Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sannat Għawdex – diskussjonijiet dwar modifiki fid-disinn għall-junction

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar meta bdew u fiex waslu d-diskussjonijiet, (xahar u sena) bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta' Sannat u meta huma ppjanati li jiġu konklużi, , dwar modifiki fid-disinn għall-junction fid-daħla prinċipali tar-raħal tas-Sannat Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, wara numru ta’ diskussjonijiet tekniċi, Transport Malta ħarġet l-ittra ta’ approvazzjoni lill-kunsill lokali tas-Sannat fis-6 ta’ Marzu 2020 għad-disinn tal-junction fid-daħla tar-raħal tas-Sannat.

BRO — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-impjegati tal-Building Regulations Office u l-kwalifiċi akkademiċi rispettivi tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma hemx impjegati mal-Building Regulations Office (BRO) iżda dawn ġew detailed mal-Building and Construction Agency (BCA) li l-lista taghhom qiegħda hawn taħt; Job Title Number of Staff Chief Executive Officer 1 Chief Officer 2 Chief Architect 1 Officer In grade 5 1 Senior Architect & Civil Engineer 2 Senior Engineer 1 Operations Manager 4 Senior Principal 2 Administrative Officer 1 Teacher 1 Principal 1 Principal Technical Officer 2 Senior Technical Officer 1 Instructor 1 Foreman 2 ICT Support Assistant 1 Senior Clerk 2 Clerk 1 Senior Operative IV 3 Total Staff 30

Il-Gudja — Żona ta' Bir Miftuħ - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13079 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-method statement tax-xogħlijiet li għaddejjin fl-akkwati taż-żona ta’ Bir Miftuħ fil-Gudja?

Response (BORG, IAN)

Ikun apprezzat jekk jiġi speċifikat eżattament f’liema post u x’tip ta’ xogħlijiet qed issir referenza għalihom.

Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – Road Safety Audit

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Road Safety Audit ta’ Triq Lewis Wettinger (Bypass) fil-Mellieħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li l-ewwel stadju ta’ r-Road Safety Audit ta’ Triq Lewis Wettinger fil-Mellieħa sar f’Lulju 2018 u qed inpoġġuh fuq il-Mejda tal-Kamra.

Building Regulation Office — spezzjonijiet

Question

B'referenza għall-ispezzjonijiet (ammont ta' 900 spezzjoni ) li l-Prim Ministru għamel referenza għalihom waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament nhar it-Tlieta 3 ta' Marzu meta kien qed jitkellem fuq it-traġedja li seħħet f'Santa Venera fil-jum ta' qabel, jista' l-Ministru jgħid kemm saru minn dawn l-ispezzjonijiet mill-Building Regulation Office, meta saru (data ta' kull spezzjoni) u fejn saru (lokalità b'lokalità)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ spezzjonijiet mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mosta – xogħol bħala community gain minn stabbiliment

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12543, jista’ l-Ministru jgħid b’referenza għall-imsemmija community gain fil-komunità tal-Mosta, meta se jsir ix-xogħol li kien mistenni li jsir, u x’passi qed jieħdu l-awtoritajiet konċernati sabeix ikun żgurat li dak li kien imwiegħed li jsir, fir-realtà jsir?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, il-permess oriġinali kien jitlob garanzija bankarja ta’ €15,000 sabiex l-iżviluppatur ikopri parti mill-ispejjeż għat-titjib tar-road junction bejn Triq Pantar, Triq il-Belt Valletta u r-roundabout fl-istess toroq. Wara deċizjoni li ttieħdet fl-2015 mill-istess Awtorita’ sabiex it- traffic signal junction f’ Pantar Road/ Valletta Road jiġu mneħħija u terġa tiġi għall-użu oriġinali tagħha bħala priority junction . Għaldaqstant il-fondi depositati taħt il-garanżija bankarja ġew relokkati u saret il-kostruzzjoni ta’ bankina u road markings meħtieġa bejn id-dħul ta’ Pantar Road min Durumblat road sal-parti ta’ isfel ta’ Pantar Road.

