Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21350 u 21093 li oriġinarjament saret lill-Minsteru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm kienet il-produzzjoni tal-majjal frisk f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21350.
Kemmuna — trasport għall-qassis u pulizija - tender
Question
B'referenza għas-servizz ta' trasport bejn Għawdex u Kemmuna għall-qassis u l-pulizija li jmorru Kemmuna, jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx tender għal dan it-tip ta' servizz? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relattivi? Inoltre, jekk joħroġ tender, jista' jgħid kemm kienu l-offerti li saru u jgħid abbażi ta' liema kriterju ingħatat l-offerta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kriterju li bih ingħatat l-offerta għat-trasport ta’ bejn Għawdex u Kemmuna kien permezz ta’ offerti li ġew mitluba lill-operaturi kollha li jipprovdu dan it-tip ta servizz. Is-servizz ġie mogħti lil dak l-operatur li ssottometta l-aħjar offerta finanzjarja kif ukoll l-polza tal-assigurazzjoni.
Jista' l-Ministru jelabora fuq il-miżuri li qed jieħu l-gvern sabiex jaċċerta li l-miri taħt l-istrateġija UE2020 jintlaħqu speċjalment f'oqsma bħar-ricerka u l-edukazzjoni fejn Malta tinsab f'pożizzjoni mill-aktar żvantaġġjata meta komparata mal-istati membri l-oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment b’kollaborazzjoni mal-Ministeri kkonċernati l-oħra ħejja abbozz tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma taħt l-istrateġija Ewropa 2020 li kien sottomess lill-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Novembru 2010 wara konsultazzjoni mal-MEUSAC.
Fil-jiem li ġejjin dan l-abbozz mistenni jinħareġ għal konsultazzjoni pubblika wiesa’ bil-għan li jintlaqgħu reazzjonijiet biex jitfasslu miżuri konkreti għas-snin li ġejjin, fosthom fl-oqsma tar-riċerka u l-edukazzjoni, bi tħejjija għall-pubblikazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma finali f’April 2011.
Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 21321 u jgħid kemm kien in-numru ta' stabbilimenti kummerċjali fejn l-Korporazzjoni Enemalta ssospendiet il-provvista tad-dawl minħabba pendenzi fil-kontijiet minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dak li hu l-household Malti għall-istess żmien - minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid vot numru 7235 Investment - equity acquisition kif huwa maħsub li se jintnefaq għas-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-Vot se jżid is-share capital tal-Gvern ġewwa l-Malta Industrial Parks Limited sabiex il-kumpanija ittejjeb il-gearing tagħha u tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel l-investimenti neċessarji fl-infrastruttura tal-proviżjoni ta’ fabbriki u faċilitajiet neċessarji partikolarment l-ispejjeż infrastrutturali relatati ma’ l-iżvilupp ta’ Safi Aviation Park.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 21
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20883 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 21 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 18
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20880 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 18 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 19
Question
Jista' l-Ministru jweieġeb mistoqsija parlamentari 20881 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 19 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 20
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20882 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 20 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
San Pawl il-Baħar — toroq li m'għandhomx sistemi permanenti ta' mains tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq jew partijiet minnhom li għad m'għandhomx sistema permanenti ta' mains tal-ilma fl-inħawi tal-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar liema huma t-toroq li fihom għad m'hemmx sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, limitat għal dawk it-toroq li qegħdin fir-raħal propja (eskluż l-inħawi tal-kampanja)?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi rigward il-mains tal-ilma f’San Pawl il-Baħar nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar- risposta ta’ PQ 21228.
Rigward is-sistema tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għad trid testendi l-
mains
fi Triq Għar Berbaħ, f’parti fi Triq is-Simar, f’parti fi Triq Desquanez, f’parti fi Triq it-Tamar u f’parti fi Triq Port ir-Ruman.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra:
a) matul il-perjodu li l-RJ's damu jintużaw mill-Air Malta, kemm-il darba ġew mibdula l-magni ta' dawn l-RJs;
b) kemm kienet tammonta l-ispiża biex inbidlu dawn il-magni;
ċ) x'tip ta' ħsara kienet qed tiġri fuq dawn il-magni;
d) din l-ispiża kienet koperta bil-garanzija;
e) jekk mhux l-ispiża kollha kienet koperta, kemm kienet tammonta dik l-ispiża li ma kenitx koperta mill-garanzija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul il-perjodu li l-Air Malta operat l-RJ70s, inbidlu 31 magna. L-ispiża biex jinbidlu dawn il-magni kienet tammonta għal madwar USD 540,000. Il-ħsara li kienet tkun il-kawża ta’ bidla tal-magna kienet primarjament falliment tal-‘bearings’, temperatura għolja iżżejjed tal-magna, u telf ta’ żejt mill-magna. L-ispiża kienet in parti koperta bill-garanzija mogħtija mill-manifattur tal-magna. L-ispiża li ma kinitx koperta mill-garanzija kienet tammonta għal madwar USD 300,000.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li l-kuntrattur lokali li kien responsabbli biex iħaddem iċ-Ċumnija Sewage Treatment Plant tneħħa u l-gvern se jingaġġa kuntrattur barrani? Jekk dan hu minnu, tista' tagħti dettalji dwar l-ispejjeż ġodda nvoluti? X'kienu r-responsabbilitajiet tal-kuntrattur Malti? Kemm ġie trattat ilma mit-Treatment Plant s'issa? X'inhuwa t-total cost biex jopera t-Treatment Plant inkluża n-nefqa tal-pumping tas-sewage lejn it-Treatment Plant?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma kien hemm l-ebda tibdil fil-kuntrattur responsabbli għall-operat ta’ l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ taċ-ċumnija.
