Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Xbiex – ħsara fuq il-funtana tal-marina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx spezzjoni minn aspett tekniku fuq il-ħsara li hemm fuq il-funtana fil-marina ta' Ta' Xbiex? Meta se jsiru t-tiswijiet neċessarji?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi wara spezzjonijiet tekniċi li saru, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jipprepara sejħa għall-offerti biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. Din is-sejħa se tkun ippubblikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Tas-Sliema – ħajt taħt il-promenade

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' azzjoni se tittieħed fid-dawl li ċediet parti mill-ħajt taħt il-promenade ta' Tas-Sliema, bejn ix-Chalet u Qui-si-Sana, u esponiet periklu kbir? Xi prekawzjonijiet strutturali se jittieħdu biex tiġi salvagwardata s-sigurtà u biex tiġi evitata traġedja f'każ ta' grigalata oħra?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara talba li saret mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qiegħed jevalwa l-ħsara li hemm u x’azzjoni għandha tittieħed.

Awtorità tal-Ippjanar – smigħ ta’ applikazzjonijiet online

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjonijiet fl-Awtorità tal-Ippjannar għadhom jinstemgħu biss online u mhuwiex permess li jkun hemm min jattendi fiżikament? Ma jaħsibx li dan mhux qed jagħti l-istess opportunitjiet lil dawk li jixtiequ jkunu objectors imma ma jafux jużaw is-sistema online?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tikkonferma li l Kunsill Eżekuttiv, il-Bord tal-Ippjanar u l-Kummissjoni għall-Barra miż-Żona tal-Iżvilupp u Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana huma miftuħa għall-pubbliku biex ikunu preżenti għal waqt il-laqgħat tagħhom. Għalkemm il-Kummissjoni għaż-Żona tal-Iżvilupp ma tinfurmax lill-pubbliku li jista’ jattendi fiżikament waqt is-seduti, kull min attenda jew talab biex jattendi, dejjem kienu infurmati li jistgħu jattendu. L-uniku Kummissjoni li mhix miftuħa għall-pubbliku hija l-Kummissjoni tal-Iskema ta’ Regolarizzazzjoni li għandha restrizzjoni ta’ spazju.

San Ġiljan – Triq Telgħet B’Kara – twaqqigħ ta’ bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar ma kkonsultatx mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali meta kien hemm applikazzjoni ġewwa Triq Telgħet B’Kara, f’San Ġiljan, bil-konsegwenza li sar twaqqigħ li skont is-Sovrintendenza ma kellux iseħħ?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika dwar liema applikazzjoni qed jirreferi.

Ħruġ ta’ clearances għal method statements

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu clearances għal method statements matul is-sena 2022 u tul l-ewwel erba’ xhur ta' din is-sena?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2022, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ħarġet 6163 clearances għall-method statements, filwaqt li tul l-ewwel erba’ xhur ta' din is-sena nħarġu 1674 clearance.

Awtorità tal-Ippjanar — NGOs li bbenefikaw minn fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema NGOs ibbenefikaw minn fondi tal-Awtorità tal-Ippjanar fis-sena 2022?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont ir-rekords tal-Awtorità tal-Ippjanar, l-għaqdiet mhux governattivi li bbenefikaw minn kuntratti għall-fondi tal-Planning Authority fl-2022 huma dawn: Taħt skema “Locality Funding”: Neptunes Water Polo Sports Club Għaqda Mużikali Marija Bambina Vittorja Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Don Bosco Foundation Patrijiet Franġiskani Lija Athletic FC Soċjeta’ Sant’Andrija Każin San Piju X Arċikonfraternita tas-Santissmu Kurċifiss Parroċċa San Bastjan Għaqda Sajjieda Dilettanti Malta Foundation for the Wellbeing of Society Skola Primarja San Ġorġ Preca Soċjeta’ Filarmonika Rotary Club La Valette Sliema Wanderers FC Fondazzjoni Patrimonju Malti Soċjeta’ Mużikali Santa Katerina VM Sirens Aquatic Sports Club Taħt skema “Irrestawra l-Każin” kienu dawn: Big Friends Guggen Musik A.D. 2008 Ħamrun Liberty Social Club Soċjetà Filarmonika G.M. Fra. Antoine De Paule Soċjetà Mużikali Beland 12th May Band & Social Club Każin tal-Banda 'L-Unjoni' Saint Pio X Band Club Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħal Kirkop Għaqda Mużikali u Soċjali 'Madonna tal-Karmnu' St Julian’s Band Club A.D.1927 Soċjetà Filarmonica Nazionale La Valette Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Soċjetà Filarmonika Nicolò Isouard Għaqda tal-Mużika San Gejtanu Għaqda Każin Banda San Filep Għaqda Każini Tal-Banda Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Għaqda Mużikali San Ġużepp Għaqda Soċjo-Mużikali Aniċi Marsa Pageant Group Mqabba FC Żejtun Band Club Soċjetà Filarmonika Luqa Boċċi Club Għaqda Mużikali Mount Carmel St Anthony Band Club Għaqda Mużikali Banda Marija Regina Għaqda Mużikali San Pietru Fil-Ktajjen A.D. 1990 Soċjetà Dun Filippu Borgia St John Rescue Corps Fsobians La Stella Levantina

