Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fabbriki ġodda — xogħlijiet infrastrutturali - somma allokata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20702 u 20488 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienet is-somma allokata għal xogħlijiet infrastrutturali għal bini ta' fabbriki ġodda jew fuq fabbriki eżistenti separatament? Kemm intnefqu fuq bini ta' fabbriki godda u dawk ezistenti sal-lum separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20702.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 54

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 54 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Kaxxi tal-logħob — permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-iżviluppi dwar il-kaxxi tal-logħob? Meta se joħorġu l-permessi għall-ħwienet tal-kaxxi tal-logħob li huma pendenti? Kemm ilhom li applikaw? Kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti li qed jistennew li jinħarġilhom il-permess? F'liema lokalità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-regolamenti dwar il-kaxxi tal-logħob għaddew mill-iskrutinju tal-kummissjoni tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi membri, u issa qegħdin jiġu finalizzati d-direttivi li jridu jinħarġu ai termini ta’ dawn ir-regolamenti. Bħalissa ma hemm l-ebda applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità kompetenti.

Malta Industrial Parks Ltd — accounts

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-accounts tal-Malta Industrial Parks Ltd mis-sena 2005 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-audit tal-accounts tal-Malta Industrial Parks Ltd mis-sena 2005 għadu mhux magħluq, għalhekk l-accounts ma jistgħux jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan għaliex sa mit-twaqqif tal-MIP kien qed jiġi nnegozjat ftehim bejn il-Gvern u l-MIP li fost l-oħrajn jirregola u jippermetti li renti fuq art pubblika amministrata mill-MIP bis-saħħa tal-liġi jiġi rikonoxxut bħala dħul għal-MIP u mhux għal-Gvern. Mingħajr dan il-ftehim, l-awdituri ma setgħux jagħlqu l-audits tal-kumpanija. Dan il-ftehim ġie iffirmat ftit xhur ilu, u l-awdituri qed jaħdmu sabiex jagħlqu s-snin kollha preċedenti.

Enemalta — dejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' dejn li għandha bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta u ma' liema istituzzjoni bankarja għandha dan id-dejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ dejn li għandha l-Korporazzjoni Enemalta sal-lum jammonta għal €557 miljun. L-istituzzjonijiet bankarji li magħhom il-Korporazzjoni għandha dan id-dejn huma Bank of Valletta, HSBC, APS, Volksbank, DEPFA Bank u European Investment Bank.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 1

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20856 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 1 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 2

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20857 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 2 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Main tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jieħu l-passi neċessarji biex kemm jista' jkun malajr dawk il-partijiet ta' Triq il-Port Ruman u Triq it-Tamar f'San Pawl il-Baħar li għad m'għandhomx drenaġġ, fil-fatt jitqiegħed il-main neċessarju u dan għaliex fl-istess inħawi jeħtieġ li jsir xogħol tat-tarmak ukoll?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lestiet l-ippjanar u d-disinji għal dawn ix-xogħlijiet, liema dokumentazzjoni ser tiġi mgħoddija lil “Transport Malta” fil-jiem li ġejjin, biex jista’ jinħareġ it-tender għal dawn ix-xogħolijiet (li jinkludu tqegħid kemm ta’ main tad-drenaġġ kif ukoll mains tal-ilma) minn l-istess “Transport Malta” f’isem il-Korporazzjoni.

Għar Berbaħ — mains tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20651 dwar is-servizz tal-mains tad-drenaġġ fi Triq Għar Berbaħ, San Pawl il-Baħar, billi Triq Simar (li magħha qed jingħad li trid titqabbad is-sistema ta' Triq Għar Berbaħ) jista jkun diffiċli biex titlesta, jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li titlesta rotta alternattiva għal dik indikata għaliex inkella jista' jkun li r-residenti fi Triq Għar Berbaħ se jkollhom jistennew fit-tul għal dan is-servizz?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhux possibli li tinstab rotta alternattiva minħabba il-qlib tat-triq. Sadanittant il-Korporazzjoni qed toffri servizz ta’ tbattil tal-fosos f’din l-area b’mod regolari sakemm ikun jista’ jsir il-main propost.

