Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nadur — art magħrufa ta' Tal-Ħali - titolu tal-art

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħallas il-kumpens dovut għall-esproprju tal-art magħrufa bħala Tal-Ħali fin-Nadur, Għawdex liema proprjetà llum saret housing estate u minħabba n-nuqqas ta' ħlas tal-kumpens, min jgħix ġo dan il-housing estate għadu mingħajr titolu fuq l-art li appuntu ħadu mingħand l-Awtorità tad-Djar?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi huwa previst li sal-2013, id-Dipartiment Propjetà tal-Gvern jakkwista l-art kollha fin-Nadur fejn hemm mibni l-Housing Estate. Wara li jintemm dan il-proċess, l-art tiġi trasferita lill-Awtorità tad-Djar li min naħa tagħha tkun tista’ tirregolarizza l-pożizzjoni ta’ min jgħix f’dn il-housing estate u għadu mingħajr titolu.

Devoluzzjoni ta' siti proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha ta' devoluzzjoni ta' siti proprjetà tal-Gvern li jintużaw għar-rikreazzjoni tat-tfal, kampeġġi u outdoor activities li saru f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 31157.

Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkompensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi f’din is-sena d-Dipartiment qed ikompli fuq ix-xogħol li kien inbeda biex proprjetajiet milquta b’titlu ta’ pussess u użu jew dominju pubbliku jiġu akkwistati mill-Gvern. Fil-fatt għas-sena 2012, il-Gvern alloka ammont ta’ fondi speċifikament għal dan il-għan. Huwa previst li din is-sena il-fondi bit-titli imsemmija u li qegħdin fil-Belt Valletta jiġu akkwistati kollha. Wara jkun jista’ jitkompla l-proċess biex jitħallas kumpens lis-sidien li jkun ibbażat fuq il-kera ta’ akkwist jew għarfien imħallsa skont l-Ordinanza dwar Akkwist ta’ Artijiet (Kap88, Sezz. 22). Għalhekk is-sid tal-proprjetà indikata separatament ikun inkluż ma dawn is-sidien u jitħallas il-kumpens dovut lilu.

rikonoxximent ta' bdiewa fl-għelieqi tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet fejn talbiet għar-rikonoxximent ta' bdiewa fl-għelieqi tal-gvern li kienu saru snin ilu, għadhom ma ġewx milqugħa? Kemm kienu l-każi li ġew uffiċjalment aċċettati u kemm kienu uffiċjalment rifjutati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-Iskema għal Art Agrikola tal-Gvern li kienet ħarġet fis-sena 2000 kien hemm 9773 applikazzjoni madwar Malta u Għawdex. Minn dan l-ammont ġew proċessati 4456 applikazzjoni madwar Malta u Għawdex filwaqt li dawk l-applikazzjonijiet li għadhom iridu jiġu proċessati jammontaw għal 5317. Mill-ammont ta’ 4456 applikazzjoni li diġà ġew proċessati, kien hemm 477 applikazzjonijiet li ġew uffiċjalment rifjutati filwaqt li l-kazijiet li ġew uffiċjalment aċċettati jammontaw għal-3979.

Devoluzzjoni ta' siti proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30798 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha ta' devoluzzjoni ta' siti proprjetà tal-Gvern li jintużaw għar-rikreazzjoni tat-tfal, kampeġġi u outdoor activities li saru f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari numru 31157.

