Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza — Tiġdid ta' telework/remote working
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?
Sentenza ta’ priġunerija fuq akkuża waħda ta’ pussess sempliċi ta’ Kannabis
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li ngħataw sentenza ta’ priġunerija fuq akkuża waħda ta’ pussess sempliċi (mhux aggravat) ta’ Kannabis (mhux droga oħra) mill-Qrati tagħna fl-aħħar erba’ snin? (Jiġifieri f’każ fejn l-unika akkuża kienet ta’ pussess sempliċi ta’ kannabis, bla reċidività)
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
L-informazzjoni li qiegħda tintalab mill-Onor. Interpellant ma tinkwadrax fil-parametri li fihom tinżamm l-istatistika tas-sentenzi.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bid-dħul fis-sehh tal-Att tal- 2015 dwar id-Dipendenza fuw id-Droga (Trattament Mhux Priġunerija (Kap 537 tal-Liġijiet ta’ Malta) u speċjalment in vista tal-artikolu 4 ta’ dak l-Att, il-pussess għall-użu personali, ġeneralment deskritt bħala ‘pussess sempliċi’, ta’ ammont ta’ kannabis sa 3.5 grammi ma baqax soġġett għal proċeduri li jistgħu iwasslu għal piena ta’ priġunerija. Pussess ta’ ammont ogħla minn 3.5 grammi izda kien soggett għal tali proċeduri u piena fil-ġudizzju tal-qorti u dan bl-istess mod kif huwa soġġett il-pussess sempliċi ta’ aktar minn 28 gramma jew aktar minn 50 gramma, skont iċ-ċirkostanzi , wara d-dħul fis-sehh tal-emendi ghall-Kap 537 magħmula bl-Att tal-2021 li Jwaqqaf l-Awtorita dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.
Ħlasijiet lil rappreżentant tal-Ministeru jew tad-Dipartiment tal-Ġustizzja li jidhru fuq il-programm "Kalamita"
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi ħlasijiet qed isiru sabiex rappreżentant tal-Ministeru jew tad-Dipartiment tal-Ġustizzja jidhru fuq il-programm "Kalamita" fuq "One TV" u kemm ser jibqgħu jsiru dawn il-ħlasijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpelland li l-informazzjoni mitluba għandha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza — Contracts for Service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanu ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Jista’ jelenkahom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ġuri quddiem il-Qorti Kriminali ġie ċċelebrat mill-1 t’Awwissu 2020 sal-lum? Kemm minnhom kien hemm verdett ta’ liberatorja u kemm ta’ ħtija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 t’Awwissu 2020 sal-24 ta’ Novembru 2021 kien hemm 9 ġurijiet li minnhom kien hemm 7 b’verdett liberatorja u 2 b’verdett ta’ ħtija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22638, jista’ l-Ministru jgħid jekk biex jiġi emendat is-sub artikolu (5) tal-Artikolu 91A tal-Kostituzzjoni hemmx bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi jew le tal-Kamra?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22638.
Uffiċjali pubbliċi illi ddeċidew illi jirritornaw fis-Servizz Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali pubbliċi illi ddeċidew illi jirritornaw fis-Servizz Pubbliku minn mindu twaqqfet l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, sena b’sena ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2019 irritornaw 2 uffiċjali pubbliċi lura fis-Servizz Pubbliku, fl-2020 kien hemm 4 uffiċjali pubbliċi li rritornaw fis-Servizz Pubbliku u fl-2021 kien hemm 17-il uffiċjal pubbliku li rritornaw fis-Servizz Pubbliku.
Fil-maġġoranza tagħhom, dawn l-uffiċjali pubbliċi rritornaw fis-Servizz Pubbliku għal raġunijiet li ntgħazlu minn sejħiet għall-applikazzjonijiet għal grad għola u uffiċjali pubbliċi residenti Għawdex li ngħataw l-opportunità jaħdmu minn Dipartiment tal-Gvern f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' appelli li ġew diferiti matul l-2021, xahar b’xahar, minħabba l-fatt illi l-avviż tal-appuntament u l-avviż tal-kawtela kien għadu ma' ġiex notifikat lill-partijiet?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Qorti ma’ żżommx din it-tip ta’ statistika
Asset Recovery Bureau – Asset Management Unit — konfiski
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8165, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konfiski kollha li nħaddmu mill-Asset Management Unit tal-Qorti u/jew mill-Asset Recovery Bureau mill-1 ta’Jannar 2020 sat-30 ta’Ottubru 2021 maqsuma xahar b'xahar u jgħid x’użu qed isir minn kull konfiska u/jew kienx hemm xi bejgħ tagħhom?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni li tirrifletti l-assi kollha li ġew fil-pussess tal-Asset Recovery Bureau mill- 1 ta’ Jannar 2020 sa 30 ta’ Ottubru 2021
Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21969 u jgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu mill-2017 sal-lum?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-24 ta’ Novembru 2021.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' kawżi li ġew diferiti matul l-2021, xahar b’xahar, minħabba l-fatt illi l-proċess ma għaddiex mingħand ir-Reġistru għall-ġudikant?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-aħħar ta’ Novembru 2021. Ta’ min jinnota li ngħatat għajnuna klerikali lid-deputati reġistraturi fir-reġistru sabiex il-kawżi jiġu reġistrati minnufih
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' kawżi li ġew diferiti matul l-2021, xahar b’xahar, minħabba l-fatt illi l-ġudikant kien sprovvist minn deputat reġistratur?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm seduti li ġew diferiti minħabba illi l-Qorti kienet sprovvista minn Deputat Reġistratur matul l-2021 sal-aħħar Novembru.
