Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Aċċess għal spieri pubbliċi għall-bdiewa u raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi li ngħataw aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li ma għadhomx jintużaw f’Għawdex u fejn għad ma hemmx provvista diretta ta’ New Water, matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-individwi kienu bdiewa u raħħala ġenwini jew bdiewa u raħħala żgħażagħ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Għawdex – Landing sites tas-sajd – Immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’interventi infrastrutturali saru biex jiġu mmodernizzati l-landing sites tas-sajd f’Għawdex minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tigi migbura.

Għawdex – Triq l-Imġarr – Speed humps

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra l-installazzjoni ta’ speed humps (sleeping policemen) jew miżuri oħra biex titnaqqas il-veloċità tal-vetturi fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, bil-għan li tittejjeb is-sigurtà u jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku f’din it-triq? Jekk iva, liema miżuri huma ppjanati u meta se jiġu implimentati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex bħalissa qed jaħdem fuq it-tħejjija ta’ sejħa għall-offerti (tender) sabiex jitwettqu interventi fl-infrastruttura ta’ Triq l-Imġarr, Għajnsielem, li jinkludu miżuri mmirati biex titnaqqas il-veloċità tal-vetturi u tittejjeb is-sigurtà fit-triq.

Marsalforn – Ġnien it-Tliet Għoljiet – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, u jgħid: i.    liema xogħlijiet saru s’issa u liema għad iridu jitwettqu; ii.   jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih; iii.  x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett; iv.  jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u v.   meta hu mistenni jitlesta u l-ġnien jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntrattur magħżul permezz ta’ sejħa pubblika biex jagħmel ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-Ġnien it-Tliet Għoljiet ma osservax l-iskeda tax-xogħlijiet maqbula, u dan bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu. Għaldaqstant, il-Ministeru qiegħed jieħu l-miżuri kollha meħtieġa, inklużi dawk ġudizzjarji, sabiex jassigura li l-kuntrattur jonora dawn l-obbligi. Ix-xogħlijiet imwettqa sa issa kienu limitati biss għat-tneħħija tal-materjal qadim. Sal-lum, ma saret l-ebda nefqa fuq dan il-proġett.

Ministeru għal Għawdex – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9 u jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onorevoli  Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 2372.

Ix-Xewkija – Korsa taż-żwiemel – Faċilitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jittejbu l-faċilitajiet u d-dawl fil-korsa taż-żwiemel fix-Xewkija - li tintuża minn diversi persuni għall-mixi u għall-ġiri - sabiex tkun tista’ titgawda b’mod sigur anke wara nżul ix-xemx? Jista’ jgħid ukoll x’interventi huma ppjanati u meta huma mistennija li jitwettqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex beda l-proċess biex tinħareġ sejħa għall-offerti biex isir id-dawl fuq in-naħa ta' ġewwa tal-korsa taż-żwiemel, li tintuża minn diversi persuni għall-mixi jew għall-ġiri.  Ix-xogħol huwa mistenni li jsir is-sena d-dieħla.

Ix-Xewkija – L-inħawi Tal-Barmil – Ġnien il-Kunsill – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett ta’ Ġnien il-Kunsill, fl-inħawi Tal-Barmil fix-Xewkija, li tħabbar f’Awwissu 2023 bħala l-ewwel ġnien “carbon neutral” f’Għawdex, u jgħid: i.    liema xogħlijiet saru s’issa u liema għadhom iridu jitwettqu; ii.   jekk kienx hemm dewmien fl-implimentazzjoni u x’kienu r-raġunijiet għalih; iii.  x’inhi l-ispiża totali prevista, kemm intefaq s’issa u minn fejn qed jiġi ffinanzjat il-proġett; iv.   jekk il-proġett għadux se jinkludi l-faċilitajiet kollha mħabbra oriġinarjament; u v.    meta hu mistenni jitlesta u jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Day-trippers/turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati day-trippers f’Għawdex bejn l-2020 u l-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm turisti żaru Għawdex u qattgħu mill-inqas lejl wieħed hemmhekk, bejn l-2020 u l-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinġabar u tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) permezz ta’ pubblikazzjonijiet uffiċjali relatati mal-istatistika tat-turiżmu, li huma aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni estratta mir-rapporti relevanti tal-NSO. Filwaqt li dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni sat-tieni trimestru tas-sena kurrenti, rapport ieħor maħruġ mill-istess entita’ juri li sa’ Awwissu tas-sena 2026, l-ammont ta’ turisti internazzjonali li żaru Għawdex u Kemmuna fi żjara ta’ ġurnata ( day-trippers ) kien 1,645,031, filwaqt li dawk li raqdu lejl wieħed jew aktar f’Għawdex jew Kemmuna ammontaw għal 149,350.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Papa Ġwanni Pawlu II – Proġett tal-akwadott