Sa l-aħħar ta’ Settembru 2010 ġie ttrattat 5.4miljun metru kubu ta’ drenaġġ fl-impjant minn meta beda jopera.
L-ispiża annwali ta’ l-operat ta’ l-impjant taċ-ċumnija hija ta’ madwar 1.63 miljun Ewro fis-sena.
Billi fil-Pre Budget Consultation Document issemma li jeżisti green economy working group, jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf? Minn min huwa kompost u lil min jirrapporta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bl-għan li nlaħqu ma’ l-isfidi li qegħdin naffaċjaw illum mill-att ambjentali u biex inħarsu l-ambjent ta’ madwarna għalina u għal-ġenerazzjonijiet futuri, il-gvern iddeċieda li jwaqqaf il-Green Economy Steering Group biex jeżamina opportunitajiet dwar x’jeħtieġ isir f’dan il-qasam.
Dan il-Grupp twaqqaf mal-ewwel laqgħa jiġifieri fid-29 ta’ Settembru 2010. Huwa kompost minn individwi esperti fl-oqsma ta’ l-arkitettura, inġinerijja, turistiku u kif ukoll fil-qasam xjentifiku. Il-grupp jirraporta liċ-Chairman, is-Sur Robert Arrigo bħala rappreżentant politiku tal-Gvern.
Pre Budget Consultation Document — Green Economy Policy Unit
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proposta tal-Pre Budget Consultation Document biex jitwaqqaf Green Economy Policy Unit?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol tal-grupp ta’ ħidma dwar il-green economy għadu għaddej. Dak li ġie ppubblikat fid-dokument ta’ qabel il-budget huwa rapport b’diversi orjentazzjonijiet u proposti li, fost oħrajn, qegħdin jiġu diskussi fi ħdan dan il-grupp. Deċiżjoni dwar il-proposta li hemm għat-twaqqif ta’ Green Economy Policy Unit tittieħed meta r-rapport finali tal-grupp jiġi jitlesta u jiġi ppreżentat lill-gvern.
Jista' l-Ministru jara li kont li ilu ma joħroġ minn Novembru 2009 ta' anzjan, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, biex kemm jista' jkun jitmexxa l-każ u jintbagħtu l-kontijiet imsemmija?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kontijiet dovuti lill-konsumatur, inħarġu u ntbgħatu b’termini ta’ kreditu ta’ 120 ġurnata. Dawn il-kontijiet, li għandhom total ta’ €372.88, ikopru l-perijodu bejn il-17 ta’ Settembru 2009 u s-7 ta’ Awwissu 2010.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21285 u 21056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhu l-futur tal-ħaddiema tal-ground handling fl-Air Malta? Bħalissa qed isiru diskussjonijiet dwar il-futur tagħhom? Jekk iva ma min? Hemm il-ħsieb li jitnaqqsu ħaddiema?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ingaġġa tim ta’ esperti mill-kumpanija “Ernst and Young” biex iwettqu analiżi dettaljata tal-mod kif topera l-kumpanija “Air Malta” b’mod li jassiguraw il-vijabilità tagħha.
Dan għandu jwassal għall-pjan ta’ Ristrutturazzjoni li jrid jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur, bl-ewwel proposta għandha tasal għand l-istess Kummissjoni sat-2 ta’ Jannar, 2011. Dan il-pjan se jkun diskuss fi ħdan il-Kumitat ta’ Ristrutturazzjoni li jinkludi rappreżentanti mill-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-
Unions
ikkonċernati.
Għalhekk, f’dan l-istadju għadhom ma ttieħdux deċiżjonijiet definiti fuq setturi partikolari. Il-pjan ta’ ristrutturar m’għandux jikkonċerna xi taqsima partikolari mill-kumpanija biss iżda għandu jħares b’mod ħolistiku lejn kif il-kumpanija tista’ ttejjeb l-operat tagħha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21353 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid matul din is-sena kemm kienet il-produzzjoni tal-patata f'Malta u Għawdex separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kwantità ta’ patata li għaddiet mill-pitkali ta’ Malta u Għawdex matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kienet ta’ 3,042,733 kilos f’Malta u ta’ 217,995 kilos f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u li din l-anzjana rċeviet iċ-cheque fuq oħtha l-mejta u issa l-meter dar fuqha imma minkejja li mliet il-karti, għadha ma rċeviet xejn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċekk lil din il-persuna qed jinħadem biex jinħareġ bil-korezzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jara għaliex l-anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, la ħa l-bozoz energy savers u lanqas is-sussidju (cheque) li bagħat il-gvern dan l-aħħar? Jista' jinvestiga dan il-każ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konsumatur ma rċeviex l-bozoz energy saver kif ukoll iċ-ċekk ta’ l-energy benefit, minħabba li l-kumpanija ARMS kienet notifikata b’tibdil fid-dettalji tal-kont nhar il-15 ta’ Ġunju 2010.
Id-dettalji ta’ dan il-konsumatur ġew aġġornati biex ikun jista’ jinħareġ iċ-ċekk.