Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Rigali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qala rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn April 2022 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija ma qlajtx rigali.

Public Social Partnership

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24261 u jgħid kemm hi l-ispiża tal-Gvern fuq Public Social Partnership?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma vvotata fil-budget ta’ din is-sena (2025) għal Public Social Partnerships hija dik ta’ €13.55 il-miljun.

Persuni li twieldu qabel l-1962 – Reviżjoni tal-pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad fadal persuni li twieldu qabel l-1962 li għadhom qed jistennew reviżjoni tal-pensjoni skont ir-riforma?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li ngħatajt, sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se jkun prattikament ġie konkluż il-proċċess ta’ dawn ir-reviżjonijiet. Li jkun baqa’ imbgħad huma dawk il-każi li jkunu jeħtieġu aktar informazzjoni biex jinħadmu. Tajjeb jingħad, li r-riforma tal-2006 ħolqot żewġ kategorji ta’ pensjonanti bejn dawk li twieldu qabel u wara l-1962. Kien għalhekk li ddaħħlu żewġ miżuri fil-Budget 2024, sabiex fl-ewwel lok il-pensjonanti kollha, twieldu meta twieldu ikollhom iż-żidiet fil-pensjoni kkalkulati fuq il-mekkaniżmu tas-70% u t-30% - minn din il-miżura qed jibbenefikaw il-pensjonanti kollha. Kif ukoll, għal dawk il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962, id-dħul pensjonabbli massimu tagħhom jibda jiżdied b’mod aċċellerat sabiex eventwalment jilħaq id-dħul pensjonabbli massimu ta’ dawk li twieldu wara l-1962.

Persuni li jbatu mill-Fibromyalgia — Severe Disability Grant

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27445 u 27776 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva rispettivament u jgħid kemm kien hemm persuni li jbatu mill-Fibromyalgia li ngħataw is-Severe Disability Grant minn Awwissu 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li permezz ta’ miżura tal-Budget għas-sena 2024, ġie emendat l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), prinċiparjament l-Artikolu 106 (g) li permezz tiegħu ġie kompost bord interprofessjonali sabiex jevalwa l-applikazzjonijiet għall-Assistenza għal Diżabilità u l-Assitenza għal Diżabilità Severa. Il-bord interprofessjonali jevalwa tali applikazzjonijiet bbażata fuq il-mudell tal-World Health Organisation International Classification of Functioning, Disability, and Health (ICF). Mill-persentaġġ tal-istess ICF questionnaire, il-persuna tiġi mgħarrfa jekk tikkwalifikax għall-Assistenza għal Diżabilità Severa, Assitenza għal Diżabilità jew jekk għandhiex tinħareġ ċaħda. Mill-istess emendi fil-provożjonijiet tal-Artikolu 106 (g) tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), f’każ ta’ ċaħda, l-persuna jkollha d-dritt li tappella. Fir-rigward tal-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant, ninforma li minn meta ġiet introdotta r-riforma, jiġifieri mit-2 ta’ Settembru 2024, b’kollox ġew approvati 82 applikazzjoni mill-bord Inter-Professjonali wara li applikaw bil-kundizzjoni msemmija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li preċedentament għal miżura tal-Budget tas-sena 2024, persuna li tbati minn tali kundizzjoni ma’ kienitx tiġi kkunsidrata taħt il-parametri tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).

Persuni li jbatu mill-Fibromyalgia — Severe Disability Grant

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27446 u 27777 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva rispettivament u jgħid kemm kien hemm talbiet għas-Severe Disability Grant minn persuni li jbatu mill-Fibromyalgia li ġew irrifjutati minn Awwissu 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija parlamentari 27978.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27132 u 27696 u jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Interpellant. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħmel użu mill-mezzi tax-xandir (media houses) lokali sabiex ikun jista’ jwassal informazzjoni dwar servizzi, inizjattivi u informazzjoni oħra importanti għall-pubbliku inġenerali.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul April 2025?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija parlamentari W397.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tiegħu fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba tinqabeż l-Advisory Cost.

