Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja — Implimentazzjoni ta’ direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Ġustizzja matul l-2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2023 il-Ministeru tal-Ġustizzja ttraspona dawn iż-żewġ Direttivi fil-liġi nazzjonali: - Id-Direttiva numru (UE) 2022/211 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali; u - Id-Direttiva numru (UE) 2022/228 li temenda d-Direttiva 2014/41/UE, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Ma hemm l-ebda Direttiva li għadha pendenti u li ma ġietx trasposta għal 2023.

FIAU — Bord tal-Gvernaturi - Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jippubblika d-dati tal-laqgħat li saru mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) inkluż ir-rassenja ta' min attenda u min le, u r-raġuni għan-nuqqas ta' attendenza għal-laqgħat kollha li saru fl-2020, 2021, 2022 u bejn Jannar u Ottubru 2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Parental Alienation – Kumitat ta’ Esperti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar mill-kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parental alienation li ġie mwaqqaf mill-Ministru tal-Ġustizzja flimkien mal-Ministru tal-Politika Soċjali, fl-2021?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumitat ta’ esperti biex jindirizza l-parental alienation, qiegħed jaħdem qatigħ sabiex din il-pjaga tiġi indirizzata. Wieħed irid japprezza illi saru diversi interventi u xogħol intern mill-istess kumitat li wassal sabiex ftit ġimgħat ilu, propju fid-19 t’Ottubru 2023, inżammet konferenza fuq l-istess suġġett.

Parental Alienation – Soluzzjonijiet Leġislattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-rakkomandazzjonijiet għal soluzzjonijiet leġislattivi li ħareġ bihom il-kumitat ta’ esperti maħtur fl-2021 biex jindirizza l-problema ta’ parental alienation, skont kif kellu r-responsabilità li jagħmel?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għal dak li għandu x’jaqsam ma’ tibdil leġiżlattiv huwa pjanat li tinħareġ White Paper għal konsultazzjoni pubblika. Sadanittant però, abbażi ta' dak propost ħriġna sejħa għal aktar professjonisti legali biex iservu ta’ Avukati tat-Tfal.

Ministeru għall-Ġustizzja — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Cyber bullying — Abbozz ta’ liġi

Question

Fid-dawl tar-riċerka li turi li n-numru ta' persuni li jesperjenzaw bullying online huwa kbir u li dan il-fenomenu saħansitra qed iwassal għal suwiċidji f'ċertu każijiet, u fid-dawl li fil-leġiżlatura preċedenti kien tressaq abbozz ta' liġi li jagħmel is-cyber bullying reat speċifiku fil-Kodiċi Kriminali li jinkludi sanzjonijiet b'saħħithom, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitressaq dan l-abbozz?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li għaddejjin diskussjonijiet inter-ministerjali f’dan ir-rigward.

Qrati tal-Ġustizzja Kriminali — Multi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13076 u jgħid kemm baqa' multi pendenti/mhux imħallsa li ġew imposti f'kawżi deċiżi mill-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali, kif ukoll il-valur tagħhom mill-perjodu 2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanet li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Judicial Studies Committee — Stediniet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi min imexxi l-Judicial Studies Committee (JSC), u ċjoè l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tagħżel liema membri tal-Ġudikatura jkunu mistiedna jattendu safar u żjarat, bħal tal-Film Commission darbtejn fl-2023? Dan peress li mhux kollha kienu mistiedna, inkluż għall-ġita fl-Albanija ta' ġimgħa fis-sajf 2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Waqt li nispeċifika li l-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament ma tmexxix il-Judicial Studies Committee, iżda tagħti sapport lil dan il-kumitat, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11440.

Għoti ta’ kumpensi ex gratia

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12360 u 12834 u jagħti rendikont tal-kumpensi ex gratiali ġew mogħtija mill-Gvern Malti mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’informazzjoni skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tal-Ġustizzja li jkopru biss dawk it-talbiet imressqa quddiem il-Kabinett mill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja. Mhux eskluż illi talbiet simili setgħu tressqu wkoll minn Ministri oħra, però dawn ma ġewx proċessati mill-Ministeru għall-Ġustizzja. L-informazzjoni disponibbli hi minn meta ġie ffurmat id-Dipartiment tal-Ġustizzja, ċjoè mill-2015.

Belt Valletta — Bini tal-Qorti - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12366 u jagħti data definittiva meta ser jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fid-dħul tal-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fid-dħul tal-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta għaddej u l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati qed tara li jitlesta mill-aktar fis.

Judicial Studies Committee — Infiq fuq safar u ikliet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-Judicial Studies Committee fuq safar u ikliet fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż fuq il-mawra ta’ ġimgħa fl-Albanija ftit ġimgħat ilu? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-programm ta’ kull żjara fl-2022 u fl-2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11440.

Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva – Kawżi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva minn meta ġie fis-seħħ, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ġew reġistrati kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva ġewwa l-Qrati ta’ Malta minn meta t-Tribunal ġie fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju, 2007 sal-31 ta’ Ottubru 2023.

Ċentru tal-Arbitraġġ – Każijiet reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati każijiet fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ minn meta ġie fis-seħħ, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-aħħar ta' Ottubru 2023.

Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva – Kawżi deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva minn meta ġie fis-seħħ, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li minn meta beda t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, ċjoè mill-15 ta’ Ġunju 2007 sal-aħħar t’Ottubru 2023 kien hemm 1,906 kawża li ġew terminati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi iktar fid-dettall kif ġew terminati l-kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva fil-perjodu msemmi.

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – Każijiet Pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11294 u jgħid kemm kien hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni sal-aħħar tas-sena 2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qorti ta’ Għawdex – subbasti pendenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5763 u jgħid kemm hemm subbasti pendenti fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm minnhom huma appuntati u kemm minnhom għad iridu jiġu appuntati? Jista' jgħid f'kull każ kemm ilhom pendenti dawn is-subbasti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija parlamentari 5763 kienet twieġbet fil-mistoqsija parlamentari 6682, ninfurmah li sal-14 ta’ Novembru 2023 kien hemm 27 subbasti pendenti fil-Qorti t’Għawdex li minnhom 2 jinsabu appuntati u 25 għad iridu jiġu appuntati. It-tabella ta’ hawn taħt tindika kemm ilhom pendenti dawn is-subbasti. Sena 2012 2013 2016 2017 2019 2020 2022 2023 Ammont 1 1 3 1 1 2 12 6

Ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12367 u 12368 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza rispettivament u jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (COM/2022/105)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi Malta tappoġġa l-Proposta u tibqa’ favorevoli ġaladarba din tkun mfassla skont il-provvedimenti tat-Trattati u l-prinċipji stabbiliti.

Judicial Studies Committee — Membru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu jagħmilx parti mit-tmexxija tal-Judicial Studies Committee?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11440.

Ministeru għall-Ġustizzja — Positions of Trust - Salarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji kollha għall-persuni kollha li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu għas-sena 2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja, (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Judicial Studies Committee — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jmexxu jew huma involuti fit-tmexxija/koordinazzjoni tal-Judicial Studies Committee? Jista’ jgħid ukoll meta nħatru u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 11440.