BCA – każijiet dwar twaqqif ta’ xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każijiet li fihom l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) waqqfet ix-xogħol fuq siti ta' kostruzzjoni matul din is-sena? X'kienu r-raġunijiet għala twaqqaf ix-xogħol li kien qed isir u kemm-il każ kien hemm għal kull tip ta' raġuni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul din is-sena, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) irreġistrat 194 każ b’ordni ta’ waqfien mix-xogħol fuq siti ta’ kostruzzjoni. In-numru ta’ każijiet flimkien mar-raġunijiet għaliex twaqqaf ix-xogħol qed jiġu spjegati hawn taħt: Numru ta’ każijietRaġuni 139 każBidu ta’ xogħlijiet mingħajr dokumentazzjoni/ approvazzjoni bil-miktub ta’ l-Awtorità 11-il każNuqqas ta’ responsabbilitajiet għall-implimentazzjoni tal-miżuri tad-dikjarazzjoni tal-metodu 42 każNuqqas ta’ prekawzjonijiet meħtiega sabiex ma jirriżultax ħsara mill-infiltrazzjoni ta’ ilma lill-proprjetajiet kontigwi 2 każijiet Xogħlijiet barra mill-ħin permissibli

Floriana – xogħlijiet fuq l-iljun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru fuq l-iljun tal-Floriana u xi pjanijiet hemm biex dan ix xogħol jitlesta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’taħdidiet mal-entitajiet involuti għat-twettiq ta’ dan il-proġett.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet minn djar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk applikazzjonijiet għal djar tal-anzjani jistgħux jingħataw żieda ta’ żewg sulari fuq dak li tiddetta l-policy? Jekk iva, meta tiġi evalwata applikazzjoni għal din it-talba ta’ permess tal-iżvilupp, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar: a. timxix skont projections nazzjonali li juru li hemm ħtieġa fil-futur skont kif stipulat mill-Ministeru għall-Anzjani; u/jew b. titlobx contingency plan finanzjaru ta’ tali applikazzjoni biex tara jekk il-proġett huwiex vijabbli skont il-bed occupancy u l-health carer ratio qabel ma jingħataw is-sulari żejda?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikazzjonijiet għal bini li huwa esklussivament għal djar tal-anzjani jista’ jingħata għoli ta’ żewg sulari aktar minn dak kif stipulat fil-Pjani Lokali diment li l-kriterji kollha li titlob il-“Height Limitation Adjustment Policy for Retirement Homes” jiġu sodisfatti. Lokalitajiet li jinsabu barra ż-żona tal-iżvilupp, siti skedati u protetti, siti fi trufijiet fejn hemm diżlivelli, siti ġo wħud minn “settlements” żgħar kif ukoll ġo “Residential Priority Areas” ma jikkwalifikawx taħt din il-policy.

