Legislature:
Category:
Reset
Active:

Landfill tal-Qortin — Gas Treatment Plant - manutenzjoni u investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' manutenzjoni u investiment sar, minn min sar u kemm ġie jiswa sena b' sena mis-sena 2015 sal-lum fuq il-Gas Treatment Plant li hemm fil-Landfill tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex? Jista’ jgħid jekk f' dawn l-aħħar sitt snin sarx xi tip ta monitoraġġ fuq din il-landfill, u jekk iva, fiex kien jikkonsisti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Jien infurmat li pre¿entament hemm żewġ offerti fuq is-suq. Dawn huma it- Tender For The Supply, Delivery, Installation, And Commissioning Of A New Below-Ground 5,000 Ltr Lpg Storage Tank In The Qortin Landfill Gas Treatment Plant, Gozo u t-Tender For The Supply, Installation And Commissioning Of A Low Calorific Gas High Temperature Flare And Ancillaries At Qortin, Xagħra For Wasteserv Malta. Il-valur ta’ dan l-investiment huwa ta’ madwar €75,000. F’każ ta’ manutenzjoni ġenerali kemm tal-miżbla kif ukoll tal-impjant tal-gass isir internament u jinkludi l-manutenzjoni ta' pompi, bjar tal-gass, veġetazzjoni, ħitan tal-konfini tal-impjant u t-trasport tal-kondensat, kif ukoll manutenzjoni tal- flare. Fir-rigward ta’ monitoraġġ tal-gas dan isir perjodikament meta jkun hemm bżonn li tinxtegħel il-flare peress li l-ġenerazzjoni tal-gass hija baxxa ħafna. Dan il-monitoraġġ jinkludi l-qari bażiku tal-bijogass għal-Carbon Dioxide, il-ġenerazzjoni tal-Methane, il-kontenut tal-Ossiġenu, u l-konsum tal-LPG u l-gass kollhu jigi trattat minn gol- flare .

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — tenders li ħarġu reċentement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu t-tenders li hawn hawn taħt, li ħarġu reċentement mill-Ministeru tiegħu, u għalfejn inħasset il-ħtieġa li jinħarġu issa: a) Tender For The Supply, Delivery, Installation, And Commissioning Of A New Below-Ground 5,000 Ltr Lpg Storage Tank In The Qortin Landfill Gas Treatment Plant, Gozo ID:SPD8/2021/155 b) Tender For The Supply, Installation And Commissioning Of A Low Calorific Gas High Temperature Flare And Ancillaries At Qortin, Xaghra For Wasteserv Malta ID:SPD8/2021/161?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema attwali tal-gas qegħda mibnija fuq l-art. Proviżjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà jirrikedu li tali sistema ikolla reċint ta’ 15 metru madwara. Bħala parti mill-isforz tal-WasteServ li tagħmel iż-żona tal-Qortin aċċessibbli b’mod assolut il-WasterSev għamlet l-istudji meħtieġa sabiex jaġġornaw din is-sistema. Riżultat ta’ dan iż-żewġ tankijiet tal-LPG li jinsabu fuq l-art ser jiġu mibdula b’tank i¿għar taħt l-art. Fl-istess ħin, se jiġi mibdul l-apparat li jaħraq il-gas li jiġi pproduċut mill-miżbla sabiex dan ikun jista’ jinħaraq b’mod kontinwu. Dawn iż-żewġ tenders li ħarġu reċentement huma marbutin ma’ dan ix-xogħol li flimkien mar-riġenerazzjoni u tħadir tal-miżbla tal-Qortin ser ikunu qed iwasslu għal- kwalità ta’ ħajja aħjar għal- Għawdxin u l-eluf ta’ nies li jżuru Għawdex.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — organogramma

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura (organogramma) tas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari (fil-każ li hemm wieħed)? Jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu diġà jaħdmu mas-servizz pubbliku u kemm minnhom qed jaħdmu bħala “persons of trust”?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 24070, ninfurmaha li, fis-Segretarjat tiegħi, l-għadd ta’ persuni li diġà jaħdmu mas-Settur Pubbliku hu ta’ tnax (12), waqt li l-Persons of Trust jammontaw għal sebgħa (7). Fir-rigward tas-Segretarjat Parlamentari l-ammont rispettivi huma disgħa (9) u tnejn (2).

Planning Authority — financial statements

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta' financial statements tal-Planning Authority?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar sett ta’ statements finanzjarji tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23128 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? F'kull każ jista' jgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni qed tingħata b’ żieda ma’ dik li diġà tajt bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 15868.

Magħtab — bini ta’ inċineratur – Awtorità tal-Ippjanar –permessi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kif approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-bini tal-inċineratur fiż-żona tal-Magħtab, limiti tan-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Naħseb li l-Onor Interpellant qiegħed jagħmel referenza għall-applikazzjoni PA3012/20 (Outline application for the construction of a Waste to Energy Plant at Maghtab), liema applikazzjoni ġiet deciża mill- Bord ta’ l-Ippjanar fit- 13 ta’ Jannar 2022 u ser tiġi ppublikata fis- 26 ta’ Jannar 2022. Għaldaqstant, il-permess kif approvat mill-Bord ta’ l-Ippjanar jista’jkun disponibbli biss wara din id-data.

