Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità dwar it-Trasport — Ċentru Marittimu ta' Malta - refurbishment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol ta' refurbishment li sar fiċ-Ċentru Marittimu ta' Malta fil-Marsa sakemm jiġu akkomodati l-uffiċċju tal-Awtorità dwar it-Trasport? Meta se jsir it-trasferiment tal-uffiċini tal-Awtorità dwar it-Trasport għal dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità Marittima ta' Malta — ħaddiema sospiżi mix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13485 u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema tal-Awtorità Marittima ta' Malta li huma sospiżi mix-xogħol? Kemm ilhom sospiżi? X'inhi r-raġuni li għaliha ġew sospiżi mix-xogħol dawn il-ħaddiema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità Marittima ta’ Malta għandha mpjegat wieħed li huwa sospiż mix-xogħol. Dan l-impjegat ilu sospiż sentejn u nofs (minn Ġunju 2007). Dan l-impjegat ġie akkużat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati b’diversi reati.

Bus shelter ħdejn Sptar Mater Dei

Question

Peress li l-bus terminus li hemm ħdejn il-parking li jinsab bejn l-Università u l-Isptar Mater Dei hu frekwentat minn ħafna nies u m'hemm l-ebda protezzjoni mill-elementi naturali, jista’ l-Ministru jikkonsidra li jsir xi forma ta’ shelter biex jipproteġi lin-nies f’każ ta’ maltemp?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-Awtorità għat-Trasport f'Malta.

Imrieħel Bypass — Footbridge

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda l-proġett ta' Footbridge f'Imrieħel Bypass wara li issa nħarġu l-permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u dan ilu mwiegħed għal madwar erba' snin u suppost kellu jitlesta fl-2007?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku — Dħul ta' flus mir-riċerki

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul ta' flus mir-riċerki li saru matul is-sena 2009 mid-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku? Jista' jgħid jekk kienx hemm riċerki li ma nġabrux? Jekk fl-affermattiv, kemm huwa l-ammont ta' flus dovuti lilhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont globali imħallas għall-riċerki matul is-sena 2009 huwa ta’ 2,286,619.22 Euro. Kien hemm xi riċerki li ma nġabrux. Rigward l-ammont li għandu jitħallas għall-riċerki li saru matul l-istess sena u li għadhom ma nġabrux huwa ta’ 52,312.18 Euro.

Dwal blu minflok abjad fil-fanali tal-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13569, 13080, 12871 u 12655 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12393, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed tittieħed in kwantu l-ħafna vetturi li għandhom fanali jitfgħu dawl blu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pont Manwel Dimech — project implementation report

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13571, 13324 u 13061 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-project implementation report għall-proġett tal-Pont Manwel Dimech?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħad-Dingli — Provista tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12927 u jgħid jekk huwiex konxju minn problema persistenti fil-provista tal-ilma ta' parti sostanzjali minn Ħad-Dingli fejn l-ilma mhux qed ikun trasparenti iżda ħafna drabi jkun jagħti fil-lewn oranġjo? Jista' jgħid x'qed jikkawża din il-problema u x'qed isir sabiex din il-problema tiġi riżolta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li lill-KSI ma jirriżultahiex li hemm xi problemi persistenti fil-provista tal-ilma ta' parti sostanzjali minn Ħad-Dingli. Mill-bidu ta' din is-sena il-KSI irċeviet biss ħames rapporti ta' ilma bis-sadid f'Ħad-Dingli u dawn ġew riżolti kollha. Mhux eskluż li din it-tip ta' problema tinqala' għal żmien qasir ħafna kull meta jkun hemm xi sospensjoni tas-servizz tal-ilma, iżda dan kullimkien u mhux f'Ħad-Dingli biss.

Awtorità Marittima ta' Malta — Riparazzjoni fuq il-moll tal-Imsida/Pietà

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12930 u jgħid jekk is-sejħa għal offerti li kienet saret mill-Awtorità Marittima ta' Malta u li kienet għalqet nhar il-Ġimgħa 29 t’Awwissu 2008, liema sejħa kienet iġġib l-isem Architectural/Engineering Consultancy for Repair Works to Msida/Pietà Quays, intrebħitx? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min rebaħ din l-offerta? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta’ riparazzjoni fuq il-moll ta’ l-Imsida/Pietà sarx u jekk fl-affermattiv kemm ġie jiswa? Jista' jgħid kemm tħallsu drittijiet professjonali relatati mal-istess xogħol u lil min tħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità Marittima ta' Malta — Riparazzjoni fuq Barriera Wharf

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12922 u jgħid jekk is-sejħa għal offerti li kienet saret mill-Awtorità Marittima ta' Malta u li kienet għalqet nhar il-Ġimgħa 29 t’Awwissu 2008, liema sejħa kienet iġġib l-isem Architectural/Engineering Consultance for Repair Works to Barriera Wharf, intrebħitx? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min rebaħ din l-offerta? Jista' jgħid jekk ix-xogħol ta’ riparazzjoni fuq Barriera Wharf sarx u jekk fl-affermattiv kemm ġie jiswa? Jista' jgħid kemm tħallsu drittijiet professjonali relatati mal-istess xogħol u lil min tħallsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Applikazzjonijiet għal residential parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom applikazzjoni quddiem l-Awtorità dwar it-Trasport biex jintroduċu residential parking? Liema huma l-kunsilli lokali u għal kemm-il parking? Meta saret l-ewwel talba għal kull applikazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba ħlief in-numru ta' parking f'kull każ u dan għaliex it-talbiet isiru triq triq iktar milli numru ta' parking.