Central Link Proġett — rabà

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li jindika kemm qed tittieħed rabà (f’kejl u fejn) biex isir il-proġett ta’ Central Link? Jista’ jgħid x’inhu l-kumpens li l-Gvern qed iħallas għar-rabà li qed jittieħed? Jista’ jgħid kemm se jinqalgħu siġar u fejn se jergħu jiġu transplanted?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li c-Central Link Project huwa investiment ta’ Infrastructure Malta biex jonqos il-ħin fl-ivvjaġġar, titjieb il-kwalità tal-ajra u jinħolqu spazji aktar siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali. Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett li ilu tant mistenni bdew f’Jannar wara li l-pjanijiet tiegħu kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u studjati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019. F’Novembru li għadda, dawn il-pjanijiet ġew approvati wkoll mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, li ċaħad talba minn xi għaqdiet u seba’ individwi biex jiġu revokati l-permessi tal-proġett. F’Diċembru, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili wkoll irrifjutat talba biex jinħareġ mandat t’inibizzjoni li saret mill-istess appellanti. Imbagħad fi Frar, kien hemm il-ħames konferma għal dan il-proġett, meta l-Qorti tal-Appell ċaħdet l-argumenti kollha li saru mill-istess organizzazzjonijiet u ftit individwi fl-appell li dawn għamlu biex iwaqqfu l-proġett. Is-Central Link Project huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006, li diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Infrastructure Malta tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fost oħrajn, fil-pjanijiet oriġinali tal-2006 kien maħsub li tittieħed art mhux żviluppata għal triq ħafna aktar wiesa’, mill-inqas erba’ korsiji mhux tnejn biss kif qed isir permezz ta’ Central Link Project. Fl-istess waqt, il-pjan ta’ Infrastructure Malta jżid ukoll infrastruttura ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona. It-Transport Master Plan 2025 tal-pajjiż ukoll jelenka l-importanza ta’ dan l-investiment, waqt li jidentifika r-rotta bejn Triq l-Imdina u Triq in-Nutar Zarb bħala t-12 minn 29 intervent kruċjali li jeħtieġ isiru b’mod urġenti għal aktar sigurtà u effiċjenza fit-toroq ewlenin ta’ pajjiżna li jagħmlu parti min-network TEN-T tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajji¿ u li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta se tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti. Ix-xogħlijiet bdew wara li tim t’esperti għamlu proċess ta’ ppjanar metikoluż, li kien jinkludi konsultazzjoni pubblika u studju komprensiv dwar l-impatt ambjentali. Dan l-istudju indipendenti janalizza l-benefiċċji u l-impatti li se jkollu l-proġett mhux biss fl-immedjat, imma wkoll f’terminu medju ta’ żmien u fit-tul. Wara li jikkunsidrati proposti differenti dwar kif jista’ jiġi mtejjeb in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż, l-istudju jidentifika l-pjan tas-Central Link Project bħala l-aħjar soluzzjoni biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ajra, sostenibbiltà ambjentali kif ukoll biex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar. L-istudji xjentifiċi jikkonfermaw li jekk ma tiġix imtejba l-infrastruttura preżenti, il-problemi li ta’ kull jum qed jolqtu lil eluf ta’ persuni