Sigurtà Soċjali — Bord tal-Appell - Għajnuna legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ għajnuna jew rappreżentanza tingħata lill-appellant quddiem il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali ġaladarba dawn ma jkunux jaffordjaw għajnuna legali u l-aġenzija tal-għajnuna legali ma toffrix assistenza f’dawn il-każijiet? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat smigħ xieraq quddiem dan il-bord?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-ewwel lok irid jiġi preċiżat li fil-maġġoranza tal-każijiet l-appellanti jkunu legalment assistiti. F’dawk il-każijiet fejn l-appellanti ma jkunux legalment assistiti, l-Arbitru jgħarrafhom dwar il-proċeduri u jtihom l-opportunità sabiex ikollhom ċans jingaġġaw assistenza legali. F’dawk l-istanzi li l-appellanti jibqgħu jirrifjutaw li jingaġġaw rappreżentanza legali, l-Arbitru jispjegalhom b’lingwa sempliċi dak li jkun qiegħed jiġri u jassigura li dawn fehmuh.

Sigurtà Soċjali — Bord tal-Appell – Każijiet deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqatgħu każijiet mill-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali fl-2024?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Appelli 2024 Appelli deċiżi sa Diċembru 2024 264 Appelli revokati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sa Diċembru 2024 153 Appelli ċeduti mill-appellanti sa Diċembru 2024 174 Appelli deżerti/eżawriti/kanċellati sa Diċembru 2024 113

Sigurtà Soċjali — Bord tal-Appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali? Jista’ jgħid ukoll kif jintgħażlu l-membri tal-Bord?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma hemm ebda Bord tal-Appell, iżda hemm biss Arbitru li jkun assistit minn Segretarja. Il-ħatra tal-Arbitru hija rregolata bl-artikolu 107 tal-KAP. 318 tal-Liġijiet ta’ Malta. Tali artikolu jagħti lill-Ministru għal Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal il-poter li jaħtar l-Arbitri għal żmien sena. Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l- lista tal-Arbitri hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurtà Soċjali — Overpayments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-ammonti ta’ overpayments tas-Sigurtà Soċjali (speċjalment jekk sostanzjali) jistgħu jiġu spjegati b’sempliċiment ittra, jew telefonata mas-servizz tal-153 jew servizz.gov? Kif jistgħu jiġu kkontestati dawn l-ammonti ta’ overpayments? Dawn l-ammonti ta’ overpayments jistgħu jiġu mħallsa bin-nifs (by installments)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-aġenti ta’ Servizz.gov u Freephone 153 huma f’pożizzjoni li jagħtu spjega ċara fuq kull notifika li tintbagħat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-aġenti ta’ Servizz.gov u tal-Freephone 153 huma kontinwament aġġornati u mħarrġa fuq dak kollu li jemanixxi mill-proviżjonijiet tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318). Barra minn hekk, matul l-aħħar xhur il-Freephone 153 ġie msaħħaħ permezz ta’ Extension speċifikament iddedikata għall-mistoqsijiet dwar Sigurtà Soċjali. Inżid ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu fi ħdanu sezzjoni ddedikata appożitament fuq każijiet tan-natura kif imfissra f’din il-mistoqsija parlamentari, li kontinwament ssegwi l-ġbir, toħroġ notifiki ta’ tfakkir, tagħti spjegazzjonijiet fejn ikunu meħtieġa lill-pubbliku, u kif ukoll tipprepara ftehimiet sabiex il-persuna jkun jista’ jissalda dak dovut f’pagamenti mensili. Fir-rigward ta’ kontestazzjonijiet, l-Artikolu 108 tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) jagħti d-dritt lill-persuna li tappella tali deċiżjonijiet quddiem l-Arbitru maħtur taħt l-istess Att u sussegwentement appell fil-Qorti (Inferjuri).

Sigurtà Soċjali — Bord tal-Appell - Każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet quddiem il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali bħalissa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Appelli April 2025 Appelli pendenti sat-30 ta’ April 2025* 612 *Tajjeb jingħad illi dan l-ammont jinkludi fih kemm dawk l-appelli li diġà bdew jinstemgħu (321 każ), kif ukoll dawk l-appelli li għadhom ma’ ġewx appuntati (190 każ). Minn dan l-ammont hemm 101 każijiet li nstemgħu u qegħdin pendenti għad-deċiżjoni tal-Arbitru.

Sigurtà Soċjali — Bord tal-Appell - Lista’ ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-lista ta’ stennija biex xi ħadd ikollu l-każ tiegħu mismugħ quddiem il-Bord tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul April 2025 kienu qegħdin jinstemgħu l-appelli li ġew sottomessi matul ix-xahar ta’ Jannar 2025.

Santa Luċija — Ċentru Ċiviku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm diskussjonijiet bejn il-Kummissarju għat-Tfal u l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija u/jew entitajiet oħra, dwar il-binja taċ-Ċentru Ċiviku f’Santa Luċija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.