Residential Parking Schemes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew approvati Residential Parking Schemes fl-aħħar ħames snin sal-lum? F'liema lokalità u għal kemm-il parking?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba ħlief in-numru ta' parking f'kull każ u dan għaliex it-talbiet isiru triq triq, iktar milli numru ta' parking.

negozjati dwar manutenzjoni tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar li jkun hemm ċentru wieħed li jieħu ħsieb it-tiswijiet u l-manutenzjoni tat-toroq kollha ta' Malta, liema suġġeriment u proċedura kien tkellem fuqhom hu stess fil-Parlament?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor Interpellant hu mitlub jispjega x'ifisser bil-kelma "ċentru" għaliex fil-Gvern ma hemm l-ebda organizazzjoni ta' dan it-tip.

Royal College of Surgeons in Ireland — laqgħat mal-Malta Enterprise

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’qed iżomm milli jimmaterjalizza l-proġett tar-Royal College of Surgeons in Ireland (RCSI) li avviċina u kellu laqgħat mal-Malta Enterprise biex minn Settembru 2008 kellu jiftaħ ċentru f’Malta u joffri programm universitarju fil-qasam tal-mediċina għal studenti internazzjonali kif għandu f’pajjiżi oħra bħall-Malasja, Bahrain u Dubai?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kumpanija CMA CGM — telf finanzjarju

Question

Rapporti fl-istampa internazzjonali jgħidu li l-kumpanija CMA CGM sofriet ħafna telf finanzjarju fl-ewwel nofs tas-sena 2009 u tellgħet ħafna dejn tant li qed tinnegozja ftehim ġdid mal-banek u t-tarznara li jibnulha l-vapuri biex jagħtuha n-nifs u talbet ukoll għajnuna finanzjarja mingħand il-Gvern Franċiż. Peress li l-Freeport Malti qed jiġi operat mill-kumpanija CMA CGM u n-negozju tagħha jikkostitwixxi l-akbar parti tan-negozju tal-Freeport, jista’ l-Ministru jgħid kif qed jintlaqat il-Freeport mis-sitwazzjoni finanzjarja tas-CMA CGM, jekk din il-kumpanija hux qed tonora l-ftehim li hija marbuta bih biex tħallas l-obbligi li għandha u twettaq anki l-proġetti kapitali li ntrabtet li twettaq u jekk dawn il-progetti u kapitali bdewx? Meta se jitlestew u x’impjieg ġdid se joħolqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumpanija CMA CGM fil-fatt qed tonora l-obbligi tagħha fuq il-Freeport inkluż dawk fuq proġetti kapitali. Il-proġetti kapitali diġà bdew u huma ppjanati li jitlestew sas-sena 2013 u b'saħħa t'hekk l-ammont ta' ħaddiema fil-Freeport mistenni jitla' għal 1500. Il-pagament dovut li jmiss għax-xiri tal-ishma bħala parti mill-proċess tal-privatiżżazzjoni hu f'Jannar 2010.

Marsa Shipbuilding u Malta Drydocks

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk dik li kienet magħrufa bħala l-Marsa Shipbuilding ġiet mikrija lil terzi u jekk iva, b'liema kundizzjonijiet u min huma jew hu dan it-terz? Jista' jikkonferma wkoll jew jiċħad li partijiet mill-istess Marsa Shipbuilding, ossija t-tinda u l-baċir, ġew min-naħa tagħhom sullokati (sub-leased) minn dawn il-kerrejja lil terzi oħrajn? B'liema kondizzjonijiet? Min hu/huma dan/dawn is-sullokat/i (sub-leasees)? Jista' jispjega kif sejrin it-trattattivi ta' dik li kienet magħrufa bħala l-Malta Drydocks ta' Bormla mas-Soċjetà Taljana Palombo? Meta hu mistenni li jkunu konklużi t-trattattivi? Dawn waslu fi stadju avvanzat jew għadhom fi stadju inizjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ebda parti mill-ex Marsa Shipbuilding ma ġiet mikrija lill-terzi persuni privati. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

bdil ta' bozoz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar tibdil ta' bozoz tat-toroq bejn Jannar u Settembru 2009? Dan it-tibdil kien jinkludi li tiġi mibdula l-lampa kollha, jew inkella nbidlet il-bozza ta' ġewwa biss?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li bejn Jannar 2009 u Settembru 2009 inbidlu 2667 lampi weħidhom u 414 lanterni kompluti bil-lampa.