se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, skont dawn l-istudji, jekk ma tiġix imtejba s-sistema ta’ toroq e¿istenti fl-inħawi, biex tivvjaġġa mill-Imrieħel sa Ta’ Qali ddum sagħtejn u kwart litteralment iġġamjat fit-traffiku, b’veloċità ta’ 1.83km fis-siegħa. Fuq kollox dawn l-istudji juru li permezz ta’ Central Link Project, il-ħin tal-ivjaġġar se jonqos bin-nofs, anke meta tqis żidiet fid-domanda għat-trasport li jista’ jkun hemm fil-futur. L-istudju dwar il-kwalità tal-arja li sar bħala parti mill-EIA, li huwa bbażat fuq monitoraġġ tal-arja li sar fl-2018 f’diversi nħawi matul ir-rotta, juri l-effetti ħ¿iena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, it-trab iswed fl-inħawi, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, jiżdied b’278% sal-2030. It-trab iswed u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-akbar ¿ewġ sorsi ta’ tniġġis ikkaġunat mill-emissjonijiet tal-karozzi. Bis-Central Link Project tkun eliminata l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis fit-trab iswed sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%. Il-pjanti finali tal-proġett sarilhom diversi titjib fuq id-disinnji oriġinali li kienu tħabbru fl-2018. It-triq b’żewġ korsiji li se tinbena fit-tarf ta’ Ħ’Attard biex tkun eliminata l-konġestjoni mill-qalba ta’ din il-lokalità issa tbiegħdet aktar mill-inħawi residenzjali. Din it-triq ġdida se taqdi l-istess funzjoni li kien se jkollha l-bypass b’erba’ korsiji li kienet tfasslet fl-2006, imma teħtieġ ħafna inqas art lilhinn mit-toroq eżistenti meta tqabbilha mal-ammont t’art meħtieġa kieku kellu jitwettaq il-pjan tal-2006. B’dan it-titjib, l-ammont ta’ art barra lilhinn mit-toroq eżistenti li se tittieħed naqas għal 46,800 metru kwadru. Din l-art tinkludi art agrikola u artijiet oħra mittiefsa li jintużaw għal raġunijiet oħra, fost oħrajn. Tagħrif dwar il-post eżatt ta’ fejn jinsabu dawn l-artijiet jista’ jinkiseb mill-pjanti tal-proġett, li ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba għall-mistoqsija 12905 li saret mill-istess Onor. Vassallo. Tagħrif dwar il-proċess t’esproprijazzjoni jew terminazzjoni ta’ kirjiet ta’ artijiet meħtieġa sabiex isir dan il-proġett jista’ jinkiseb mill-Awtorità tal-Artijiet, li tmexxi dawn l-istess proċeduri. Meta dan il-proġett ikun lest, f'din iż-żona f’Birkirkara, ĦalBalzan u ĦAttard se jkollna mat-333 aktar siġar milli hemm illum. Dan ifisser li ser jitħawlu ħafna aktar siġar ġodda milli jeħtieġ jinqalgħu. Fil-fatt, sabiex isiru l-korsiji, bankini u l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq f’Malta, dan il-proġett jeħtieġ li jitneħħew jew jittressqu f’postijiet oħra mal-455 siġra. Ħafna minn dawn is-siġar ser jitħawlu mill-ġdid fl-istess inħawi tal-proġett jew f’inħawi oħra fil-qrib. Ħafna siġar oħra huma speċi inva¿ivi mhux indiġeni. Fiż-żoni ġodda msebbħa bis-siġar u pjanti li Infrastructure Malta se toħloq permezz tal-proġett, se jitħawlu aktar minn 580 siġra indiġena ġdida. Fl-istess waqt, ħafna siġar ġodda oħra ser jitħawlu f’inħawi oħra f’dawn il-lokalitajiet u f’żoni oħra f’Malta. Fil-fatt din il-ħidma ta’ tħawwil ta’ siġar diġa bdiet is-sena li għaddiet biż-żieda ta’ 8,719-il siġra f’postijiet differenti f’Malta. Dis-sena Infrastructure Malta diġa ħawlet aktar minn 2,500 siġra ġdida f’postijiet oħra. Ħafna aktar se jitħawlu matul il-kumplament tas-sena.

