Infrastruttura Malta — soluzzjoni għall-problema ta’ konġestjoni ta’ traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-ippjanar mill-Awtorità għat-Trasport f'Malta u/jew tal-Aġenzija għal Infrastruttura Malta sabiex tissolva l-problema kbira ta' konġestjoni tat-traffiku li jiltaqgħu magħha s-sewwieqa b'mod partikolari fil-ħinijiet ta' filgħodu biex joħorġu mis-Siġġiewi lejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi u ċjoè fil-parti fejn tinsab ir-roundabout bejn Triq is-Siġġiewi u Triq l-Imdina f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’sodisfazzjon ninnota li l-Oppożizzjoni qed tkompli tirrealizza l-b¿onn li ninvestu bi sħiħ fit-titjib tat-toroq, wara li għal għexieren ta’ snin ma sarux l-interventi meħtieġa biex din l-infrastruttura tibqa’ tlaħħaq mal-ħtieġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-familji u n-negozji Maltin, waqt li ssostni b’mod sħiħ il-progress ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. Ninnutaw ukoll li l-istess Oppożizzjoni, inqas minn sena ilu, ivvutat kontra t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta. Nifirħu lill-Oppożizzjoni li issa mhux biss qed taqbel mat-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, iżda saħansitra qed tieħu interess fil-ħidma tagħha u taqbel li din l-aġenzija hija strumentali biex pajjiżna jkollu infrastruttura aħjar.
Il-Gvern dejjem poġġa t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħu. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Il-junction li qed jirreferi għaliha tinsab fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ f’waħda mir-rotot ewlenin bejn in-naħa ta’ fuq u u l-punent ta’ Malta fid-direzzjoni lejn Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħal Qormi u ħafna lokalitajiet fin-nofsinhar ta’ Malta.
Fix-xhur li għaddew il-Gvern diġa wettaq diversi xogħlijiet sabiex itejjeb l-effiċjenza, s-sigurtà u l-kwalità ta’ din ir-rotta. Fost oħrajn, inbnew mill-ġdid erba’ roundabouts fĦaż-Żebbuġ u Ħal Qormi sabiex ikollhom kapaċità akbar u inqas riskji ta’ aċċidenti. B’hekk jintilef inqas ħin fl-ivvjaġġar u jkun hemm inqas konsegwenzi tal-konġestoni, bħal tniġġis tal-arja u storbju. Fl-istess waqt, għaddej ukoll il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi, li magħha tingħaqad Triq l-Imdina fid-direzzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u n-nofsinhar ta’ Malta. Dawn ix-xogħlijiet diġa qed iwasslu għal tnaqqis sostanzjali fil-ħin tal-ivvjaġġar għal dawk li jużaw din ir-rotta, fosthom ir-residenti tas-Siġġiewi.
Infrastructure Malta dalwaqt se tibda twettaq ukoll Central Link Project, li jinkludi l-bini mill-ġdid tar-rotta alternattiva ta’ Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ, jiġifieri t-toroq arterjali bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Dan huwa proġett li kellu jsir ħafna snin ilu iżda l-Gvern ta’ dak iż-żmien ħalla kollox fuq l-ixkaffa, bil-konsegwenza li dawn ir-rotot issa m’għadhomx ilaħħqu mal-ħtiġijiet tat-trasport tal-pajjiż u qed joħolqu diffikultajiet lil eluf ta’ familji. Permezz ta’ Central Link Project ser jonqsu wkoll id-diffikultajiet fuq Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ u l-konnessjonijiet tagħha, hekk kif jinħolqu rotot alternattivi aktar effiċjenti minn dawk li hemm illum biex nivvjaġġaw minn u lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Madankollu, dan m’huwiex biżżejjed. Il-ħidma ta’ titjib u aġġustament tas-sistema tat-toroq ta’ pajjiżna huwa proċess kontinwu u għalhekk Infrastructure Malta diġa qed tħejji pjanijiet għal aktar titjib, fosthom tal-junction imsemmija fi Triq is-Siġġiewi, sabiex din ukoll issir aktar effiċjenti u sigura. Sadanittant, Infrastructure Malta qed tikkollabora wkoll ma’ entitajiet u awtoritajiet oħra sabiex l-immaniġġjar tat-traffiku f’din iż-żona jkompli jitjieb anke bl-għajnuna ta’ uffiċjali f’diversi postijiet f’din ir-rotta biex jiżguraw li l-aċċess bejn Triq is-Siġġiewi u Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ ikompli jitjieb.
Lil’hinn mill-pjan ta’ titjib fil-kwalità tat-toroq għas-snin li ġejjin, il-Gvern qed jaħdem ukoll sabiex fil-futur ikollna aktar mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar, li mhux biss ikunu aktar effiċjenti iżda jkunu wkoll ferm aktar sostenibbli.