Legislature:
Category:
Reset
Active:

Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni – Ħaddiema Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru tagħha, x’inhu l-grad tagħhom u kemm ilhom jaħdmu Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-preżent hemm disa’ ħaddiema Għawdxin jaħdmu fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, fil-gradi ta’ Health Assistant u Operative. Wieħed minn dawn il-ħaddiema ilu mill-1994, ieħor mill-2017, 6 ħaddiema ilhom mill-2024 u wieħed ilu mill-2025.

Ftuħ ta’ spralli taħt l-art fi proprjetà ta’ terzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-awtoritajiet konċernati jistgħux jiftħu sprall li jagħti taħt l-art fi proprjetà ta’ terzi, anke jekk dan isir b’permess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Kemmuna - Pjattaforma ankrata - Awtorizzazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), jew xi entitajiet li jaqgħu taħtha, irċevewx, evalwawx, approvawx jew irrifjutawx xi environmental permit, environmental clearance, environmental impact assessment, screening, No Objection Certificate (NOC) jew awtorizzazzjoni oħra relatata mal-pjattaforma/floating island ankrata viċin Kemmuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament; u jekk fl-affermattiv, tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji u l-kopji kollha, inkluż jekk ġiex ikkunsidrat il-fatt li l-operat se jkun qrib żona li fuq il-karta għandha diversi livelli ta’ protezzjoni ambjentali, kif ukoll tispeċifika jekk il-pjattaforma hijiex ankrata f’Marine Special Area of Conservation jew Marine Special Protection Area?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċeviet ebda waħda mis-sottomissjonijiet indikati.

EcoHive Complex - Tender CT2231/2024

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol relatat mal-kiri u bini tal-unit fi ħdan il-kumpless Ecohive relatat mat-tender ‘CT2231/2024 Tender for Rental and operation of treatment unit for leachate generated from Landfills at EcoHive Complex’?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-unità għat-trattament tal-leachate ġiet installata u kummissjonata fl-aħħar ta’ Frar u t-tħaddim regolari tal-impjant beda fit-2 ta’ Marzu.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Defibrillators

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm defibrillators fil-binja ta’ kull entità li taqa’ taħt il-ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-binjiet tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika hemm total ta’ 61defibrillator.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Defibrillators

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm defibrillators fil-binja tal-ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-binjiet li jappartjenu lill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika hemm b’kollox 5 defibrillators.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Karozzi

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-ispiża annwali ta’ kull karozza (GM) fil-ministeru tagħha u jekk dawn huma mixtrija, tista’ tgħid kemm kienu jiswew meta nxtraw?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika hemm żewġ karozzi (GM), waħda tal-Ministeru u l-oħra tas-Segretarjat Parlamentari. Dawn huma t-tnejn karozzi tal-kiri, liema kirja ssir skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procument Regulations.

In-Nadur u l-Qala – New Water – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk hemmx pjanijiet sabiex jiġi kkunsidrat u implimentat is-servizz tan-New Water fi Triq it-Tiġrija u Triq San Blas fin-Nadur, kif ukoll fit-triq li tgħaqqad in-Nadur mal-Qala, fl-isfond tax-xogħlijiet ippjanati f’dawn l-inħawi? Jekk iva, tista’ tindika wkoll jekk hemmx pjan ta’ ħidma b’timeframes stabbiliti u meta huwa mistenni li jibdew dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kontinwament tistudja u tevalwa estensjonijiet ta’ networks ġodda, u f’dan l-istadju għadha qed tistudja l-estensjonijiet fl-inħawi msemmija. Sadattant, kull bidwi f’Għawdex għandu aċċess għan-New Water mill-eqreb dispenser.

Tas-Sliema - Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant’Agata - Qtugħ ta’ dawl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34104, u peress li nhar it-Tlieta 24 ta’ Marzu r-residenti fl-inħawi ta’ Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant’ Agata f’Tas-Sliema reġgħu sofrew qtugħ ta’ dawl ta’ aktar minn erba’ siegħat, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-kawża ta’ qtugħ ripetut tas-servizz f’din l-istess żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fid-data imsemmija f’Tas-Sliema kien hemm ħsara fuq is-sistema ta’ vultaġġ baxx li affettwat iż-żewġ toroq indikati. It-tekniċi ta’ Enemalta, bħalma jsir f’kull każ, attendew mill-iktar fis biex indirizzaw il-ħsara fl-iqsar ħin teknikament possibbli.

