Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — persuni li għandhom mobile allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom mobile allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9554, ninformah li hemm 13-il persuna li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti jew jaħdmu mas-Segretarjat tiegħi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ċint li jinsab ħiereġ fi Triq G. F. Agius De Soldanis f’Santa Venera, huwiex qiegħed jipprotrudi fuq triq pubblika u jostakola l-via tat-triq? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din tiġi regolata jekk ma tkunx konformi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9897 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi waqfien mix-xogħol li għaddej fi Triq il-Kbira, ġewwa Tas-Sliema, u meta dan ix-xogħol hu maħsub li jitlesta peress li x-xogħol issa ilu għaddej minn Jannar u hemm anke garaxxijiet li ilhom dawn ix-xhur kollha bblukkati mingħajr ma ġew avżati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet kellhom jitwaqqfu temporanjament wara rakkomandazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali sakemm tiġi sottomessa informazzjoni mitluba. Xogħlijiet ta’ skavar u bini ta’ parti mit-triq mill-ġdid se jitkomplew fil-jiem li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7767 dwar tiswija tal-culverts fi Triq Hompesch li hija t-triq prinċipali tal-Fgura, minkejja li l-Ministru fis-17 ta’ April 2023 wiegħed li x-xogħol se jibda fil-ġimgħat li ġejjin u sal-lum għadu ma bediex, jista’ jgħid meta huwa ppjanat li jibda u jintemm dan ix-xogħol? Peress li fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju se tkun iċċelebrata l-festa tal-parroċċa fejn it-triq tkun magħluqa u ovvjament jgħaddu n-nies mit-triq, u peress li l-pjanċi temporanji li hemm bħalissa żgur se jkunu ta’ periklu għan-nies għaliex faċilment jistgħu jaqgħu fihom, f’każ li jweġġa’ xi ħadd min se jkun responsabbli, il-Gvern, il-kuntrattur jew xi entità oħra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru qed tagħmel l-almu tagħha biex tikkoordina bl-aħjar mod dawn ix-xogħlijiet previsti flimkien mal-kuntrattur, l-awtoritajiet regolatorji rilevanti kollha, il-partijiet interessati u n-negozji sabiex tara t-tlestija b’suċċess tax-xogħlijiet ta’ tiswija maħsuba filwaqt li jkun hemm l-inqas tfixkil possibbli u b’miżuri siguri fit-toroq kollha, għal utenti u attivitajiet kummerċjali fiż-żona.
Sadanittant aħna se niżguraw li s-setup temporanju magħmul minn pjanċi tal-azzar ma joħloqx periklu għall-attivitajiet li ġejjin.
Fgura – Triq il-Karmelitani – restawr tal-knisja l-qadima u tal-kunvent
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7766, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, u ċjoè: B’referenza għall-knisja l-qadima li tinsab fi Triq il-Karmelitani, il-Fgura, u li nbniet fil-bidu tas-snin 50 fuq pjanti tal-Perit Ġużè D’Amato, jista’ l-Ministru jikkonsidra li l-faċċata ta’ din il-knisja u l-kunvent aġġunt jiġu restawrati peress li dawn huma landmark ewlenin tal-lokalità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li la l-Knisja u lanqas il-kunvent inkwistjoni mhuma proprjetà tal-Istat.
Il-Fgura – Vjal Kottoner – parti minn triq li qed tisfronda
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3222 dwar periklu fi Vjal Kottoner fejn it-triq qed tisfronda u fejn il-Ministru fid-19 ta’ Ottubru 2022 ikkonferma li x-xogħol se jibda fil-ġimgħat li kienu ġejjin u s’issa, seba’ xhur u nofs wara, dan il-periklu għadu hemm, jista’ l-Ministru jgħid meta se jitneħħa dan il-periklu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li pitgħada Infrastructure Malta se tkun qed tagħmel xogħol bil-hot asphalt fejn it-triq qed tisfronda bħala miżura temporanja sakemm jibda l-proġett ta’ bini mill-ġdid tat-triq, li se jkun qed jibda mit-Triq il-Kunsill tal-Ewropa sa Vjal il-Kottoner fil-Fgura.
Raħal Ġdid – Knisja Santa Ubaldeska – restawr tal-faċċata
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, f’Raħal Ġdid, isir tul din is-sena u jekk le, jgħid għaliex ma jistax isir?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Bdil fis-sistema preżenti tat-traffiku f’Ħal Tarxien
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6656 u 6844, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-disinni u l-pjani għat-toroq indikati ta’ Ħal Tarxien?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tara kif jista’ jiġi mtejjeb l-andament tat-traffiku fil-junctions ta’ fejn it-toroq msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari numru 6844 jingħaqdu ma’ Triq Tal-Barrani. Sussegwentement, dan ser jirriżulta f’numru ta’ proposti li ser jiġu kkunsidrati għall-analisi iktar fid-dettall. Madanakollu għad ma hemm xejn konkluż.
San Pawl il-Baħar – applikazzjonijiet għal zebra crossings jew pelican crossings
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-applikazzjonijiet pendenti li għandha Transport Malta għal zebra crossings jew pelican crossings fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil- lokalità ta’ San Pawl il-Baħar Transport Malta għandha applikazzjoni waħda li hija pendenti għal żebra crossing fi Triq it-Trunċiera. Din qed tiġi evalwata.
