Ħaddiema Outsourced f’Entitajiet u Kumpaniji tal-Gvern
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati permezz ta’ aġenziji tal-impjiegi sabiex jaħdmu:
a. f’entitajiet tas-settur pubbliku;
b. fl-awtoritajiet; u
ċ. f’kumpaniji fejn il-Gvern għandu sehem jew kontroll effettiv,
matul dawn l-aħħar erba’ snin, maqsuma xahar b’xahar?
Jista’ wkoll jindika:
i. l-entità jew kumpanija fejn ġew assenjati;
ii. il-Ministeru responsabbli;
iii. it-tip ta’ xogħol li qed iwettqu;
iv. in-nazzjonalità tagħhom (Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi [TCNs]); u
v. l-isem tal-aġenzija tal-impjiegi?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba tinqabeż l-advisory cost.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati permezz ta’ aġenziji tal-impjiegi (outsourced) sabiex jaħdmu fis-servizz ċivili matul dawn l-aħħar erba’ snin, maqsuma xahar b’xahar?
Jista’ wkoll jindika:
i. f’liema Ministeru jew dipartiment ġew assenjati;
ii. x’tip ta’ xogħol qed iwettqu (eż. security, clerical, cleaning, technical, care work, eċċ.);
iii. in-nazzjonalità tagħhom (Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi [TCNs]); u
iv. l-isem tal-aġenzija tal-impjiegi?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni kif mitluba tinqabeż l-advisory cost.
Impjiegi ġodda fis-settur pubbliku, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru ta’ impjegati ġodda li ġew impjegati f’entitajiet tas-settur pubbliku, inklużi awtoritajiet u entitajiet oħra tal-Gvern matul dawn l-aħħar erba’ snin, maqsuma xahar b’xahar?
Jista’ wkoll jindika:
i. l-isem tal-entità;
ii. il-Ministeru responsabbli;
iii. il-grad jew ir-rwol tal-impjegati; u
iv. in-nazzjonalità tagħhom (Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi [TCNs])?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-figuri bħala persentaġġ ta’ dawk li jaħdmu fuq bażi nazzjonali rigward l-impjegati fis-settur pubbliku għal dawn l-aħħar 4 snin huma kif ninsab infurmat:
2022
2023
2024
2025
Jannar
7%
6%
6%
6%
Frar
7%
6%
6%
6%
Marzu
7%
6%
6%
6%
April
7%
6%
6%
6%
Mejju
7%
6%
6%
6%
Gunju
6%
6%
6%
6%
Lulju
6%
6%
6%
6%
Awwissu
6%
6%
6%
/
Settembru
6%
6%
6%
/
Ottubru
6%
6%
6%
/
Novembru
6%
6%
6%
/
Diċembru
6%
6%
6%
/
Jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru ta’ impjegati ġodda li ġew impjegati fis-servizz ċivili matul dawn l-aħħar erba’ snin, maqsuma xahar b’xahar, u għal kull xahar jindika:
i. il-Ministeru u d-Dipartiment fejn ġew assenjati;
ii. il-grad jew il-pożizzjoni tagħhom; u
iii. in-nazzjonalità tagħhom (Maltin, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi [TCNs])?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-figuri bħala persentaġġ ta’ dawk li jaħdmu fuq bażi nazzjonali rigward l-impjegati fis-servizz ċivili għal dawn l-aħħar 4 snin huma kif ninsab infurmat:
2022
2023
2024
2025
Jannar
14%
13%
12%
12%
Frar
14%
13%
12%
12%
Marzu
14%
13%
12%
12%
April
14%
13%
12%
12%
Mejju
14%
13%
12%
12%
Ġunju
14%
13%
12%
12%
Lulju
14%
13%
12%
12%
Awwissu
14%
13%
12%
/
Settembru
14%
13%
12%
/
Ottubru
14%
13%
12%
/
Novembru
13%
13%
12%
/
Diċembru
13%
12%
12%
/
ARUC - Lista ta’ Cannabis Harm Reduction Associations
Question
Fid-dawl li l-lista ta' Cannabis Harm Reduction Associations hija pubblika u l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) mhux qed tipprovdi lista tal-kumpaniji privati li jiffurmaw l-istess assoċjazzjonijiet biex jipprovdu s-servizzi tagħhom, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-ARUC tistax tipprovdi, a fini ta' trasparenza, lista aġġornata ta' kull Cannabis Harm Reduction Association liċenzjata u l-kumpaniji privati (for profit) li ġew imwaqqfa u rreġistrati?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis tagħti liċenzji biss lil assoċjazzjonijiet li joperaw fuq bażi ta’ mingħajr profitt (
not for profit
) li jkunu rreġistrati magħha stess sabiex ikabbru u eventwalment jiddistribwixxu l-kannabis lill-membri rispettivi tagħhom.