Is-Swieqi - Triq l-Għamad - Vultaġġ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal biex numru ta’ djar fl-inħawi ta’ Triq l-Għamad, is-Swieqi, qed ikollhom il-vultaġġ jitla’ u jinżel ta’ spiss? Tista’ tgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-problema tissolva għal kollox?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta rċeviet ilment mingħand konsumatur wieħed fit-triq indikata fil-mistoqsija u li l-problema qiegħda tiġi indirizzata.

Segretarjat għall-Indafa Pubblika – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34164, 34619, 34838 u 35071 u tipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li huwa l-obbligu tal-Ministeru, id-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu li jwassal lill-pubbliku inġenerali b’għarfien dwar servizzi, proġetti u inizjattivi li l-Gvern ikun qed jieħu minn żmien għal żmien. Dan biex il-pubbliku jkun infurmat u jkun jista’ jagħmel l-aqwa użu minnhom. Fil-perjodu ta’ bejn Ġunju 2025 u Jannar 2026, is-Segretarjat Parlamentari għall-Indafa Pubblika permezz tad-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u Tindif investa €4,950 f’kampanja edukattiva permezz ta’ reklamar fuq it-televiżjoni mmirata biex tkattar aktar kuxjenza fost il-pubbliku u b’mod partikolari t-tfal dwar l-indafa pubblika u l-ambjent. Ninnota li diġà weġibt numru ta’ interpellanzi parlamentari dwar dan is-suġġett għall-kumplament tal-perjodu mitlub.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Frar 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W512.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Jannar 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W496.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Diċembru 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33928.

Is-Swieqi - WSC - Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xogħlijiet ta' tħaffir għaddejjin mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fl-inħawi tas-Swieqi? Jekk iva, tista' tara jekk hux possibbli li dawn ix-xogħlijiet ma jibdewx kmieni qabel is-sebħ u jekk hux possibbli li dan il-makkinarju jkollu xi tip ta' rubber mountings biex jitnaqqas l-inkonvenjent ta' vibrazzjonijiet fuq ir-residenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet fi Triq l-Għajn u li dawn jibdew wara s-7.30 ta’ filgħodu. Infurmata wkoll li l-makkinarju li qed jintuża huwa ta’ daqs regolari, filwaqt li l-Korporazzjoni, bħalma jsir fi kwalunkwe proġett, qed tassigura li jkunu segwiti r-regolamenti stipulati waqt ix-xogħlijiet.

Enemalta - Montenegro - Proġett tal-windfarm

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta  baqgħalhiex  sehem fil-proġett tal-windfarm fil-Montenegro sal-lum il-ġurnata, u jekk iva, x’arranġament għandha biex tforni l-elettriku minnu?  Tista’ tgħid ukoll xi profitti/dividends qalgħet minn dan l-investiment f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34578, ninsab infurmata li l-Enemalta għad għandha sehem indirett fil-proġett tal-windfarm fil-Montenegro għal 28.9% tal-proġett. Bħala azzjonisti indiretti nifhmu li hemm power purchase agreement mad-distributur tal-Montenegro.

L-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar – Dispensers tan-New Water

Question

Tista' l-Ministru jgħid kemm ġew installati dispensers ta' new water fl-Imġarr, fil-Mellieħa u f’San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn id-dispensers jistgħu jintużaw, u kemm le? Fil-każijiet fejn għadhom ma jistgħux jintużaw, meta huwa mistenni li jkunu jistgħu jintużaw? Tista’ tgħid ukoll kemm bdiewa qed jinqdew minn dawn id-dispensers, u kemm huma mistennija li jkunu jistgħu jużaw l-istess dispensers, meta jkunu kollha lesti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fit-tliet lokalitajiet imsemmija hemm installati total ta’ 187 dispenser u li dawn huma kollha operattivi. Dawn jinsabu 88 fl-Imġarr, 84 fil-Mellieħa u 15 f’San Pawl il-Baħar. Infurmata wkoll li fiż-żona tat-Tramuntana hemm 626 bidwi li għandhom aċċess u jistgħu jagħmlu użu minn dawn id-dispensers.

Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Frar 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25498.

L-Imġarr - Substation ġdida

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33801, tista’ l-Ministru tagħti l-pjan bid-dati u bid-deadlines, ta’ kif ser tkun qed tiġi implimentata substation ġdida fl-Imġarr?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-ġranet li ġejjin ser jibda jintrama l-apparat fis-substation. Ix-xogħlijiet fit-toroq biex tkun tista’ tinxtgħel din is-substation jibda wara li jinħareġ il-permess minn Transport Malta.