Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kummissjoni Ewropea — Miri ġodda fl-emissjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11601 fejn il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima wieġeb dwar x’qal hu fiċ-Chile u mhux dwar dak li sar fil-Lussemburgu f’Ottubru 2019 skont kif irrappurtat min-Nature Trust (Malta unashamedly blocking the negotiations to adopt the new target), ikun daqstant ġentili u jwieġeb il-mistoqsija 11601 peress li wieġeb fuq iċ-Chile minflok fuq il-Lussemburgu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix x’inżid ma dak li ġa għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 11601, għajr li jien m’għamilt l-ebda diskors fiċ-Chile dwar it-tibdil fil-klima. L-intervent tiegħi għamiltu fil-Lussemburgu, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Ambjent, meta kien qed jiġi diskuss l-COP25 li dak iż-żmien kien indikat li ser isir f’Diċembru fiċ-Chile.

Dwerja Management Board – varjazzjoni fil-kompożizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm varjazzjoni fil-kompożizzjoni tad-Dwejra Management Board? Jekk iva, x'tibdil jew żieda kien hemm? Jista' jgħid kemm-il darba ltaqa' dan il-Bord minn kemm ilu li reġa’ ġie kkostitwit sad-data meta tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-minuti tal-laqgħat li kellu dan il-Bord minn meta reġa’ ġie kkostitwit? Jista’ jgħid x'rakkomandazzjonijiet għamel il-Bord u bdew jiġu mwettqa jew ġew imwettqa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 10943.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — nefqa fuq reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Fondi mill-Unjoni Ewropea – titjib tal-prodott Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li Fondi mill-Unjoni Ewropea li suppost kellhom jintużaw biex il-bidwi u r-raħħal Malti jtejjeb il-prodott Malti, minflok il-Gvern użahom biex jagħti l-concrete u t-tarmak lill-mogħdijiet tal-kampanja u l-widien?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bil-kontra ta' dak li donnha timplika l-mistoqsija hekk kif impoġġija, il-Fond Ewropew Għall-Iżvilupp Rurali li qed tirreferi għalih il-mistoqsija jipprovdi għajnuniet lill-bdiewa u atturi rurali abbażi ta' programm b'miżuri differenti li jirriflettu ħtiġijiet u prijoritajiet diversi tal-agrikoltura u ħajja rurali f'Malta. Dawn il-miżuri ġew imħejjija u qed jiġu implimentati mill-Awtorità ta' Tmexxija fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej b'konsultazzjoni ma stakeholders varji inkluż rappreżentanti tal-bdiewa. Fosthom hemm kemm miżuri bħall-Miżura 4.2 li hi ntiża sabiex jitjieb il-marketing u proċessar tal-prodotti agrikoli, u wkoll dawk li jtejjbu l-aċess lill-bdiewa għall-oqsma tagħhom. Għal iżjed dettalji nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.

Waste electric and electronic equipment – collection volumes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jipparaguna pajjiżna ma' stati membri oħrajn fl-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam ma' collection volumes ta' WEEE – Waste Electrical And Electronic Equipment? X’inhi l-figura tagħna ras għal ras?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Wasteserv — RDF ġenerat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tender ħarġet il-Wasteserv mill-2017 ’l hawn biex jinbiegħ l-iskart RDF iġġenerat? Jista’ jindika d-dati li fihom ħarġu dawn is-sejħiet għall-offerti, jekk fil-fatt ħarġu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħarġet sejħa waħda mis-16/11/2018 sa 18/12/2018, Service Tender for the Management of RDF (Refuse-Derived Fuel) Waste CT 2076/2018.

Il-Fgura – Triq Wied Blandun – tisbiħ u manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu tul is-sena li ġejja sabiex ikun hemm tisbiħ u rijabilitazzjoni taż-żona mhux mibnija li hemm il-Fgura bejn Triq Wied Blandun sa fuq nett ta’ Triq il-Foss kif kien ġie indikat f’diskorsi preċedenti tal-baġit?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena d-dieħla, għal din iż-żona, ser issir investigazzjoni dettaljata tas-sit. Dan l-istudju, li ser isir minn fondi nazzjonali, ser jagħti stampa ċara tal-interventi ta’ riabilitazzjoni li jistgħu jsiru f’dan is-sit. Eventwalment ser iservi biex tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal permessi neċessarji biex isir ir-restawr tal-wied

Dipartiment tal-Veterinarju – klieb abbandunati li qatlu qtates

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mid-Dipartiment tal-Veterinarju sabiex jinqabdu klieb abbandunati li ntlemħu joqtlu qtates f'numru ta' lokalitajiet, fosthom ukoll fis-Siġġiewi? Jekk ma ttieħdux passi, kif beħsiebu l-Ministru jindirizza din il-kwistjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — credit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom credit card jew simili, maħruġa lilhom mill-Gvern ta’ Malta? Jista' jgħid kemm kien l-ammont minfuq fuq kull credit card fl-2018 u fl-2019?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Direttur tal-Agrikoltura — persuni reġistrati bħala bdiewa part-time

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11836 u jgħid xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm kien in-numri ta' persuni li rreġistraw bħala bdiewa part-time mad-Direttur tal-Agrikoltura? Jista' l-Ministru jgħid l-età, is-sess u f'liema lokalità huma rreġistrati l-imsemmija persuni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Skart li ttieħed fis-Civic Amenity Sites