Tajjeb jiġi rrimarkat illi l-assoċjazzjonijiet huma mwaqqfa minn individwi fil-kapaċità personali tagħhom u li jkunu qegħdin jaġixxu biss f’isimhom.
In oltre, l-assoċjazzjonijiet jiksbu s-servizzi tagħhom mingħand diversi kumpaniji terzi skond in-natura tas-servizz meħtieġ. F’dan l-isfond, l-Awtorità tiżgura li l-prezzijiet imħallsa lill-kumpanijit terzi huma skond ir-rati tas-suq għal servizzi simili jew kumparabbli f’setturi oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq l-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat tal-parametri ta’ kif issir spezzjoni ġewwa Cannabis Harm Reduction Association u l-eżitu ta' dawn l-ispezzjonijiet bejn Jannar 2024 u Jannar 2026?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi l-ispezzjonijiet isiru billi l-ispetturi ta’ l-ARUC jivverifikaw li l-Cannabis Harm Reduction Associations qed joperaw skond il-parametri tal-ligijiet, regolamenti u direttivi applikabbli.
Matul kull spezzjoni, tiġi adottata l-
four eye principle
u għalhekk ikun żgurat li tali spezzjonijiet ma jitwettqux minn uffiċjal wieħed
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-inspectors tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) fuq Cannabis Harm Reduction Associations bejn Jannar 2024 u Jannar 2026, maqsuma bejn:
i. is-sit ta’ kultivazzjoni; u
ii. is-sit ta’ distribuzzjoni?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu indikat mill-interpellant l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), permezz tal-Compliance and Enforcement Unit, għamlet 101 spezzjoni fis-siti ta’ kultivazzjoni ta’ Cannabis Harm Reduction Associations filwaqt illi fir-rigward ta’ distribution sites saru 51 spezzjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm inspectors jaħdmu mal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), meta dawn ġew ingaġġati u b’liema proċess? Jista’ jgħid ukoll x'inhu l-livell ta' edukazzjoni rikjest?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat illi preżentament hemm żewġ (2) inspectors li qed jaħdmu fi ħdan il-Compliance and Enforcement Unit tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis flimkien maċ-Chief Officer rispettiv.
Dawn l-inspectors ġew reklutati s-sena l-oħra permezz ta' proċess ta' reklutaġġ estern, li nħareġ pubblikament u twettaq matul il-perjodu minn April sa Ġunju.
Ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà stabbiliti għal dan ir-rwol kienu kif ġej:
· Kwalifika fil-Livell 4 tal-MQF (Livell Avvanzat jew ekwivalenti)
jew
· Kwalifika fil-Livell 3 tal-MQF (Livell Ordinarju jew ekwivalenti) flimkien ma' tliet (3) snin ta' esperjenza ta' xogħol rilevanti.
F’dan l-isfond tajjeb jiġi nnotat ukoll illi riċentament l-Awtorita’ għamlet process ta’ recruitment sabiex jiġu ngaġġati aktar Spetturi li sfortunatament ma ħalliex il-frott mixtieq u bħalissa għaddej process ta’ recruitment ieħor.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar il-proġett ta’ restawr tas-saqaf tal-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla, liema proġett tħabbar fil-bidu ta’ din is-sena u li ser jingħata l-għajnuna mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll:
i. jekk ingħatawx fondi għal dan il-proġett jew huwiex se jiġi ffinanzjat direttament minn entità tal-Gvern; u
ii. jekk saritx sejħa pubblika għal dan ix-xogħol ta’ restawr?
