfers matul l-2022 u l-2023 sabiex jimtela bil-gass l-Armada LNG Mediterrana li jservi bħala FSU fil-port ta' Marsaxlokk, u f'kull każ kemm ġie reġistrat li ġie trasferit LNG?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskeda ta’ meta saru x-ship-to-ship transfers fl-2022 u fl-2023. Ninsab infurmata li l-informazzjoni ulterjuri mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Għawdex u Kemmuna — Distribution centres u substations

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ippjanati li jsiru distribution centres u substations ġodda, u kemm se jitqiegħdu cables tat-33kV, tal-11kV, u tal-low-voltage, u fejn ġewwa Għawdex u Kemmuna matul is-sena 2024 u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja bi pjan aċċellerat għat-tisħiħ kontinwu tas-sistema ta’ distribuzzjoni fil-gżejjer Maltin. Ix-xogħlijiet jiġu mfassla skont il-ħtiġijiet ta’ kull żona. F’Għawdex, il-pjanijiet għas-sena 2024 jinkludu, iżda mhux limitati għal substations ġodda fix-Xlendi, fin-Nadur u Marsalforn, kif ukoll feeders ġodda minn għadd ta’ substations, sabiex tissaħħaħ is-sistema ta’ vultaġġ baxx. Ser isir ukoll rinfurzar fuq livell ta’ 11kV billi jissaħħu ċ-ċirkwiti bejn San Lawrenz u r-Rabat, kif ukoll iċ-ċirkwit fin-Nadur. Dan ix-xogħol ser jagħmel in-network tal-Enemalta aktar flessibbli u reżiljenti. Aktar tisħiħ qed jiġi studjat biex in-network ta’ distribuzzjoni f’Għawdex ikompli jiġi msaħħaħ fis-snin li ġejjin, skont il-ħtiġijiet tad-domanda futura.

Pjan — bini ta’ distribution centre ġdida

Question

Tista' l-Ministru tgħid hemmx pjanijiet biex tinbena distribution centre ġdida? Jekk iva, tista’ tgħid fejn ser tkun u kemm hi l-istima?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 11157, ninfurmah li l-aktar żewġ Ċentri ta’ Distribuzzjoni li jinsabu avvanzati fl-ippjanar tagħhom huma dawk tan-Naxxar u tas-Siġġiewi. L-ewwel stimi proviżorji jindikaw li dak tan-Naxxar ser jiġi jiswa madwar €14-il miljun, filwaqt li dak tas-Siġġiewi huwa stmat li ser jiswa €18-il miljun.

Qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11127 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u tgħid x’inhi l-istima ta’ telf għall-ekonomija tal-pajjiż minħabba l-qtugħ fil-provvista tad-dawl fl-aħħar erbat ijiem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fir-rigward tal-provvista tad-dawl u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija tal-pajjiż, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-akbar telf u saħansitra staġnar fit-tul, l-ekonomija tal-pajjiż iġġarrabhom meta l-prezzijiet tad-dawl, u anke tal-ilma, tal-gass, tad-diesel u l-petrol, jogħlew minn xahar għal xahar mingħajr l-ebda ħjiel ta’ stabbiltà. Il-Gvern preżenti dan għarfu sa mill-bidu nett u ħa deċiżjonijiet kuraġġużi biex fost l-oħrajn wettaq b’suċċess il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass. Din il-qalba ma għenitx biss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet iżda wkoll biex il-Gvern, kif kien wiegħed minn qabel, raħħas il-kontijiet tal-dawl, u anke tal-ilma, għall-familji u n-negozji kollha. Dan is-serħan il-moħħ li ġabet magħha l-politika tal-Gvern preżenti kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku li pajjiżna tant kien jeħtieġ u grazzi għal dawn id-deċiżjonijiet għaqlin, ilkoll kemm aħna, stajna ngawdu minn stabbiltà ekonomika. Aktar riċenti, hekk kif sab ma’ wiċċu t-taqlib internazzjonali u l-kriżi li ġabet magħha l-gwerra fl-Ukrajna, l-Gvern reġa’ aġixxa b’mod deċiżiv u mill-ġdid serraħ moħħ il-familji u n-negozji li l-prezzijiet tad-dawl, tal-ilma, tal-gass, tad-diesel u anke tal-petrol kienu se jibqgħu stabbli. Bid-deċiżjoni li ħadna li nżommu l-prezz tal-enerġija stabbli, minn Ġunju 2021 sa Ġunju ta’ din is-sena tajna aktar minn €766 miljun f’għajnuna għal dan is-settur. Fuq dawl biss, in-negozji u l-familji ffrankaw aktar minn €615-il miljun. Li ma kienx għal din il-politika ta’ stabbiltà, kieku l-familji llum qegħdin iħallsu d-doppju f’kontijiet tad-dawl. Għalhekk li għas-sena d-dieħla qed nibbaġittjaw €350 miljun oħra biex inżommu l-prezzijiet tad-dawl, tal-fuel u taċ-ċilindri tal-gass stabbli. Konna, għadna u se nibqgħu innovattivi, proattivi u deċiżivi. L-isfidi li qed iġġib magħha t-tibdil fil-klima u d-domanda, dejjem togħla, għall-elettriku se nkomplu nindirizzawhom ukoll – kemm f’dik li hija ġenerazzjoni, kemm fid-distribuzzjoni u anke fejn tidħol l-affordabilità għall-konsumatur. Din hija ċ-ċertezza li f’dawn l-aħħar snin żammitna 'l bogħod minn telf ekonomiku jew saħansitra riċessjoni. Din hija ċ-ċertezza li kontinwament baqgħet tagħti lil pajjiżna stabbiltà ekonomika. Din hija ċ-ċertezza li tagħti s-serħan il-moħħ lill-poplu u n-negozji tagħna.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex u Kemmuna — Tħawwil ta’ siġar u arbuxelli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f'dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena kemm intefqu flus minn Project Green fi tħawwil ta’ siġar u arbuxelli fil-gżira ta' Għawdex u fil-gżira ta' Kemmuna? Tista’ tgħid ukoll kemm tħawlu siġar u arbuxelli, ta' liema speċi u fejn tħawlu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex, Project Green hija involuta f’għadd ta’ proġetti li anke jinvolvu t-tħawwil ta’ bosta siġar u arbuxelli. Fost dawn hemm il-proġett propost mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem fejn qed jiġu investiti kważi €600,000 b’finanzjament mill-Community Greening Grant. Proġett ieħor huwa dawk tar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien il-Kunsill, fix-Xewkija, fejn, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, se jinfetaħ l-ewwel ġnien carbon neutral f’Għawdex li fih se jintużaw tekonoloġiji innovattivi li jiġġeneraw l-enerġija rinnovabbli. L-aġenzija se tkun qed twettaq ukoll r-riabilitazzjoni tal-Wied tal-Grixti kif diġà spjegajt fit-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 8151 u 9142. Ninsab infurmata wkoll li Project Green qed tikkollabora mal-Ministeru għal Għawdex anke sabiex isiru investimenti konġunti f’aktar spazji miftuħa u proġetti ambjentali oħrajn madwar Għawdex li jagħmlu differenza pożittiva fil-lokalitajiet. Fejn jirrigwarda Kemmuna, l-interventi ta’ tħawwil ta’ siġar u arbuxelli qegħdin isiru minn Ambjent Malta. Matul din is-sena, fuq din il-gżira s’issa tħawlu 1,400 siġra li jikkonsistu f’1,300 tal-ispeċi Pinus Halepensis, 50 tat-tip Vitex Agnus-castus u 50 Tamarix Africana.