Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx mitluba u ngħatawx permessi biex isiru laqgħat waqt il-break f'bini ta' dipartimenti, aġenziji, organizzazzjonijiet li jaqgħu taħtu bħal dik li ġew mistiedna jattendu għaliha l-impjegati tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, nhar il-Ġimgħa, 5 ta' Novembru 2010 fis-12.40 fil-Conference Hall fejn infurmawhom b'avviż li qed jingħata separatament? Peress li din hi materja ta' kontroversja politika marbuta mad-diskussjoni dwar id-dħul tal-liġi tad-divorzju f'pajjiżna, jaħseb li hu xieraq li fuq il-post tax-xogħol f'uffiċini tal-gvern isiru laqgħat bħal dawn? U jekk dawk kontra d-dħul tad-divorzju f'pajjiżna se jingħataw il-permessi għal-laqgħat mal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, l-istess permessi se jingħataw lil dawk favur id-dħul tad-divorzju f'pajjiżna biex jagħmlu laqgħat simili?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21280.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-Main Office Building tal-Korporazzjoni Enemalta fil-Marsa, partikolarment fis-sular fejn għandu l-uffiċċju l-Kap Eżekuttiv jirriżulta li hemm fire escape li jagħti għall-bejt minflok għas-sulari t'isfel, sistema sħiħa ta' cameras biex isegwi min se jidħol fl-uffiċċju tiegħu, sufan li meta jinfetaħ isir sodda, ħadida tal-mogħdija u ironing board, washing machine għal-lavanderija, dish washer, kċina lussuża, affarijiet li ġeneralment wieħed jassoċjahom ma' akkomodazzjoni aktar milli uffiċċju? Jista' jikkonferma li l-impjegati tal-istess Korporazzjoni, membri tas-segretarjat tal-Kap Eżekuttiv tal-istess korporazzjoni huma mistennija li jaħdmu ħinijiet irregolari jiġifieri mhux mal-ġurnata biss imma ħinijiet twal filgħaxija li meta wieħed jevalwa l-ammont tax-xogħol fl-istess segretarjat ma jidhirlux li dawn il-ħinijiet huma ġustifikati? Jista' jagħti dettalji estensivi kemm sewa l-uffiċċju tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta biex jiġi fornut b'kollox u jagħti lista itemized ta' dak li nxtara biex jgħammar dan l-uffiċċju u jgħid jekk jaħsibx li hija insensittiva ħafna din in-nefqa eżorbitanti fuq l-uffiċċju tas-CEO tal-korporazzjoni li qed toħloq tbatija kbira għall-familji u pensjonanti Maltin u Għawdxin bil-kontijiet tad-dawl li qed jirċievu?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21276.
Arms Ltd — kwestjoni dwar ittra mibgħuta lil familji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li kienu rċevew l-ittra llegali mill-Arms Ltd u li kienu mhedda b’sekwestru jekk ma jħallsux il-kont fi żmien ftit jiem, fil-fatt marru l-Arms u ħallsu l-ammont dovut? Jista’ jgħid jekk dawn kenux ukoll ħallsu t-€12 imposti illegalment mill-Arms fuq l-istess persuni bħala ħlas għal ittra taparsi legali? Kif se jigu rimbursati dawk li diġà ħallsu t-€12?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-€12 msemmija fl-ittra legali ma ġewx debitati fuq il-kont, u jekk kien hemm konsumaturi li laħħqu ħallsu dan l-ammont, ingħata lura fi kreditu fuq kontijiet antiki jew fuq kontijiet li riedu joħorġu.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20214, jaf il-Ministru li hemm każijiet fejn il-proprjetarji għandhom bżonn ibiegħu l-proprjetà tagħhom (u fil-fatt sabu xerrej) u minħabba din is-sitwazzjoni ma jistgħux ibiegħu, liema sitwazzjoni qed toħolqilhom problemi kbar? Jista' jsib soluzzjoni, fis-sens li l-gvern f’każijiet bħal dawn jidħol garanti fil-kuntratt favur ix-xerrej biex almenu dawn l-individwi jkunu jistgħu ibiegħu l-proprjetà tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratti ma jistgħux isiru minħabba li l-Gvern għalkemm qiegħed jamministra l-art bis-saħħa tal-esproprju għadu mhux is-sid tal-art. Madankollu, ħafna mill-persuni li żviluppaw il-plot u qegħdin jirrisjedu fiha xorta waħda jistgħu jbiegħu il-proprjetà tagħhom għax l-Awtorità tad-Djar tħalli lil dawn il-persuni jagħmlu ċessjoni tad-drittijiet, dan dejjem jekk huma jkunu onoraw l-obbligi kollha tal-konvenju u l-persuni li ser jassumu d-drittijiet, ikunu lesti li jkomplu jonoraw il-kundizzjonijiet tal-istess konvenju.