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali u konservazzjoni tal-akwadott fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II, ir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid liema xogħlijiet tlestew, liema għadhom pendenti u jekk tlestewx l-istudji u l-preparamenti għall-fażijiet sussegwenti tal-proġett? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jaħdmu ħaddiema kuljum fuq il-proġett u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet kollha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li  x-xogħlijiet ta’ skavar u t-tneħħija tal-ħamrija madwar l-ewwel medda tlestew u tpoġġew il-micropiles. Sar ukoll iż-żarmar bir-reqqa ta’ partijiet mill-akkwedott. Dan kien jinkludi n-numerazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ kull element tal-ġebel individwali sabiex tiġi ffaċilitata r-reinstallazzjoni tagħhom. Saru xi reviżjonijiet dwar il-metodoloġiji għall-konservazzjoni u l-interventi strutturali għall-ewwel sezzjonijiet tal-akkwedott u ġew iffinalizzati aktar dettalji strutturali.

Ministeru għal Għawdex – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li qed issir referenza għaliha, sa nhar id-29 ta’ Mejju ta’ din is-sena ma kinitx isservi fil-bordijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex, inklużi l-Bordijiet tal-Awtorita tal-Ippjanar. Il-persuna indikata lanqas ma qiegħda sservi f’xi bordijiet li naħtru mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sal-lum.

Kaċċa – Policies/permits

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull ftehim, memorandum jew komunikazzjoni bejn il-Gvern u għaqdiet tal-kaċċaturi relatati ma’ policies jew permits tal-kaċċa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex filwaqt li jispeċifika l-mistoqsija tiegħu, żgur li dan il-Gvern ma bagħat l-ebda komunikazzjoni bil-miktub u iffirmata minn Prim Ministru fejn il-kaċċaturi kienu ġew imwegħdin li l-kacca u l-insib se jigu ssalvagwardjati, biex mbagħad ftit wara ġara kollox bl-oppost. Il-politika ta’ dan il-Gvern favur id-delizzji u tradizzjonijiet lokali hija ċarissima. Dan għal kuntrarju tal-partit fl-oppozizzjoni.

Elezzjoni Ġenerali 2026 – Liċenzji tal-kaċċa maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja tal-kaċċa nħarġet wara l-Elezzjoni Ġenerali 2026 u jekk kienx hemm żieda fl-applikazzjonijiet matul dan il-perjodu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar eżamijiet tal-liċenzja tal-kaċċa saru f’Ġunju li għadda. Il-proċess biex jinħarġu l-liċenzji tal-kaċċa għadu ma bediex peress li r-riżultati tal-eżamijiet għadhom qegħdin jiġu pproċessati. In-numru ta’ applikanti li poġġew għal dawn l-eżamijiet huwa fl-istess livell ta’ sessjonijiet preċedenti.