Awtorità tal-Ippjanar – ċertifikat ibbażat fuq design rating tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7692 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6762 u b’referenza għall-Avviż Legali 47 tal-2018 li jittrasponi d-Direttiva tal-UE 2010/31/EU dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u li jdaħħal fis-seħħ it-tali dispożizzjoni, peress li l-Artikolu II tad-Direttiva tal-UE jagħmilha ċara li għal kull binja ġdida li tinbena huwa meħtieġ ċertifikat fl-użu tal-enerġija, u peress li l-artikolu 14(3) tal-Avviż Legali 47 tal-2018 ikompli jelabora dwar ir-rekwiżiti, u peress li l-ebda wieħed mill-Avviżi Legali msemmijin fit-tweġiba tal-Ministru ma jidhru li jemendaw id-dispożizzjoni li titlob ċertifikat fl-użu tal-enerġija, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6762 u jgħid għaliex it-tali ċertifikat mhuwiex qiegħed jintalab mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

BCA – ħruġ ta’ penali fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il penali għal nuqqasijiet fuq siti ta' kostruzzjoni ħarġet l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) matul din is-sena? X'kienu r-raġunijiet li għalihom inħarġu dawn il-penali u kemm-il penali nħarġet għal kull raġuni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ħarġet 250 penali għal nuqqasijiet fuq siti ta' kostruzzjoni matul din is-sena. Qiegħed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra, bir-raġunijiet li għalihom inħarġu dawn il-penali u n-numru tal-penali maħruġa għal kull raġuni.

Minisetru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5792 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u minn liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — rapporti lill-pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7270, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tiegħu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 7270.

Permess għad-demolizzjoni ta’ sit

Question

Jista’ l-Ministu jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġitx permess biex ikun hemm id-demolizzjoni totali ġewwa Kordin proprju fejn seħħet il-mewta traġika ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena u kien hemm persuni oħra li sofrew xi ġrieħi? Jekk l-Awtorità ħarġet tali permess, jista’ jgħid min kien responsabbli għall-ħruġ ta’ dan il-permess?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

BCA – tender method statements

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7580, jista’ l-Ministru jgħid b’liema metodu ġew outsourced il-periti ingaġġati mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabiex jivverifikaw il-method statements sottomessi lill-Awtorità? Jekk ġew ingaġġati permezz ta’ tender, jista’ jipprovdi n-numru ta’ dan it-tender?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 7829.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Ministeru tiegħu u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jgħoddu l-istess prinċipji msemmijja fit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu numru 7131.

Ħruġ ta’ enforcement notices mill-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices dwar imwejjed u siġġijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-2017 sal-aħħar tal-2022, u jgħid kemm minn dawn il-każi għadhom attivi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Ippjanar, mill-bidu tas-sena 2017 sal-aħħar tal-2022, ħarġet disgħa u erbgħin avviż ta’ infurzar dwar imwejjed u siġġijiet. Sal-21 ta’ April 2023, erbgħa u għoxrin każ kienu ingħalqu filwaqt li ħamsa u għoxrin kienu għadhom attivi.

Kalkara – Bajja tar-Rinella — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru, jew hemm il-ħsieb li jsiru, tul dawn ix-xhur sabiex il-Bajja tar-Rinella ġewwa l-Kalkara jsirilha x-xogħol neċessarju sabiex tkun tista’ tintuża tul is-sajf li ġej?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar m’għandux xogħlijiet pjanati dwar il-Bajja tar-Rinella.

Awtorità tal-Ippjanar – appelli/rappreżentazzjonijiet pendenti dwar applikazzjoni mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar

Question

B'referenza għall-iżvilupp permess mill-applikazzjoni DN 648/22 – Proposed installation of ground fixed percussion exhibits – li saret mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar għandhiex quddiemha xi appell jew rappreżentazzjoni fuq dan il-permess jew permess fl-istess post li għad irid jiġi deċiż? Jekk iva, liema huma dawn l-appelli/rappreżentazzjonijiet pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex quddiemha appell jew rappreżentazzjoni fuq dan il-permess u lanqas permess fl-istess post li għad irid jiġi deċiż.

San Ġiljan u Tas-Sliema – enforcement notices pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7837 fejn jingħad li hemm 18-il enforcement notice pendenti ġewwa San Ġiljan u 22 ġewwa Tas-Sliema, jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-enforcement notices pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma wkoll li mid-data tas-sottomissjoni tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7837 sal-lum, żdied enforcement notice wieħed, pendenti ġewwa San Ġiljan.