Toroq — nefqa

Question

Peress li l-Gvern wiegħed li ser jonfoq €700 miljun fuq it-toroq, jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu s'issa? Kemm għandu target li jonfoq dis-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-pjan fit-tul tal-Gvern sabiex gradwalment nagħmlu qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità, s-sigurezza, s-sostenibilità u l-effiċjenza tal-infrastruttura li jużaw ta’ kuljum il-familji u n-negozji f’pajjiżna, fosthom is-sistema tat-toroq, qed jitwettaq b’ritmu u determinazzjoni bla preċedent. Permezz tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, il-Gvern qed iwettaq proġetti madwar il-pajjiż kollu, mhux biss b’titjib kbir fit-toroq arterjali, residenzjali, rurali u oħrajn, iżda anke f’infrastruttura oħra, fosthom l-istrutturi li jintużaw minn diversi setturi marittimi madwar fil-portijiet u ma’ xtut oħra f’Malta u Għawdex. Minbarra proġett t’għexieren ta’ miljuni bħall-flyovers tal-Marsa Junction Project, il-mini tar-roundabout ta’ Santa Luċija, Central Link Project, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Buqana, il-Marsa-Ħamrun Bypass, Triq Diċembru 13, Triq tal-Balal, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok bejn Bormla u ż-Żejtun, Triq Ħal Luqa f’Santa Luċija u Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi f’Ħal Luqa, din l-aġenzija qed twettaq ukoll programm estensiv ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali. Fil-fatt, is-sena li għaddiet lestiet mal-130 minn dawn it-toroq, li fihom jgħixu eluf ta’ familji. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq 50 oħra u fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fuq madwar 150 oħra. Nistgħu nsemmu wkoll investimenti kbar li qed isiru għal aktar sostenibilità fit-toroq, fosthom il-proġett li permezz tiegħu qed jitħawlu eluf ta’ siġar ġodda f’ħafna postijiet mal-ġnub tat-toroq, kif ukoll infrastruttura ġdida għal dawk li jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, bħal pereżempju l-pontijiet pedonali ta’ Blata l-Bajda, Vjal l-Avjazzjoni, bejn Ħal Luqa u l-Gudja, u Triq Dom Mintoff f’Kordin, Raħal Ġdid. Dan kollu jista’ jsir għaliex il-Gvern alloka fond bla preċedent għat-twettiq tal-wegħda tiegħu li jistinka għal toroq aħjar. Fil-fatt, is-sena li għaddiet Infrastructure Malta investiet mal-€103.2 miljun f’fondi tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea għal xogħlijiet ta’ titjib fit-toroq u infrastruttura oħra marbuta magħha. Dis-sena, l-istess aġenzija għandha pjanijiet li twettaq b’kemm jiswew €110 miljun f’din l-istess ħidma.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn karozzi li jaħdmu bl-elettriku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu għandhom 37 vettura li jaħdmu bl-elettriku. Tmienja minn dawn huma mislufin lil Ministeri jew entitajiet oħrajn.

Applikazzjoni għal double yellow line quddiem garaxx — regolamenti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti li llum huma applikabbli għal min ikun irid japplika sabiex quddiem garaxx, minħabba d-djuq ta’ triq u għaliex it-triq tkun one way, ikun jeħtieġ id-double yellow line faċċata tal-garaxx?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-linji gwida huma skont kif ippublikati fuq il-paġna eletronika ta’ Transport Malta. Dan id-dokument jinsab aċċessibli għal pubbliku u online, filwaqt qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra ‘screenshots’ tal-paġna indikata fil-website hawn taħt; https://www.transport.gov.mt/Policy-Guidance-TMRSD-OPERATING-PROCEDURE-Revised-June-2016.pdf-f1751 Referenza speċifika Chapter 5.3 Unimpeded Access to Garages.