Response (ABELA, ROBERT)
Niltob lill-Onor.Interpellanta biex tagħmel l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar l-installazzjoni li twaqqfet int u dieħel il-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll:
i. min kien l-uffiċjal inkarigat mill-valutazzjoni li wasslet għad-deċiżjoni li din l-istruttura tiġi meqjusa bħala “installazzjoni artistika”;
ii. jekk din il-persuna kellhiex il-kompetenzi meħtieġa u jekk kinetx debitament awtorizzata sabiex toħroġ deċiżjoni ta’ “ebda oġġezzjoni”;
iii. liema dokumentazzjoni ġiet sottomessa u kkunsidrata bħala parti minn dan il-proċess ta’ valutazzjoni u jekk hemm, titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra;
iv. min kien/u l-perit/i jew l-uffiċċju/i ta' periti responsabbli għad-disinn ta' din l-istruttura u għall-installazzjoni tagħha; u
v. jekk l-għażla tal-perit jew tal-uffiċċju ta' periti saritx permezz ta’ direct order jew proċedura oħra ta’ akkwist?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill Onorevoli interpellanta għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari Numru 34206. Id-disinn u l-installazzjoni tal-istruttura kienu taħt ir-responsabbilita tad-ditta tal-periti li kienet ingaġġata skont il-proċeduri tal-akkwisti.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 33895 u 34049 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31762, fejn intqal li “Sadanittant it-tagħrif għadu qed jinġabar”, jista’ l-Prim Ministru issa jagħti rendikont totali tal-ispiża għall-kampanja ta’ reklamar b’rabta mal-Baġit 2026?
Kumitat tekniku dwar miżuri marbuta mal-Midja Soċjali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-membri tal-kumitat tekniku appuntat biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet lill-Gvern fir-rigward tal-miżuri li jistgħu jittieħdu fil-kuntest tal-midja soċjali, l-aktar fejn din hi ta’ impatt fuq il-minuri?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li dan l-bord huwa kompost minn Chairperson u ħames membri.
Taċ-Ċawla, Għawdex - Proġett ta’ Housing – Allokazzjoni ta’ appartamenti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33185 u jgħid jekk l-appartamenti tal-proġett ta’ housing li sar mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar f’Taċ-Ċawla, ġewx allokati lill-familji li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u jekk iva, kif ingħataw u jagħti d-data ta’ meta ġew allokati?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-allokazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali saru lill-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali mill-Bord tal-Allokazzjonijiet matul il-perjodu ta’ Mejju sa Novembru 2025
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32491 u 32920 u jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari li huma:
i. Applikanti single;
ii. Applikanti ’l fuq minn 60 sena; u
iii. Applikanti akkumpanjati bi tfal minuri magħhom?
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32490 u 32875 u jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tad-Djar għandha 1926 applikazzjoni fuq il-lista ta’ stennija.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34137 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport jew jagħti dettalji tat-total ta’ pjanti tal-kannabis li ġew ikkultivati mill-Cannabis Harm Reduction Associations bejn Jannar 2024 u Diċembru 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kilogramma ġiet imqassma lill-membri u kemm minnha ntremiet?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor Interpellant, li kif gejt infurmat mill-ARUC bejn Jannar 2024 u Dicembru 2025 ġew imqassma 1,087kg ta’ kannabis u ġew imkabbra 21,372 pjanta mill-Assocjazzjonijiet imsemmija. Minn dawn, ġew distruti b’mod responsabbli u sigur 5,749 kg materjal użat għat-tkabbir u materjal tal-pjanta li ma għandux użu fil-konsum tal-kannabis.
Principal Technician Colloquium - Riżultati tas-sejħa
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34178 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid x’kienu r-riżultati tas-sejħa (posting) għall-kariga ta’ Principal Technician Colloquium? Jista’ wkoll jipprovdi tqassim (break down) tar-riżultati kif ingħataw, kif ukoll il-kariga u l-grad preċedenti tal-persuni li ġew intervistati (mingħajr ma jissemmew l-ismijiet)?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Colloquium għal Principal Technical Officers sar skont il-provedimenti stabiliti fil-Ftehim rispettiv. Ir-rizultati li huma delegati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku jiġu infurmati lil applikanti rispettivi. Fil-każ ta’ bżonn ta’ appell dan għandu jsir lil Kummissjoni fi żmien stabbilit fir-regolamenti.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34138 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull informazzjoni relatata man-nefqa għal riklamar fuq gazzetti, televiżjoni u midja soċjali mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) bejn Jannar 2024 u Jannar 2026?
Bormla - Binja tal-Akkomodazzjoni Soċjali - Proġett
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li l-proġett tal-Akkomodazzjoni Soċjali ta’ Bormla jitlesta kompletament?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-Akkomodazzjoni Soċjali f’Bormla mistenni jitkompla fiż-żmien li ġej bl-intiża li x-xogħol jibqa’ għaddej sakemm jitlestew kompletament.