Korporazzjoni Enemalta — kumpanija Loqus - stallazzjoni ta' smart meters
Question
B'referenza tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20093, jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2003 sal-lum, x'kuntratti tat il-Korporazzjoni Enemalta lill-kumpanija Loqus? Għal liema tip ta' xogħol ingħataw dawn il-kuntratti f'kull każ?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21364.
Mosta — Triq it-Tama - bini magħruf bħala l-Fortizza
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-bini magħruf bħala Fortizza fi Triq it-Tama, Mosta li għal numru ta' snin kienet mogħtija b'ċens għal residenza, taħt liema Ministeru taqa' bħala titlu? Taħt il-Ministeru responsabli mill-artijiet jew xi Ministeru ieħor?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bini magħruf bħala Fortizza fi Triq it-Tama Mosta huwa amministrat mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Il-kera ta’ dan il-bini ma ġietx imġedda wara 30 ta’ Ġunju 2010, u d-dipartiment qiegħed fil-proċess biex jikseb iċ-ċwievet lura mingħand il-kerrej.
Jista' l-Ministru jara għaliex kont tad-dawl u l-ilma ta' kopja anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha ma tirċievih minn Novembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21279.
Vot 7018 — Upgrading of Infrastructure in non-MIPL industrial zones
Question
Jista' l-Ministru jgħid Vot 7018 upgrading of infrastructure in non-MIPL industrial zones kif inhu maħsub li se jintnefaq għas-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-vot numru 7018 upgrading of infrastructure in non-MIPL industrial zones se jintefaq fil-biċċa l-kbira fl-infrastruttura u l-manutenzjoni ta’ żoni industrijali li ma jaqawx fir-responsabbiltà ta’ l-MIPL. Dan jinkludi:
- Tiswija u manutenzjoni tat-toroq
- Tiswija u manutenzjoni ta’
boundary walls
- Titjib, tiswija u manutenzjoni ta’ dwal fit-toroq
- Tindif taż-żoni
- Sinjali tat-toroq
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhu l-futur tal-ħaddiema tal-ground handling fl-Air Malta? Bħalissa qed isiru diskussjonijiet dwar il-futur tagħhom? Jekk iva, ma' min? Hemm il-ħsieb li jitnaqqsu ħaddiema?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21629.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 27
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20889 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 27 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2009, il-Malta Enterprise varat proġett pilota bl-isem ta Equity Finacing, liema proġett għadu kemm ġie konkluż. Permezz ta’ dan il-proġett, kumpaniji lokali ġew preparati biex in-negozju tagħhom ikun iktar attraenti għall-investituri private/business angels. L-iskop ta’ dan il-programm kien li jisntabu fondi għall-negozji ġodda jew biex negozju jespandi l-operat tiegħu; u fih l-investitur ikun qed jixtri sehem fil-kumpanija.
Bħala riżultat tas-suċċess ta’ dan il-programm il-Malta Enterprise allokat aktar fondi sabiex ikun hemm font permanenti għall-kumpaniji li jistgħu ikunu kandidati għall-equity financing.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 24
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20886 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 24 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mir-riċerka u żvilupp.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 25
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20887 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 25 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mir-riċerka u żvilupp.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 26
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20888 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 26 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21315.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 30
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20899 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 30 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Rakkmandazzjoni Nro 30: The Malta Financial Services Authority, the Malta Stock Exchange and Malta Enterprise should support SMEs and start-ups through building knowledge and awareness by means of coaching tools, hands-on coaching schemes, access to best practices et al in terms of financing options.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-Malta Enterprise għandha l-iskemi imsemmija hawn taħt biex jilħqu dan il-għan:
- Business Advisory Services – skema li tgħin lill-intrapriżi f’oqsma bħal konsum ta enerġija, marketing, operat aħjar, riċerka u żvilupp ecc.