OHSA – Project Supervisor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: 1. Kemm jammontaw il-persuni reġistrati mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-kompetenza ta’ Project Supervisor? 2. Kemm-il site jista’ jissorvelja simultanjament Project Supervisor skont l-OHSA u kemm tippermetti l-liġi? u 3. Kemm jitħallas Project Supervisor għal perjodu ta’ sena u għal liema danni finanzjarji legali hu/hi espost/a kemm-il darba b’negliġenza jew nuqqas ta’ ħidma professjonali ma jsirx xogħol adekwat f’siti jew żoni ta’ kostruzzjoni?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Mellieħa – Triq Lewis Wettinger — spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' x'kienu l-ispejjeż li ntefqu sa issa fuq xogħlijiet li saru fuq Triq Lewis Wettinger (By Pass) fil-Mellieħa bejn Jannar 2018 u Frar 2020?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Louis Wettinger, jew kif inhi magħrufa l-Bypass tal-Mellieħa, inbniet mill-ġdid fl-2018 b’investiment ta’ €2.8 miljun sabiex tkun aktar sigura għal dawk kollha li jużawha. Fost oħrajn, f’din it-triq saret struttura ġdida tal-konkos biex issaħħaħ l-ilqugħ mal-ġenb tal-karreġġjata tat-tramuntana, fuq ir-riħ tal-Miżieb. Ġie introdott ukoll tagħmir ġdid ta’ crash barriers mal-ġnub tal-karreġġjati u central strip ġdida bil-crash barriers fin-nofs, bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti. It-triq kollha, li qabel qatt ma kienet imdawla, saritilha wkoll sistema ġdida ta’ lampi LED fuq arbli. Fl-istess waqt, flimkien mal-erba’ korsiji għall-karozzi, tnejn f’kull direzzjoni, din il-Bypass issa għandha wkoll korsija għar-roti b’tul ta’ 1.4 kilometri. Il-proġett kien jinkludi wkoll disinn ġdid ta’ uħud mill-junctions bejn din it-triq u toroq oħrajn li jinfdu magħha, fosthom it-triq tal-Miżieb u toroq oħrajn li jwasslu għaż-żoni residenzjali tal-Mellieħa. Wara li tlestew ix-xogħlijiet, bħalma jiġri f’kull proġett ta’ dan it-tip, Infrastructure Malta kkummissjonat it-testijiet tekniċi biex tivverifika l-kwalità tax-xogħol li jkun sar. Dawn it-testijiet ikkonfermaw li partijiet mill-wiċċ tal-asfalt tat-triq kien jeħtieġ li jitranġaw. Ix-xogħlijiet ser isiru mill-kuntratturi tal-proġett, bi spejjeż għalihom, bħalma jiġri normalment f’każijiet bħal dawn. It-tiswijiet kienu skedati li jsiru kmieni s-sena l-oħra. Madankollu, Infrastructure Malta talbet lill-kuntratturi jipposponuhom, peress li fl-istess inħawi kienu għaddejjin proġetti oħrajn li kienu jeħtieġu li Triq Louis Wettinger tintuża bħala rotta alternattiva. Fost dawn kien hemm il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Marfa, bejn il-Mellieħa u l-Għadira, u l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Wilġa u t-tiswijiet ta’ Triq il-Mellieħa, fir-rotta ewlenija bejn il-Mellieħa, il-Manikata u Għajn Tuffieħa. Infrastructure Malta kienet talbet ukoll li ma jsirux xogħlijiet fil-Bypass matul is-sajf, peress li din tinsab fir-rotta ewlenija lejn Għawdex u lejn diversi bajjiet popolari fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Għaldaqstant, l-ewwel xogħlijiet ta’ tiswijiet fil-Bypass bdew lejn l-aħħar tal-2019 fejn fl-istess ħin, fuq talba li għamel il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sar ukoll tisħiħ tas-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita fl-istess parti ta’ din it-triq. Barra minn hekk, l-aġenzija saritilha wkoll talba separata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex f’parti oħra tat-triq jsiru pajpijiet ġodda għal proġett ġdid li bdiet twettaq ftit tax-xhur ilu. Għalhekk, it-tiswijiet tal-asfalt li kienu ordnati lill-kuntrattur minn Infrastructure Malta se jsiru fix-xhur li ġejjin wara li jitpoġġew dawn il-pajpjiet meħtieġa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Iċ-ċertifikazzjoni finali tkun disponibbli meta jitlestew ix-xogħlijiet kollha, inkluż ix-xogħol li ma laħaqx il-livell stabbilit u li se jagħmel tajjeb għalih il-kuntrattur, kif ukoll ix-xogħol addizzjonali li ntalab fl-aħħar xhur minħabba l-proġett ġdid tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u li se tħallas għalih hi. Mhux veru li ttieħdet parti mit-triq, imma s-service road kienet skemata li ssir u eventwalment din se tkompli tingħaqad ma’ toroq oħrajn fl-inħawi meta dawn iż-żoni jiġu żviluppati mis-sidien tagħhom. Din swiet €217,441 (VAT inkluż). Il-korsija għar-roti se tibqa’ kif kienet meta t-triq inbniet mill-ġdid fl-2018 u mhux previst li jsir l-ebda tibdil fiha.