Forti Ricasoli — restawr

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30967 u 30522 u ċioe: Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 29873 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżosri u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux se jsir restawr fil-Forti Ricasoli? Jekk iva, meta se jsir? Bħalissa min qed juża dan il-post? Hemm xi ħsieb u/jew pjan għal din il-forti?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi partijiet mill-Forti Ricasoli huma mikrija kif ġej: G09117 DIRETTUR TAL-EDUKAZZJONI 73183 DIPARTIMENT TAL-KUMMERĊ G21008 DIPARTIMENT TAL-LIBRERIJI PUBBLIĊI G25026 KUNSILL MALTI GĦALL- KULTURA U ARTI G25027 KUNSILL MALTI GĦALL- KULTURA U ARTI G25028 KUNSILL MALTI GĦALL- KULTURA U ARTI

Devoluzzjoni ta' siti proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31002 u 30798 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha ta' devoluzzjoni ta' siti proprjetà tal-Gvern li jintużaw għar-rikreazzjoni tat-tfal, kampeġġi u outdoor activities li saru f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li d-Dipartiment Proprjeta tal-Gvern, ma jagħmilx kuntratti ta’ devoluzzjoni ta’ siti proprjetà tal-gvern biex jintużaw għar-rikreazzjoni tat-tfal, kampeġġi u outdoor activities, peress li dawn it-tip ta’ talbiet jingħataw biss permess għall-użu tal-art. Madanakollu, dawn it-tip ta’ permessi li jkunu ta’ mhux aktar minn 40 ġurnata, mis-sena 2005 ma baqgħux jingħataw mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern iżda mill-Kunsilli Lokali rispettivi ta’ fejn ser tkun qed issir l-attivita’. Barra minn hekk l-informazzjoni dwar dawn it-tip ta’ permessi li kienu ngħataw mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, qabel is-sena 2005 mhiex possibli li tinġabar.

Marsascala Football Club — art mgħoddija mingħand il-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li għamel il-Kunsill Malti għall-Isport biex id-dipartiment tal-gvern konċernat jgħaddi biċċa art biex tkun tista' tintuża bħala training ground għall-Marsascala Football Club?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, għandu biss talba għall-informazzjoni mill-Kunsill Malti Sport dwar l-art in kwistjoni iżda m’għandu l-ebda talba uffiċjali mill-istess Kunsill sabiex tingħata din l-art biex tkun tista' tintuża bħala training ground għall-Marsascala Football Club. Intant fit-2 ta’ Jannar, 2011, id-Dipartiment tah l-informazzjoni mitluba lill-Kunsill Malti għall-Isport.

Bormla — Cospicua Wharfs - market stalls

Question

B'referenza għad-deċiżjoni li ħa l-Gvern ftit tax-xhur ilu li jieħu lura l-pussess tal-market stalls ossija garaxxijiet li kienu jinsabu f'Cospicua Wharf, Bormla għall-interess pubbliku, jista' l-Ministru jgħid x'kumpens se jagħti lill-kerrejja li kienu jgawdu minn titolu ta' kera fuq dawn il-market stalls ossija garaxxijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-kirjiet tal-market stalls li kienu jintużaw bħala garaxxijiet ġewwa Cospicua Wharf, ġew milquta mill-proġett li qiegħed isir fl-inħawi. Il-kirjiet ta’ dawn il-postijiet kienu għall-perjodu ta’ kera minn sitt xhur għal sitt xhur u għaldaqstant, m’hemm l-ebda kumpens dovut.

Bejgħ ta' Forti Sant' Anġlu

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jafx li l-Forti Sant' Anġlu, jew għallinqas parti minnu, skont ma ġie rapportat fil-ġurnali lokali, qed jiġi reklamat li jinbiegħ bil-prezz ta' €9.5 miljun? Jekk jaf b'dan il-fatt, jista' jinforma lill-Kamra b'dak li jaf fuq din il-kwestjoni? Jista' wieħed jaċċetta li ġojjel jew parti minn ġojjel nazzjonali bħal dan jiġi mqiegħed għall-bejgħ lill-privat, meta qed isiru dawn l-isforzi kollha biex il-wirt nazzjonali jiġi protett u mtejjeb?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parti t’isfel tal-Forti Sant’Anġlu huwa mogħti b’konċessjoni emfitewtika għall-perjodu ta’ 99 sena. Skont it-termini tal-kuntratt, iċ-ċenswalist jista’ jittrasferixxi il-konċessjoni emfitewtika tal-perjodu rimanenti, kollha jew in parti, lil terzi persuni.