Magħtab – proġett tal-inċineratur – Risk Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar Risk Assessment li sar dwar il-proġett tal-Inċineratur fiż-żona tal-Magħtab, limiti tan-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

B’żieda mal-informazzjoni li diġà tajt f’din il-Kamra bi tweġiba għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari, fosthom 21600, 21310, 21157 u 21156, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi proġetti ta’ din in-natura ma jsirx risk assessment uniku. Fil-fatt, il-proċess tal-ippjanar u l-applikazzjoni sabiex l-impjant ikun jista’ jopera (IPPC) jirrikjedu diversi assessments kif anke titlob il-liġi. Sa issa diġà saru volumi ta’ studji, li jinkludu l-assessjar tal-impatt u r-riskji ambjentali, u ovvjament dawn fihom ukoll evalwazzjoni dwar kif jistgħu jiġu affettwati n-nies. L-istudji msemmija huma voluminużi u huma disponibbli għall-pubbliku bħala parti mill-proċess tal-Ippjanar. Il-konklużjoni tagħhom hija li l-effett nett tal-proġett hu wieħed pożittiv. Irrid ngħid ukoll li peress li l-konsorzju li se jwettaq dan il-proġett se jkun responsabbli għad-disinn, il-bini u l-operat, il-proċess se jkun jinvolvi li jibqgħu isiru diversi risk assessments skont il-ħtiġijiet tad-disinn, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tal-impjant. Fil-fatt il-kuntratt li għad irid jingħata se jobbligu lill-konsorzju magħżul biex iħejji kull dokumentazzjoni neċessarja, inklużi aktar studji, monitoraġġ u risk assessment b’konformità sħiħa mal-liġijiet ta’ Malta u d-direzzjoni tad-diversi awtoritajiet regolatorji.

Entitajiet tal-Gvern immexxija minn 7 kapijiet eżekuttivi

Question

B’referenza għal dak li intqal mill-Ministru Aaron Farrugia fid-diskors tiegħu fil-Parlament nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar meta kien qed jiġi diskuss Abbozz 221, fejn semma li hemm madwar 7 kapijiet eżekuttivi li jmexxu entitajiet tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabilità, jista’ l-istess Ministru jindika min huma dawn il-persuni, ma’ liema entità qed jaħdmu u f’liema data bdew jokkupaw din il-pożizzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Triq is-Salina – proġett – laqgħa bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, Infrastruttura Malta u residenti tas-Salina

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta ser issir il-laqgħa bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, Infrastruttura Malta u r-residenti tas-Salina, dwar proġett li hemm fil-bidu ta’ Triq is-Salina, liema proġett ilu mibdi bla ma’ tlesta, għal sena sħiħa? Din il-laqgħa ntalbet minni waqt il-ħin tal-mistoqsijiet waqt is-seduta ta’ nhar it-Tnejn 17 ta’ Jannar 2022 f’domanda li għamilt lill-istess Ministru fil-preżenza tal-Ministru Ian Borg, responsabbli minn Infrastruttura Malta.

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellant Illi l-Awtorità tal-Ippjanar kellha diskussjonijiet ma' numru ta’ sidien residenti fit-triq in kwistjoni, filwaqt li kien hemm ukoll skambju ta’ korrispondenza fejn l-istess sidien kienu konxji tat-tibdil tal-livell tal-istess triq skont il-livelli uffiċċjali. Madankollu, min-naħa tal-Awtorità ma kellha ebda laqghat ulterjuri mar-residenti u Infrastructure Malta.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kont tajtha għall-Mistoqsija Parlamentari 16747 u ninfurmaha li, mid-data ta’ din it-tweġiba sa Diċembru 2021, il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar kif ukoll l-entitajiet u l-aġenziji li jaqgħu taħtu ma taw l-ebda kuntratt, direct order, donazzjoni jew benefikat dirett jew indirett lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament.

Malta Resource Authority – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-MRA?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar sett ta’ Statements Finanzjarji tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. (Korrezzjoni: Ara dokument Nru PL 7577 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 539 tal-Erbgħa, 26 ta' Jannar 2022)

Noise Pollution

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23763, peress li din hi kwistjoni ta# ħsejjes li ma jħallux bniedem jgħix fil-kwiet, jista' l-Ministru jara l-każ imsemmi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m' għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parmamentari 23763.

ERA – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financial statements tal-ERA?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar sett ta’ Statements Finanzjarji tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Tiġdid ta' telework/remote working

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari numru 23717.

Wasteserv Malta – financial statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ financialstatements tal-Wasteserv Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Annwali u l-Financial Statements tal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. għas-sena 2019.

Awtorità tal-Ippjanar — amnestiji

Question

Jista’ l-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar hux qed tippjana biex fix-xhur u l-ġimgħat li ġejjin toħroġ skema/skemi ta' amnestiji, u jekk iva, fiex inhu maħsub li jkunu jikkonsistu dawn l-amnestiji u min se jkun jista’ japplika għalihom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed tagħmel pjanijiet tat-tip li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.

Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar — Persuni nominati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki u esperjenza għandhom l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament biex jigu nominati biex iservu fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni maħtura fuq il-Bord tal-Ippjanar tal-Awtorità tal-Ippjanar jissodisfaw ir-rekwiżiti li jistipula l-Artikolu 63 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552).

Noise pollution

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-Dipartiment konċernat jivverifika d-decibels ta’ ħsejjes li qed jaslu għand dar f’San Ġiljan li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li din il-materja hija ta’ natura privata u ma tikkonċernax il-Ministeru tiegħi.