Mellieħa – Triq Lewis Wettinger — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet saru fuq Triq Lewis Wettinger (By Pass) fil-Mellieħa bid-dati (data, xahar u sena) ta' meta saru x-xogħlijiet fuq l-istess triq bejn Jannar 2018 u Frar 2020?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 13418 tal-istess Seduta.

Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – xogħlijiet – ċertifikazzjoni tal-periti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikazzjoni tal-periti tax-xogħlijiet kollha li saru fuq Triq Lewis Wettinger (ByPass) fil-Mellieħa bejn Jannar 2018 u Frar 2020?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 13418 tal-istess Seduta.

Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – service road

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s-service road li saret meta ttieħdet parti minn Triq Lewis Wettinger (Bypass) fil-Mellieħa quddiem il-binja li nbniet fl-istess triq u min għamel tajjeb għall-ispejjeż tal-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 13418 tal-istess Seduta.

Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – bike lane

Question

Wara x-xogħlijiet li reġgħu saru fl-aħħar ġimgħat fi Triq Lewis Wettinger (By Pass) fil-Mellieħa, jista' l-Ministru jgħid jekk il-bike lane hiex ser tibqa tul it-triq kollha? Jista’ jgħid kemm ser tkun wiesa' l-istess bike lane jekk kemm-il darba se tkun tul il-Bypass kollha?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 13418 tal-istess Seduta.

Toroq Residenzjali

Question

B'referenza għall-istqarrija pubblika, maħruġa fl-20 ta' Frar 2020, jista' l-Ministru jgħid: a. kemm hawn b'kollox toroq residenzjali f'Malta; b. kemm hemm b'kollox toroq residenzjali f'Għawdex; c. jagħti lista tal-130 Triq bl-isem u lokalità li skont din l-istqarrija tlestew matul l-ewwel sena mill-proġett ta' seba' snin li se jiswa €700 mitt miljun; d. jagħti lista separata kemm minn dawn it-toroq kienu f'Għawdex u jagħti lista tagħhom; u e. f'kull każ jgħid meta nbeda x-xogħol fuq kull triq li saret kemm f'Malta u kemm f'Għawdex, meta spiċċa l-istess xogħol, mil-liema kuntrattur sar u kemm sewa x-xogħol fuq dik it-triq għal kull triq?

Response (BORG, IAN)

L-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex jipprovdi kwalsiasi konsulenza taħt kwalsiasi isem (bħal contract of service,contract for service eċċ.) f’kwalsiasi entità fid-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandu kuntratt bi ħlas ta' €3000 fix-xahar għal servizzi legali li jipprovdi lill-Awtorità tal-Artijiet, liema kuntratt ġie ffirmat għall-ewwel darba fit-30 ta' Awwissu 2017.

Għawdex — trasport fil-jiem tal-Karnival

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13099, jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tat-Trasport fuq operaturi li provdew trasport f'Għawdex għall-pubbliku matul il-jiem tal-Karnival 2020 u li mhumiex soltu jipprovdu trasport fil-gżira Għawdxija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-uffiċjali ta’ Transport Malta ġewwa Għawdex ħadu ħsieb li jagħmlu numru ta’ spezzjonijiet fuq kull qasam ta’ transporti pubbliku inkluż servizz mogħti minn operaturi li mhux normali jaħdmu fil-gżira Għawdxija. Barra minn dan l-istess uffiċjali ħadu ħsieb l-immaniġġar ta’ traffiku kbir li kien hawn f’Għawdex fil-ġranet tal-Karnival.