art meħuda minħabba estenzjoni ta' fabbrika

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif parti mill-art li ġiet esproprijata b'xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann tal-kejl ta' madwar 9,295 metru kwadru, li tmiss mil-Lbiċ u mill-Grigal ma' triq pubblika, mill-Majjistral ma' propjetà tal-Kapitolu tal-Katidral tal-Imdina jew irjieħ verjuri li ġiet esproprijata permezz ta' Dikjarazzjoni tal-President tat-8 ta' Gunju, 1990, se tinbena fuqha estenzjoni tal-fabbrika tal-Foster Clark, meta din hija żona barra mill-izvilupp u parti mill-area riservata bħala żona ta' rikreazzjoni għall-poplu Karkariż fuq il-ftit art rurali li fadal f'Birkirkara/San Ġwann?Jista' jispjega kif ġie permess dan l-iżvilupp f'żona rurali u li se jeqred diversi siġar tal-ħarrub u ħitan tas-sejjieħ li jeħduna lura għexieren ta' snin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern mexa fuq talba tal-Malta Development Corporation (illum Malta Enterprise) tal-10 ta’ Ottubru 1988 sabiex l-art in kwistjoni tiġi esproprijata. Bħalma diġà intqal f’mistoqsija parlamentari 30498, f’Settembru 2011 reġgħet ħarġet Dikjarazzjoni tal-President għall-akkwist tal-istess art wara talba li saret mill-Malta Industrial Parks. Id-Dipartiment tal-Artijiet imexxi kull każ ta’akkwist li jintalab minn dipartimenti jew awtoritajiet tal-gvern li jkollhom l-approvazzjoni tal-Ministru responsabbli mid-dipartiment jew awtorità li tkun għamlet it-talba tal-akkwist, iżda ma jidħolx fil-mertu tal-permessi li jinħarġu għal kull żvilupp propost. Għaldaqstant, dwar l-aħħar parti tad-domanda, nitlob lill-Onor. Membru li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

talba biex jinxtara fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibbiltà hemm li l-fond, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu milqut bil-liġi b'possession and use jinxtara?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-proprjeta’ li fuqha huwa mibni l-fond li dettalji tiegħu ntbgħatu separatament ġiet akkwistata mill-Gvern permezz ta’ Avviz nru 413 bid-data tal -4 ta’ Mejju 2011. Id-Dipartiment qiegħed jistenna l-pjanti neċessarji minn naħa ta’ l-Awtorita’ tad-Djar biex ikun jista jsir it-trasferiment tal-proprjeta’ lil din l-awtorità. Wara, il-proċess tal-bejgħ tal-proprjeta’ imsemmija separatament ikun jista jitkompla minn din l-Awtorita’

Garaxx u żewġt ikmamar maġenb d-dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-koppja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed jiġu mċaħħda mill-garaxx u minn żewġt ikmamar maġenb id-dar tagħhom meta oriġinarjament meta ngħataw id-dar fis-17 ta' Novembru 1987 suppost li dak il-garaxx u ż-żewġt ikmamar kienu parti integrali mid-dar?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31310 u cioè:B'referenza għall-ħaddiema taċ-Ċivil, jista' l-Ministru jgħid min huwa ntitolat li jsiefer club class? Jista' jghid ukoll kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28890.

rikonoxximent ta' bdiewa fl-għelieqi tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet fejn talbiet għar-rikonoxximent ta' bdiewa fl-għelieqi tal-gvern wara t-talbiet li kienu saru snin ilu, li għadhom mhux milqugħa? Kemm kienu l-każi li ġew uffiċjalment aċċettati u kemm kienu uffiċjalment rifjutati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Marsascala Football Club — art mgħoddija mingħand il-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li għamel il-Kunsill Malti għall-Isport biex id-dipartiment tal-gvern konċernat jgħaddi biċċa art biex tkun tista' tintuża bħala training ground għall-Marsascala Football Club?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.