San Ġiljan – Telgħet B’Kara – problema tat-traffiku
Question
Fid-dawl li f’Telgħet B’Kara, f’San Ġiljan, meta wieħed jitla’ min-naħa ta’ fejn hemm l-Independent News, hemm problema tat-traffiku, jista’ l-Ministru jara Transport Malta x’tista’ tagħmel biex dan ma jibqax?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi riċentement, fil-junction imsemmija (ta’ fejn L-Independent News f’San Giljan) tneħħew it-traffic lights u t-traffiku fiż-żona jidher li qed jimxi aħjar. Transport Malta għamlet ukoll rakkomandazzjoni lill-Infrastructure Malta għal-redesign tal-junction li għandu ukoll jippermetti flow tat-traffiku aħjar jiffaċilita l-fluss tat-traffiku. Birkirkara Hill hija triq residenzjali u għaldaqstant, il-kunsill għandu javviċina lill-Awtorita’ sabiex jekk hemm problemi, dawn ikunu jistgħu jiġu indirizzati.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq Santa Margerita, fis-Siġġiewi, u meta mistenni li tingħata wiċċ ġdid?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta fi Triq Santa Margherita, Siġġiewi huma previsti li jitlestew sal-aħħar ta’ Settembru 2023, inkuż wiċċ ġdid t’asfalt.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9256 u jgħid kemm swew l-iscreens elettroniċi tat-traffiku li hawn installati madwar pajjiżna u x’effett pożittiv ħallew fuq il-qagħda tat-traffiku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex fir-rigward ta’ spiża jirreferi għar-risposta mogħtija għal PQ9717.
Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tuża l-Variable Message Signs sabiex fost avviżi oħra, bħal limitu tal-veloċità, tavża lis-sewwieqa sabiex jużaw rotot alternattivi f’każ li jkun hemm xi għeluq ta’ toroq prinċipali jew xi inċidenti serji f’toroq partikulari li jikkawżaw it- traffiku. Għaldaqstant u possibbilment jitnaqqas l-inkonvenjent fit-toroq tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9255 u jgħid kemm swew l-iscreens elettroniċi tat-traffiku li hawn installati madwar pajjiżna biex inxtraw? Jista’ jgħid ukoll kemm swiet it-tiswija jew iċ-ċaqliq tagħhom, kif ukoll kemm jiswew biex jibqgħu jaħdmu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tikkonsidra il-Variable Messaging signs (VMS) bħala għodda addizzjonali importanti sabiex tikkomunika mas-sewwieqa b’mod dirett. Għaldaqstant il-messaġġi, li jvarjaw, ħafna drabi jkunu relatati mas-sigurtà tas-sewwieq li jinbidlu kontinwament skont l-esiġenzi ta’ ċirkostanzi. Ta’ min wieħed jgħid li bħalissa wħud minn dawn l-iskrins mhux jintużaw minħabba li qed issirilhom manutenzjoni.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex inxtraw l-iskrins elettriċi tat-traffiku ntefqu €692,027.58 u dawn kienu parti mill-MODUS project. L-iskrins elettriċi tal-Kappara swew €137,925.52.
Fir-rigward ta’ manutenzjoni bħalissa qed issir minn nies ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9254 u jipprovdi tabella bil-messaġġi li ntwerew fuq l-iscreens elettroniċi tat-traffiku li hawn installati madwar pajjiżna għal dawn l-aħħar tliet xhur?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tikkonsidra l-Variable Messaging signs (VMS) bħala għodda addizzjonali importanti sabiex tikkomunika mas-sewwieqa b’mod dirett. Għaldaqstant il-messaġġi, li jvarjaw, ħafna drabi jkunu relatati mas-sigurtà tas-sewwieqa li jinbidlu kontinwament skont l-esiġenzi ta’ ċirkostanzi. Ta’ min wieħed jgħid li bħalissa wħud minn dawn l-iscreens mhux jintużaw minħabba li qed issirilhom manutenzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista’ ta’ eżempji ta’ messaġġi li jintwerew fuq l-iscreens elettroniċi tat-traffiku.
Food couriers li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li jaħdmu bħala Food Couriers u jsuqu l-mutur li kienu involuti f'xi inċident tat-traffiku matul is-snin 2021 u 2022, xahar b'xahar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9903 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat
Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta’ toroq li Infrastructure Malta għandha fil-ħsieb jew fil-pjanijiet tagħha biex isiru fit-12-il xahar li ġejjin għal-lokalitajiet ta’ Birżebbuġa, Żurrieq, Mqabba, Qrendi, Ħal Safi, Ħal Kirkop u Ħal Farruġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li ġew konklużi diversi pjanijiet mal-Kunsilli Lokali ta’ għadd ta’ lokalitajiet, fadal xi dettalji minuri li għad iridu jiġu diskussi rigward il-pjan ta’ xogħol infrastrutturali f’Birżebbuġa, Żurrieq, Imqabba, Qrendi, Ħal Safi, Ħal Kirkop u Ħal Farruġ mal-Kunsilli rispettivi.
Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta’ toroq li Infrastructure Malta għandha fil-ħsieb jew fil-pjanijiet tagħha biex isiru fit-12-il xahar li ġejjin għal-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li ġew konklużi diversi pjanijiet mal-Kunsilli Lokali ta’ għadd ta’ lokalitajiet, fadal xi dettalji minuri li għad iridu jiġu diskussi rigward il-pjan ta’ xogħol infrastrutturali f’Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi mal-Kunsilli rispettivi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-press conference tal-ftuħ tal-proġett tal-Imsida?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-proġett ta’ Msida Creek, Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru ssottomettiet pjanti ġodda b’faċilitajiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar, inkluż mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti. Id-disinn propost għal dawn it-toroq se jelimina l-ħin ta’ stennija tat-traffic lights, kif ukoll inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji ta’ aċċidenti tul din ir-rotta arterjali, waqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja fil-qalba tal-Imsida u f’żoni oħra fil-viċinanzi. L-ispejjeż fir-rigward tal-press conference ammontaw għal total ta’ €4,213, liema spejjeż tħallsu bejn il-Ministeru u Infrastructure Malta.