Ministeru għall-Ġustizzja u l-Governanza — Contracts of service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal contract of service li kull entità fi ħdanu ħarget kull sena mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm u għalxiex ingħataw contracts of service għall-istess perjodu minn kull entità fi ħdanu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani mill-entitajiet varji.
Ministeru għall-Ġustizzja, u l-Governanza – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16357, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta sat-30 ta’ Ottubru 2021 u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Filwaqt li nerġa’ nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16357, niċċara li 22 mill-parkeġġi għall-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti jinsabu f’garaxx fil-Belt jew fi proprjetà tal-Qorti, hekk kif jidher fl-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qed jsirux explanatory notes meta jiġu finalizzati avviżi legali biex allura jagħtu spjega fil-qosor tal-liġi inkwistjoni? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema istanzi qed jiġu ppubblikati u fejn jista’ wieħed jikkonsulta tali explanatory notes fuq is-siti tal-liġijiet ta’ Malta jew is-sit ieħor tal-Gvern?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Fil-liġi tagħna ma jeżisti ebda obbligu ġenerali fuq il-Parlament meta jgħaddi ligi jew fuq min jeżerċita funzjoni leġislattiva b’ delega mill-Parlament li jippubblika noti ta’ spejgazzjoni ma kull Avviz Legali li jiġi pubblikat.
Jekk strument leġislattiv ikun jaqa fil-parametri tal-Kap 512 dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar japplika l-obbligu li jsiru noti ta’ spjegazzjoni u li jiġu pubblikati mill-entita governattiva rispettiva kif ċirkoskritt u definit f’ dak l-Att inkluża l-‘Iskeda III’ tiegħu.
Fil-prassi amministrattiva kull Avviż Leġali, kemm jekk ikun kif ukoll jekk ma jkunx sar dwaru process ta’ konsultazzjoni pubblika, huwa soġġett għal eżerċizzju ta’ skrutinju dwar l-impatt tiegħu li jsir mill-Uffiċċju tal-Kabinett abbazi ta’ informazzjoni provduta mill-entita governattiva li tkun qegħda tippromwovi l-Avviz Legali u dan ukoll b’ koordinazzjoni mal Entita tal-Leġislazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li tikkontrolla l-legalita, l-format u l-preċiżjoni lingwiskita tal-verzjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż tal-Avviż Legali.
Għandu jingħad ukoll illi meta Avviż Legali jkun jimplimenta strument tal-Unjoni Ewropeja l-Avviż Legali jagħmel referenza għall-istess strument, kif huwa tassattiv taħt il-liġi u l-prassi amministrativa tal-Unjoni, u l-ispjega ta’ dak l-istrument tkun ukoll tinstab fil-preambolu tiegħu kif pubblikat mill-Unjoni.
Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat — staff professjonali full-time u part-time
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm staff professjonali kemm full-time kif wkoll part-time f’ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li allura jieħdu ħsieb id-drafting tal-liġijiet? Jista’ jgħid jekk dan l-istess uffiċċju jieħux ħsieb it-traduzzjonijiet tal-liġijiet kemm bil-Malti u /jew bl-Ingliz skont il-bżonn?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Għall-finijiet ta’ kjarifika, l-abbozzar u t-traduzzjoni rispettiva ta’ abbozz propost mill-Ministeri/id-dipartimenti/l-entitajiet u l-aġenziji huma l-kompetenza tal-istess entitajiet, pero’ kwalunkwe avukat fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jista’ jabbozza skont l-esiġenzi.
Fl-Unità tal-Leġiżlazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat hemm erba’ avukati full-time li jirrevedu l-verżjoni finali tal-abbozzi tal-leġiżlazzjoni primarja u sussidjarja kollha, għall-Ministeri/id-dipartimenti/l-entitajiet u l-aġenziji tal-Gvern u għandhom l-inkarigu li apparti l-imsemmija reviżjoni, inkluż ir-reviżjoni ta’ traduzzjonijiet proposti mill-istess Ministeri/dipartiment/entitajiet u aġenziji:
(i) jippreparaw tali leġislazzjoni għall-pubblikazzjoni;
(ii) jirrevedu d-dokumentazzjoni magħrufa bħala l-Impact Assessment Forms fir-rigward tal-istess leġiżlazzjoni sabiex ikunu jistgħu jittellgħu għad-diskussjoni quddiem il-Kabinett;
(iii) jirrevedu n-Noti ta’ Spjegazzjoni, fejn dawn huma rikjesti skont il-Kap 512;
(iv) jirrevedu l-emendi tal-istadju tal-Kumitat tal-Abbozzi u tal-Atti Parlamentari, kif meħtieġ;
(v) jattendu l-Kumitati Parlamentari li jirrigwardjaw il-Ministeru tal-Ġustizzja;
(vi) jabbozzaw l-Abbozz tal-Implimentazzjoni tal-Miżuri tal-Estimi, inkluż id-dokument tal-istadju tal-Kumitat;
(vii) jikkorreġu kif meħtieġ l-Atti li jkunu għaddew mill-istadju tat-Tielet Qari tal-proċess Parlamentari;
(viii) jikkonsolidaw regolarment u jiżviluppaw il-website legislation.mt skont ir-rekwiżiti u l-istandards tal-UE; u
(ix) jimplimentaw il-proġett il-ġdid tal-pjattaforma tal-lingwa Maltija.