Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġdid għas-Saħħa Mentali — pjanijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu l-pjanijiet biex jinfetaħ sptar ġdid għas-saħħa mentali ħdejn l-Isptar Mater Dei? Meta huwa maħsub li dan jinbeda u jinfetaħ għall-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa qed isir id-diżinn iddettaljat tal-proġett, li fuqu jkunu ibbażati id-dokumenti li jkunu meħtieġa mill-Awtorita tal-Ippjanar biex jinħarġu l-permessi neċessarji.

Sptar Mount Carmel — pjanijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan hemm għall-Isptar Mount Carmel wara li jinbena l-isptar il-ġdid għas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjan huwa illi wara li jinbena l-isptar il-ġdid, l-isptar Monte Karmeli jibqa jservi bħala faċilita għall-pazjenti li għandhom bżonn perjodu fit-tul ta’ riabilitazzjoni jew ghandhom mard mentali kroniku.

Sovrintendenza tas-Saħħa – każi ta’ scabies

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10430, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew rapportati mas-Sovrintendenza tas-Saħħa każijiet ta’ scabies mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kienu irrapurtati 201 każijiet ta Scabies mas- Sovrintendenza tas-Saħħa fil-perjodu li talab hu.

Każijiet ta’ suwiċidju

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta' suwiċidju matul l-aħħar ħames snin, sena b'sena, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti din l-informazzjoni maqsuma skont is-sess (jekk hux femminili jew maskili), l-età u n-nazzjonalità? Jista' jgħid x'inhu jsir biex jitnaqqsu kemm jista' jkun dawn il-każijiet? Xi pjanijiet għandu l-Gvern biex dawn il-każijiet jonqsu? X'assistenza tingħata lill-familjari ta' dawk li jkunu wettqu suwiċidju?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 10849. Waqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tingħata wkoll għajnuna lill-familjari ta’ dawk li jkunu wettqu suwiċidju wara li jiġu riferuti mit-tabib rispettiv tagħhom. Dawn jingħataw għajnuna primarjament psikoloġika, u anke psikjatrika jekk ikun meħtieg, f’wieħed mill- Comminity Health Centres, fejn minħabba iċ-ċirkustanzi partikulari jingħataw prijorità assoluta.

Kampanji edukattivi għall-prevenzjoni ta’ suwiċidju

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kampanji edukattivi jeżistu għall-prevenzjoni ta' suwiċidju? Jista’ jgħid jekk hemmx pjanijiet li jiżdiedu dawn il-kampanji edukattivi? Jekk iva, jista' jagħti dettalji dwar dan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 10851.

Magni BiPaP – kundizzjoni tal-isleep apnea

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux minnu li l-magni BiPAP li jintużaw minn persuni li jbatu bil-kundizzjoni tal-isleep apnea humiex out of stock mill-isptar, u jekk iva kemm ilha din is-sitwazzjoni? Jista' jgħid x'inhi l-alternattiva li qed jiġu offruti pazjenti li jbatu b'din il-kundizzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 467 magni BiPAP li huma mikrija għand pazjenti u l-aħħar magna li kienet mikrija kien fl-04-07-2023. Proċess għal tender ta’ magni ġodda għalaq fl-04/07/2023 u bħalissa qegħdin fi stadju ta' evalwazzjoni u dan peres li d-domanda żdiedet.

Mediċina Monkasta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex il-mediċina Monkasta tinstab out of stock u kemm ilha out of stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l- mediċina Monkasta sal bieraħ kienet in stock. Il-gimgħa l-oħra saret ordni urġenti peres li żdiedet id-domanda għal din il-mediċina.

Każijiet tal-kanċer

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu l-każijiet totali tal-kanċer mit-twelid sa 16-il sena u minn 16-il sena 'l fuq għal kull sena matul dawn l-aħħar 15-il sena? Kemm mietu kull sena? Kemm kienet in-nefqa totali għall-kura tal-kanċer kull sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Persuni li mardu bil-leukemia u lymphoma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu n-numru ta’ tfal sa 16-il sena u kemm persuni minn 16-il sena 'l fuq, mardu bil-leukemia u lymphoma f’dawn l-aħħar 15-il sena? Kemm minn dawn fiequ kompletament, kemm mietu u kemm għadhom qegħdin jieħdu l-kura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Dipartiment tas-Saħħa — impjegati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu t-total ta’ persuni li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm minn dawn huma ta' nazzjonalità barranija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 9612.

HIV – każijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-ammont ta’ dijanjosi tal-HIV bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-31 ta’ Diċembru 2022? Jista’ jgħid kemm minn dawn bħala persentaġġ kienu nisa, irġiel u/jew persuni non-binary?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li kellhom dijanjosi tal-HIV bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-31 ta’ Diċembru kien ta’ 103 persuni. Kien hemm 93 raġel u 10 nisa. Ma kien hemm ħadd non-binary.

STIs — Każijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il dijanjosi ta’ STIs kien hemm fis-sena 2022? Liema kienu dawn l-STIs?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnha tinsab fit-tabella t'hawn taħt. ID 2022 Chlamydia 300 Gonorrhoea 232 Syphilis 132 Hepatitis B 50 Hepatitis C 53 HIV 102 Monkeypox 33 Scabies 137

Ittestjar ta’ HIV u STIs matul is-sajf

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi pjan hemm maħsub għas-sajf marbut mas-saħħa sesswali u faċilitajiet ta’ ttestjar tal-HIV u STIs oħra, peress li se jkun hemm numru ta’ parties b’folol kbar li qed jiġu organizzati f’Malta fix-xhur li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard jikkollabora ma’ bosta organizzazzjonijiet komunitarji. Hemm ukoll kollaborazzjoni attiva ma' applikazzjoni ta' dating online popolari. Membri li jinsabu ġeografikament f'Malta se jirċievu messaġġi pop-up ta' għarfien dwar is-saħħa sesswali malli jidħlu fl-app. Il-frekwenza tal-messaġġi se tkun qed tiżdied matul il-perjodu tal-Europride. Saru diversi laqgħat mal-organizzaturi tal-Europride (ARC) biex nippjanaw attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-Europride. Matul dawn l-outreaches u avvenimenti, se jitqassmu materjal informattiv bħal posters, flyers u kondoms. Bi tħejjija għall-Europride u attivitajiet oħra li qed isiru fil-perjodu tas-sajf, f'Lulju qed tibda kampanja ta' għarfien dwar is-saħħa sesswali tas-Sajf. Din il-kampanja se tkompli fix-xhur ta’ wara l-Europride. Il-kampanja tal-midja soċjali se tinkludi: a. Prevenzjoni ta' STI b. HIV/AIDS ċ. PrEP u PEP d. Inklużività u Kunsens e. Ittestjar u servizzi disponibbli

MPOX Vaccines

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid hemmx pjan biex l-MPOX vaccine jingħata lill-gruppi li huma f’riskju akbar minħabba l-parties li se jiġu organizzati f'Malta fix-xhur li ġejjin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MPOX vaccine se tiġi offruta lil dawk il-persuni li huma pożittivi għall-HIV u se tibqa' tiġi offruta lill-kuntatti ta’ każijiet konfermati tal-MPOX.