Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il applikazzjoni għall-visas ġew miċħuda lill-persuni minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea? Minn liema pajjiż kienu? X'kienu r-raġunijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk persuna barranija tinqabad li kienet f'Malta b'visa skaduta, u jintbagħat lura lejn pajjiżu, x'jista' jsir sabiex din l-istess persuna tkun tista' terġa' tidħol f'pajjiżna? X'inhuma l-proċeduri?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-materja taqa direttament taħt id-dekasateru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Onorevoli Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk fid-dipartimenti, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hux se jkun hemm xi vacancies għas-sajf għal studenti li jkunu bil-vakanzi? Jekk fl-affermattiv, fejn ser ikunu, xi kwalifiki ser ikunu mitluba u kemm ser jidħlu?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru talab għal 12-il student sabiex jagħmlu xogħol fis-sajf fid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu. Ma jintalbux kwalifiċi speċifiċi. L-intenzjoni hi li dawn jaħdmu fid-Direttorat tal-Protocol, Dipartiment ta' Servizzi Korporattivi, dak taċ-Ċittadinanza, fis-Segretarjat u fl-Information Management Unit.
F'dan l-istadju ma nkunux nafu kemm attwalment jidħlu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk saritx talba jew xi tip ta' abbokkament mill-gvern Malti mal-Unjoni Ewropea għall-otteniment ta' fondi komunitarji b'rabta mal-bini tat-teatru bla saqaf u l-parlament il-ġdid? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha f dan is-sens, inkluż ir-rapport tal-kummissjoni tal-esperti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Maltin li qed jistennew sentenza ta' ħabs barra minn Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar in-numru ta' Maltin li jafu bihom l-ambaxxati/high commissions ta' Malta f'diversi pajjiżi li bħalissa jinsabu jiskontaw sentenza ta' ħabs, jew jistennew proċeduri kriminali kontra tagħhom? F'liema pajjiżi jinsabu dawn iċ-ċittadini Maltin?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onoveroli Interpellant li, mill-informazzjoni li ġabar il-Ministeru, hemm tnejn u erbgħin persuna ta' nazzjonalità Maltija li jinsabu jiskontaw sentenza ta' ħabs jew jistennew proċeduri kriminali kontra tagħhom barra minn Malta.
Dawn jinsabu f'dawn il-pajjiżi li ġejjin:
Awstralja 22 (Maltin b'ċittadinanza doppja)
Emirati Għarab Maqgħuda 1
Italja 8
Kanada 1
Olanda 1
Renju Unit 3
Spanja 3
Stati Uniti 1
Tajlandja 1
Tunezija 1
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk persuna minn pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea, ikollha tarbija mwielda Malta, ikollhiex dritt ta' residenza permanenti f'pajjiżna bi dritt li jinħarġilha l-work permit?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuna barranija li titwildilha tarbija hawn Malta ma takkwista ebda drittijiet sempliċiment għax it-tarbija tagħha twieldet Malta.
Bid-dħul ta' Malta fiż-żona Schengen, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma lill-Kamra:
a) jekk qattx inħarġu
visas
minn Malta;
b) jekk fl-affermattiv għal liema nazzjonalità kienu;
ċ) kif ġie deċiż liema jinħarġu u liema le; u
d) kif ġie ipproċessata kull applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettaliji tal-informazzjoni mitluba.
In vista tar-rapporti li mill-inqas żewġ kumpaniji privati krew spazju f’ Dar Malta fi Brussel, jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk dan il-fatt affettwax b’xi mod l-immunitajiet jew tariffi li ssoltu jkunu riservati għal binjiet ta’ ambaxxati? Kienu affettwati b’xi mod refunds jew ħlasijiet ta’ taxxa fuq il-bini tal-istess bini?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat..
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-konsulenti u kuntratturi li ħadmu fuq Dar Malta fi Brussell, u kemm tħallsu kull wieħed ?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-MInistru tal-Affarijiet Barranin jgħid xi pjanijiet hemm biex tinstab soluzzjoni għal problema li għandhom Maltin li kien fil-komunità Maltija fl-Eġittu, u li tkeċċew minn hemm b'għaġġla fl-1956 u li marru joqogħdu f'pajjiżi oħra, imma li m'għandhomx dokumenti li juru b'mod uffiċjali fejn twieldu u dettalji oħra mitluba bil-liġi biex jikkwalifikaw għaċ-ċittadinanza Maltija? Jaħseb il-Prim Ministru li dawn il-każijiet għandhom jiġu eżaminati wieħed wieħed minn bord imwaqqaf apposta li jgħarbel l-informazzjoni, u jekk ikun hemm bżonn jisma' u jistaqsi lill-applikant direttament biex fl-aħħar jieħu deċiżjoni jagħtix id-dritt taċ-ċittadinanza lil dawn l-applikanti?
Response (BORG, TONIO)
Waqt il-Konvenzjoni għall-Maltin li Jgħixu Barra li ltaqgħet f'Marzu 2010 u li ġiet organizzata minn dan il-Ministeru, iltqajt ma persuni li kienu jgħixu l-Eġittu jew dixxendenti tagħhom.
Bis-saħħa tar-riforma introdotta mill-Gvern preżenti fil-2007, għall-ewwel darba, kull minn jipprova b'dokumenti uffiċjali li għandu axxendent dirett li hu / kien ċittadin Malti mwieled Malta, ikun jista' jakkwista ċittadinza Maltija.
Din il-miżura ġiet milqugħa tajjeb ħafna mill-komunitajiet Maltin barra minn Malta.