Malta Enterprise u Mimcol — premises ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise hijiex se timxi għal xi premises ġodda temporanji fil-ġejjieni qarib qabel ma tkun located fil-Corporate Village? Jekk iva, fejn u b'liema kirja? Jista' jagħti din l-istess informazzjoni għall-MIMCOL?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Selmun Palace Hotel — proċess tal-bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess tal-bejgħ tas-Selmun Palace Hotel? Meta hu mistenni li jiġi finalizzat? X’se jigri mill-ħaddiema li llum huma impjegati ma’ din il-lukanda ?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 20733. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, il-bejgħ ta’ din il-lukanda jinkludi wkoll il-kumpanija li kienet topera din il-lukanda inkluż l-impjegati tagħha.

Korporazzjoni Enemalta — Three-Phase - stallazzjoni ta' lift

Question

B'żieda mal-mistoqsija parlamentari 20267 dwar block ta' appartamenti oħrajn fl-istess housing estate, jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' meta l-Korporazzjoni Enemalta mistennija tistalla t-three phase li l-housing estate ilha li applikat għalih għat-tħaddim ta' lift li ġie stallat diġà fil-block msemmi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-provista tat-3 phase għandha tingħata fi żmien qasir.

Mimcol — Shareholding

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-diretturi kollha nominati mill-MIMCOL biex iservu fuq kumpaniji b'shareholding tal-istess MIMCOL? Kemm qed jitħallsu f'kull każ inkluż perks eċċ.? Kemm minnhom qegħdin iservu fuq il-Grand Harbour Regeneration Corporation?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx diretturi nominati mill-MIMCOL li jservu fuq kumpaniji b’shareholding tal-MIMCOL jew fuq il-Grand Harbour Regeneration Corporation.

Grand Harbour Regeneration Corporation — tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li l-Grand Harbour Regeneration Corporation li se tkun qed taġġudika t-tenders tal-proġett ta' Bieb il-Belt u anki tal-Parlament flimkien ma' xi 18-il proġett ieħor, m'għandhiex tibqa' klassifikata bħala schedule 3 contracting authority għaliex mhijiex se tkun meħtieġa li tikseb l-approvazzjoni bil-quddiem tal-ministeru tiegħu u tad-Dipartiment tal-Kuntratti iżda ta' ministeru ieħor mingħajr ma lanqas biss toħroġ sejħa għall-offerti permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtoritajiet kuntrattwali inklużi fi skeda 3 huma obligati li jsegwu ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti Publiċi bħal awtoritajiet kuntrattwali inklużi fi skeda 2. Id-differenza prinċipali bejn l-awtoritajiet kuntrattwali taż-żewġ skedi hija li s-sejħiet għall-offerti aktar minn €120,000 ma’ jiġux eżaminati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Fil-każ tal-Grand Harbour Regeneration Corporation din m’għadhiex applikabbli minħabba li il-korporazjoni qiegħda tagħmel użu mis-servizzi tad-Dipartiment tal-Kuntratti biex id-dokumenti tas-sejħiet għall-offerti qegħdin jiġu eżaminati minn uffiċjali ta’ dan id-Dipartiment. Il-proċeduri ta’ l-appelli hija l-istess għal awtoritajiet kuntrattwali taż-żewġ skedi. Għaldaqstant mhux qed nara l-ħtieġa li għalissa il-GHRC ma’ tibqax fi skeda 3 tar-Regolamenti dwar il-Kuntratti Publiċi.

MGI u MIMCOL — ministerial consent

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet fejn l-MGI u l-MIMCOL talbu ministerial consent meta ġew biex jagħżlu jekk jaddottawx restricted jew negotiatied procurement procedures? Dan l-arranġament kemm ilu fis-seħħ? Sal-lum, kien hemm każijiet fejn dawn bagħtu r-rapport annwali ta' kull kuntratt pubbliku mogħti lid-direttur tal-kuntratti? Min-naħa l-oħra kien hemm każijiet fejn id-direttur tal-kuntratti nnifsu talab rapport simili, u jekk iva meta? Billi dan l-aħħar, il-Ministru għarraf lill-Kamra li saru arranġamenti biex dawn it-tender documents ikunu skrutinizzati mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel jiġu ppublikati, jista' jgħid jekk dan l-arranġament sarx mill-bidu jew fi stadji ulterjuri? Jekk fi Stadju Ulterjuri, meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Każ fejn voucher ma ġiex imqassam

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' kopja anzjana li għandha l-karta roża u wara li għamlet sigħat sħaħ l-Arms Ltd biex tara għaliex ma ħaditx il-voucher, qalulha biex tmur is-Social Service u hemm qalulha li hija intitolata għalih għax qatt ma ħadet voucher ieħor? Jista' l-Ministru jara li dan il-voucher jinħareġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji tal-koppja anzjana ġew mogħdija lit-Teżor biex jinħareġ il-voucher mistħoqq lilhom.