Sistema tal-ħruġ ta’ liċenzji għall-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni jirrevedi s-sistema tal-ħruġ ta’ liċenzji għall-kaċċa sabiex ikun hemm aktar trasparenza u infurzar effettiv?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura tal-eżamijiet biex wieħed tinħariġlu liċenzja ġdida hija diġà waħda trasparenti. Qabel l-eżami, l-applikanti jiġu mistiedna jattendu kors ta’ informazzjoni li matulu jingħataw tagħrif u spjegazzjonijiet dwar ir-regolamenti applikabbli, inkluż l-identifikazzjoni ta’ għasafar kaċċabbli. Wara dan il-kors, l-applikanti jiġu msejħa biex ipoġġu għall-eżami bil-għan li jiġu evalwati fuq l-għarfien tagħhom tar-regolamenti u l-identifilazzkoni tal-għasafar kaċċabbli. L-applikanti jiġu infurmati bil-miktub bir-riżultat tal-eżami tagħhom. Dawk li ma jgħaddux mill-eżami jingħataw l-opportunità li jerġgħu jpoġġu għall-eżami f’sessjoni sussegwenti. B’differenza mill-proċedura ta’ interview li kienet tintuża qabel it-twaqqif tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU), l-eżami bil-miktub jipprovdi metodu ta’ evalwazzjoni oġġettiv u uniformi li ma jħallix lok għal preġudizzju jew għal interpretazzjonijiet differenti.

Regolamenti tal-kaċċa – Uffiċjali tal-infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar assenjati biex jissorveljaw il-konformità mar-regolamenti tal-kaċċa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Speċi protetti/migratorji – Effett tal-kaċċa – Impact assessment ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx impact assessment ambjentali dwar l-effett tal-kaċċa fuq ċerti speċi protetti jew migratorji?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumitat Ornis huwa inkarigat li jevalwa dawn il-kwistjonijiet skont ir-regolament 10 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S.549.42).

Finanzjament lill-NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-NGOs li rċevew finanzjament mill-Ministeru fl-aħħar sentejn, bl-ammont u l-għan ta’ kull għotja, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tingabar.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom biex jipprovdu servizzi f’Għawdex, u jispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tingabar.

Għawdex – L-Għar ta’ Calypso – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab bħalissa l-proġett tal-Għar ta’ Calypso f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet u meta l-Għar se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender SPD3/2026/031 – Tender for the Commissioning of Geological Investigations at and around Calypso Cave within the Limits of Xagħra, Gozo ġie ppubblikat nhar it-30 ta’ Settembru 2026 u għalaq nhar il-21 ta’ Ottubru 2026.  Bħalissa qed tiġi evalwata s-sottomissjoni. Hekk kif jingħata dan it-tender u jitlestew l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, se jitkompla l-proċess għat-tħejjija u l-ħruġ tat-tender għax-xogħlijiet ta’ preservazzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-għar.

In-Nadur – Torri ta’ Kenuna – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq it-Torri ta’ Kenuna fin-Nadur, Għawdex, u meta hu mistenni li jitlestew? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-kundizzjoni strutturali attwali tat-Torri, u jekk jeżistix riskju ta’ tiġrif parzjali jew totali?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Ministeru għal Għawdex jinsab f’diskussjonijiet mal-Malta University Enterprises (MUE) sabiex jiġu ingaġġati esperti speċjalizzati biex iwettqu investigazzjonijiet ġeoloġiċi u ġeotekniċi. Dan bil-għan li tiġi evalwata l-kundizzjoni tal-irdum u jiġu identifikati l-interventi meħtieġa biex tiġi żgurata l-istabbiltà u s-sigurtà tat-Torri. L-esperti se jkunu responsabbli wkoll mit-tħejjija tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istimi finanzjarji meħtieġa għall-ħruġ tas-sejħa għall-offerti, kif ukoll sabiex jipprovdu assistenza teknika matul il-proċess tal-offerti u jissorveljaw ix-xogħlijiet li sussegwentement jitwettqu mill-kuntrattur magħżul.

Kaċċa – Permits speċjali jew derogi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew approvati permits speċjali jew derogi relatati mal-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-attivitajiet relatati mal-kaċċa, inħarġu biss id-derogi għall-kaċċa fir-rebbiegħa tas-summien (mit-13 t’April sat-3 ta’ Mejju) u tal-gamiem (mill-20 t’April sat-3 ta’ Mejju), permezz tal-Avviżi Legali Nru 80 u 81 tal-2026 rispettivament, maħruġa taħt l-Att dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S.549.42).