Għar-rigward il-"Maltin ta' l-Eġittu" id-Dipartiment tac-Cittadinanza diġa' aċċetta li jekk min japplika ma jkollux dokumenti uffiċjali, wieħed jista' jipproduċi il-fidi tal-Magħmudija jew inkella dokumenti oħra uffiċjali tal-Knisja Kattolika fl-Eġittu.
Kif infurmajt lir-rapprezentanti ta' dawn il-Maltin f'Marzu, il-Gvern qed jikkonsidra li, aparte dan, dawn iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet Ekklesjattiċi, u li jikkontjenu informazzjoni indiretta dwar axxendenti, jintużaw bħal prova dokumentarija, mingħajr il-ħtieġa ta' produzzjoni tad-dokument oriġinali ez. nazzjonalita' u post ta' twelied ta' axxendent.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xogħol ta' konsulenza
Question
Jista’ l- Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'xogħol ta' konsulenza ngħata lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, mill- entitajiet, aġenziji, fondazzjonijiet, awtoritajiet eċċ.li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b'sena bejn l-2004 u l-2009? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol u xi ħlas sar ta' kull biċċa xogħol ta' konsulenza ?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ma ngħatat l-ebda biċċa xogħol ta' konsulenza lill-persuna, li d-dettalji dwarha ġew mibgħuta separatament, mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, mill-informazzjoni disponibbili, ma jidhirx li matul l-2004, 2005, 2006 u 2008 ngħataw kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu, lil persuni u/jew kumpaniji kif indikat fil-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — numru ta' karozzi/vetturi mikrija
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jinfurmani bin-numru tal-karozzi/vetturi mikrija għall-użu tal-Ministeru u d-dekasteri/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista' jgħid ukoll kemm hija ċ-ċifra ta' flus li tħallset fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2010 għal dan is-servizz u kemm huwa kkalkulat li jrid jitħallas sal-aħħar tas-sena rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, jikri 15-il karozza, karozza waħda f'Malta u erbatax fl-Ambaxxati barra minn Malta, u li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena tħallset is-somma ta’ €18,465. Huwa stmat li minn Mejju sal-aħħar ta’ din is-sena se jintefqu madwar €39,670.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — membri tal-familja fuq delegazzjoni barra minn Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid matul din il-leġislatura, jekk qattx kien akkumpanjat mis-Sinjura tiegħu, jew xi membru ieħor tal-familja tiegħu, waqt safar uffiċjali tal-Gvern jew Parlamentari? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm-il darba, min kienu l-membri tal-familja u fejn marret din id-delegazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm żewġ okkażżjonijiet: il-mara tiegħi ġiet mistiedna Cortoba mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f'laqgħa informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin, filwaqt li ibni akkompanjani f' Shanghai. L-ispejjeż taż-żewġ vjaġġi tħallsu minni.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xogħol ta' konsulenza
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'xogħol ta' konsulenza ngħata lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mill-entitajiet, aġenziji, fondazzjonijiet, awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b'sena bejn l-2004 u l-2009? Fiex kien jikkonsisti x-xogħol u xi ħlas sar ta' kull biċċa xogħol ta' konsulenza?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ma ngħatat l-ebda biċċa xogħol ta' konsulenza lill-persuna, li d-dettalji dwarha ġew mibgħuta separatament, mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — safar uffiċjali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm sar safar minn uffiċjali ta' korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2009? Min kien li siefer? X'kienet ir-raġuni wara s-safra u fejn kienet? X'kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt id-dekasteru tiegħi m'għandniex korporazzjonijiet u awtoritajiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma rapporti li wasluli li hemm investigazzjonijiet għaddejjin dwar ħruġ ta’ visas mill-ambaxxati Maltin f’Beijing u f’New Delhi? Jekk iva, minn min qed issir l-investigazzjoni u meta mistennija jiġu konklużi?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemm ebda investigazzjoni għaddeja fl-Ambaxxata f'Beijing.
Għar-rigward New Delhi, il-Pulizija ta' New Delhi qiegħda tinvestiga l-involviment ta' cittadini Indjani fl-akkwist ta' visas, uħud minnhom mill-Kummisjoni Għolja Maltija, a bazi ta' dokumenti foloz.
Il-Ministeru ried jassigura ruħu li ma hemmx persuni ta' nazzjonalità Maltija u/jew persuni fl-impjieg tal-Kumissjoni Għolja li huma involuti.
Għalhekk wara li nġabret l-informazzjoni meħtieġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-Pulizija ta' Malta intalbet tinvestiga.
Is-Central Visa Unit qed jindaga jekk kienx hemm nuqqasijiet fil-proċedura ħalli wieħed jara hemmx lok għal passi dixxiplinari, irrispettivament mill-investigazzjoni tal-Pulizija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm nies impjegati fis-segretarjat privat tad-dekasteru tiegħu? Min huma u xi kwalifiki għandhom? Kemm jitħallsu fix-xahar u x'perkaċċi għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Il-kuntratti ta' dawn l-impjegati huma konformi mal-Guidelines for the Engagement of Staff in Ministers' Private Secretariat approvat mill-Kabinet u li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'l-4 ta' Ġunju 2008.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'vetturi jagħmlu użu minnhom kull awtorità u korporazzjoni li taqa' taħtu? Meta ġiet akkwistata, kemm qamet u minn fejn inxtrat?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi taħt id-dekasteru tiegħi m'għandniex korporazzjonijiet u awtoritajiet.