Każ ta' ċekk mhux maħruġ

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' anzjana li wara li miet ir-raġel hija mexxiet kollox ma' Arms Ltd biex jinħarġilha cheque ieħor u s'issa għadha ma rċeviet xejn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, se tirċievi ċ-ċekk ta’ l-enerġija fuq tliet persuni.

Korporazzjoni Enemalta — dħul

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21074 u jgħid x'kien id-dħul tal-Korporazzjoni Enemalta mill-elettriku (meter charge u konsum separatament) għas-sena 2009? X'inhu d-dħul proġettat għas-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — Uffiċju tas-CEO

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21035 u jikkonferma li fil-Main Office Building tal-Korporazzjoni Enemalta fil-Marsa, partikolarment fis-sular fejn għandu l-uffiċċju l-Kap Eżekutiv jirriżulta li hemm fire escape li jagħti għall-bejt flokk għas-sulari t'isfel, sistema sħiħa ta' cameras biex isegwi min se jidħol fl-uffiċċju tiegħu, sufan li meta jinfetaħ isir sodda, ħadida tal-mogħdija u ironing board, washing machine għal-lavanderija, dish washer, kċina lussuża, affarijiet li ġeneralment wieħed jassoċjahom ma' akkomodazzjoni aktar milli uffiċċju? Jista' jikkonferma li l-impjegati tal-istess Korporazzjoni, membri tas-segreatjat tal-Kap Eżekuttiv tal-istess korporazzjoni huma mistennija li jaħdmu ħinijiet irregolari jiġifieri mhux mal-ġurnata biss imma ħinijiet twal filgħaxija li meta wieħed jevalwa l-ammont tax-xogħol fl-istess segretarjat ma jidhirlix li dawn il-ħinijiet huma ġustifikati? Jista' jagħti dettalji estensivi kemm sewa l-uffiċċju tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta biex jiġi fornut b'kollox u jagħti lista itemized ta' dak li nxtara biex jgħammar dan l-uffiċċju u jgħid jekk jaħsibx li hija insensittiva ħafna din in-nefqa eżorbitanti fuq l-uffiċċju tas-CEO tal-korporazzjoni li qed toħloq tbatija kbira għall-familji u pensjonanti Maltin u Għawdxin bil-kontijiet tad-dawl li qed jirċievu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-fire escape li hemm fi-raba’ sular jagħti għal bejt u dan peress li għalissa l-proġett ta’ refurbishment fit-tieni u l-ewwel sular ta’ dan il-bini għadu mhux lest. Meta dan jitlesta, dan l-fire escape sejjer jagħti għal isfel ukoll. Ic- CCTV Cameras li hemm fis-sular amministrattiv huma ta’ l-istess proporzjon bħal ma hemm bnadi oħra fil-bini amministrattiv u bnadi oħra tal-Korporazzjoni. Is-sistemi ta’ CCTV Cameras qed jiġu estiżi f’kull stallazzjoni tal-Korporazzjoni. Mill-affarijiet kollha msemmija mill-Onor. Interpellant fil-mistoqsija, il-bini amministrattiv jipposjedi dishwasher u washing machine li jintużaw għall-uffiċċju. Kull fejn qed isir refurbishment fil-Korporazzjoni qed ukoll tiġi rranġata l-kċina għal ħaddiema. Il-kċina msemmija fil-mistoqsija parlamentari hija ta’ l-istess livell bħal oħrajn li saru. Fir-rigward tal-ħinijiet ta’ xogħol rikjest, kull ħaddiem tal-Korporazzjoni, huwa mistenni li jekk ikun hemm il-ħtieġa, jagħmel is-sahra. Ma jirriżultax li hemm ħaddiema fil-Korporazzjoni li qed jinżammu bis-sahra għalxejn jew bilfors. Dwar dettalji ta’ kemm sewa l-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv, nirreferi lil-Onoroveli interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 20450.

inħawi tal-gondolier Tarxien — riħa ta' gass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 21154 u jara minn fejn ġejja u jekk jistax isib rimedju għar-riħa kbira ta' gass li qed ikun hemm fl-inħawi tal-Gondolier, Tarxien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta m’għandha l-ebda stallazjoni jew xi ħażna tal-gass fl-inħawi msemmija. L-operat tal-Enemalta fir-rigward tat-taqsima tal-Gass huwa kkonċentrat kollu kemm hu fl-impjant tal-Qajjenza.