- Is-servizz ta’ Business Incubation Centre fejn klijenti jiġu mogħtija attenzjoni kontinwa sabiex jibdew u jsaħħu in-negozju ġdid tagħhom.
- Il-Punt ta’ riferiment uniku li jagħti assistenza globali lill-klijenti tal-Malta Enterprise
- L-ewwel sejħa tas-sitt skemi ERDF (2009), kienet tkopri konsulenza fl-oqsma relevant.
Barra minn hekk, id-dipartiment tar-Releationship Management fi ħdan il-Malta Enterprise huwa dejjem disponibbli biex jagħti l-assistenza neċessarja lil klijenti li jitolbuha. Dan ir-rwol ser ikun imsaħħaħ iktar meta jitwaqqaf uffiċċjalment il-One Stop Shop for Industry.
Fil-gimgħat li ġejjin, il-Malta Enterprise ser tvara skema li tagħti din it-tip ta’ assistenza għal skopijiet ta esportazzjoni u internazzjonalizzazzjoni.
Barra minn hekk permezz tal Malta Financial Services Authority , sena ilu giet introdotta il-General Accounting Principles for Smaller Entities ( GAPSE ) sabiex titnaqqas il-burokrazija zejda u jigi iffacilitat ix-xoghol amministrattiv fl-audits u l-financial statement reports ghas-settur tan-negozji z-zghar.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 31
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20900 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 31 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise hija membru fuq il-Bord tal-JEREMIE, taħt liema programm ser tkun amministrata l-iskema tal-Micro-Credits.
Fix-xhur li għaddew il-Fond għall-Investiment Ewropew (EIF) għamel tħejjijiet biex toħroġ sejħa għall-interess biex intermedjarji finanzjarji jamministraw il-fondi allokati għall-iskema tal-Micro-Credit. Din is-sejħa għalqet fil-15 ta’ Novembru, 2010.
Il-Malta Enterprise hija infurmata li 3 intermedjarji finanzjarji esprimew l-interess tagħhom. L-EIF bħalissa qiegħda tevalwa dawn il-proposti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' stabbilimenti kummerċjali fejn l-Korporazzjoni Enemalta ssospendiet il-provvista tad-dawl minħabba pendenzi fil-kontijiet minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dak li hu l-household Malti għall-istess żmien - minn Ottubru sa Diċembru 2009 xahar b'xahar u bejn Jannar u Ottubru 2010 xahar b'xahar?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21757.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — informazzjoni dwar l-ilma tas-sewage section
Question
Jista' l-Ministru jgħid is-sewage section kemm qed tiswa lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fis-sena? Ir-Reverse Osmosis System kemm tiswa lill-Kaxxa ta’ Malta biex tiġġenera l-ilma li tiġġenera? X’kien it-total cost ta’ potable water production is-sena li għaddiet f’mod distint bejn ir-reverse osmosis u ground water? Kemm ġie prodott ilma miż-żewġ sorsi s-sena li għaddiet? Kemm minn dan l-ilma ġie billed? X’persentaġġ tal-ilma prodott ġie mitluf minħabba real u apparent losses?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif muri fit-tliet tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Tabella A turi l-istima tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ta’ l-ispejjeż għas-sena 2010 taż-żewġ sezzjonijiet rikjesti. Tabella B turi l-ispiża totali ta’ potable water production is-sena li għaddiet f’mod distint bejn ir-reverse osmosis u ground water, filwaqt li Tabella C turi l-produzzjoni u telf ta’ ilma miż-żewġ sorsi fis-sena 2009.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-subvention tal-gvern lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma s-sena li għaddiet? Il-Korporazzjoni ħallset id-djun kollha tagħha fuq investiment speċjalment f'reverse osmosis membranes u energy recovery devices?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-sussidju mogħti mill-Gvern lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma is-sena li għaddiet kien kif jidher f’Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Korporazzjoni ħallset djun relatati ma l-investiment fuq reverse osmosis u energy recovery devices, madankollu djun sat-30 ta’ Settembru jammontaw hekk kif jidher f’Tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li tgħix id-dar u l-kont tad-dawl u l-ilma ġieha esaġerat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-konsum tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, qiegħed fuq l-istess kwota tal-kontijiet preċedenti.