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kien l-ammont ta’ skart li ttieħed fis-Civic Amenity Sites fl-2013, 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u din is-sena sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, site b’site b’mod separat? Jista’ jgħid x’tip ta’ skart li ttieħed?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Geopark

Question

Peress li fil-Budget Speech għall-2019 tħabbar l-ewwel Geopark, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsab?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni konsultattiva maħtura sabiex tidentifika siti potenzjali kellha diversi diskussjonijiet f’dan ir-rigward fejn ġie stabbilit illi, minħabba d-daqs ta’ Malta u d-dimensjonijiet ta’ Geoparks madwar id-dinja, ma kienx ser ikun possibbli illi jiġi stabbilit Geopark fil-pajjiż. F’dan il-kuntest, il-Ministeru issa qed jiffoka fuq il-possibilta’ li jkunu identifikati siti naturali li jkunu jistgħu jiġu magħrufa bħala wirt dinji mill-UNESCO.

Siġar meqruda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6177, 6563 u 11531 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u jimmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

National Energy and Climate Plan 2020-2030

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-National Energy and Climate Plan 2020-2030 li ssemma fil-Budget Speech għall-2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-NECP jitmexxa mill-Ministeru għall-Enerġija, għalkemm b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Air Monitoring Station

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa flus u fejn jinsab l-air monitoring station ġdid li tħabbar fil-Budget Speech 2019?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-air monitoring station li tħabbar fil-Budget Speech 2019 qed jiġi nstallat fix-Xemxija. Tlesta x-xogħol fuq l-istruttura. Bħalissa għaddej il-proċess, skont il-liġi u policies tal-Gvern, sabiex ikun mixtri l-apparat biex jintrama’ dan l-istazzjon. Għalhekk prezz finali f’dan l-istadju għad m’hemmx.

Ta’ Qali — Malta Parks - tibdil tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaħdmu bix-shift

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema tal-Malta Parks (Ambjent Malta) li jaħdmu Ta' Qali u li qegħdin bix-shift, se jinbidlulhom il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, b'tali mod li ma jibqgħux fuq bażi ta' shift?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s’issa m’hemmx pjanijiet li jsir tibdil tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaħdmu bix-shift.

Iż-Żurrieq – Wied Babu – aċċess pubbliku

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11527, jista’ l-Ministru jgħid minn meta Wied Babu sar tal-privat? Jista’ jgħid kif tapplika l-liġi tad-Dominju Pubbliku għal dan il-każ meta l-wied jiżvolġi ġol-baħar u l-unika aċċess hu minnu? X’miżuri ttieħdu fl-interess pubbliku?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li kemm l-informazzjoni dwar artijiet tal-Gvern kif ukoll l-liġi tad-dominju pubbliku jaqaw taħt il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Proġetti Kapitali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat

Żwiemel maqtula

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11530, dwar kemm inqatlu żwiemel, mill-istatistika ppreżentata f’din il-mistoqsija parlamentari jidher li hemm min qed jaħrab mir-regoli li jħarsu s-Saħħa Pubblika, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jgħid x’rimedji qed jittieħdu biex laħam taż-żiemel minn żwiemel maqtula klandestinament (mhux fil-biċċerija), ma jispiċċax jiġi kkonsmat f’restaurants, każini u ħwienet tax-xorb?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma llil-Onor. Interpellant li filwaqt li infakkar li l-laħam taż-żiemel jiġi wkoll impurtat, ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol ta’ dan il-Ministeru f’dan il-qasam huwa li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jagħmel kontrolli uffiċjali fuq il-laħam taż-żiemel fil-biċċeriji pubbliċi, kif ukoll fuq l-importazzjoni tal-laħam taż-żiemel. Dan isir regolarment. Meta nirċievu xi rapporti ta’ qatla illegali, kemm jekk anonima jew le, din tkun investigata mmedjatament u jekk jirriżulta li jkun minnu, dan jitwaqqaf u jittieħdu passi immedjatament. Barra min dan isiru kontrolli oħra mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fejn tidħol l-katina tal-ikel. Dan għaliex kull min għandu negozju fil-qasam ta’ l-ikel huwa legalment obbligat li jżomm evidenza u traċċa ta’ minn fejn oriġina l-ikel li jipproduċi. Dan japplika wkoll għall-ikel taż-żwiemel u għal dawk l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel li għandhom ristoranti, każini u ħwienet tax-xorb, li lkoll huma obbligati jipprovdu evidenza lill-Awtoritajiet kompetenti fuq minn fejn ġej il-laħam taż-żiemel tagħhom.

Ix-Xemxija – post ta’ rikreazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11814, jista’ l-Ministru jikkunsidra li fiż-żona biswit il-Knisja tax-Xemxija, preċiżament quddiem il-fire station tax-Xemxija (jew f'żona oħra fix-Xemxija stess), tiġi żviluppata f’post ta’ rikreazzjoni/primarjament għat-tgawdija tar-residenti tax-Xemxija li sal-lum m’għandhomx post simili, anke fid-dawl li fl-aħħar snin il-popolazzjoni f’din iż-żona kompliet dejjem tikber?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru hu mpenjat li jkabbar żoni ta' afforestazzjoni u jtejjeb l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Il-ħolqien ta’ żoni rikreattivi fl-abitat huwa responsabilità tal-Kunsill Lokali flimkien mal-Ministeru tal-Infrastruttura.