Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Enterprise – Letter of Intent

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-kumpaniji kollha li ngħataw Letter of Intent mill-Malta Enterprise skont kif provdut f’Artikolu 4. (2b) tal-Att dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u ta’ Riċerka, Kap. 578? F’kull każ, tista’ tgħid ukoll fejn hi l-faċilità li minnha kull kumpanija se tkun qed topera?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hi koperta bil-kunfidenzjalita' imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u għalhekk ma tistax telenka l-ismijiet tal-kumpaniji li huma approvati.

e-grants għall-kumpaniji ġodda u innovattivi

Question

Tista' l-Ministru tagħti elenku ta’ grants immirati għal kumpaniji ġodda u innovattivi, speċjalment fil-qasam tat-teknoloġija u e-commerce? Kemm intużaw/ingħataw minn tali grants wara l-2017 u x’kien il-każ għal kull tali grant?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar l-iskemi amministrati mill-Malta Enterprise immirati għal kumpaniji ġodda qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xewkija Għawdex – area tal-Ħofra – allokazzjoni ta’ spazju għal SMEs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fl-area tal-Ħofra ġewwa x-Xewkija Għawdex fiex wasal il-proċess tal-allokazzjoni ta' spazju għall-SMEs f'dan il-park u min huma d-ditti jew kumpaniji li ntgħażlu s'issa biex jingħataw spazju f'din l-area u kemm minnhom huma kumpaniji lokali u kemm minnhom huma barranin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kumpless tal-Ħofra t’Għawdex hemm 15 il-fabbrika zgħira li 13 minnhom huma allokati. Ammont ta’ inkwilini ġodda diġa bdew joperaw waqt li oħrajn qegħdin fil-proċess ta’ relokazzjoni jew fil-proċess li jiffirmaw il-kuntratt ma’ INDIS Ltd. L-iskop prinċipali tal-Malta Enterprise għal dan il-kumpless kien li jakkomoda l-aktar intrapriżi Għawdxin li kienu qegħdin jaħdmu fil-qalba tal-villaġġi Għawdxin. Wieħed mill-operturi ser ikun investiment barrani. Id-dettalji tal-individwi ma jistgħux jingħataw peress li l-Malta Enterprise hija koperta bil-kunfidenzjalita' imposta skont l-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta u l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.

Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka – letter of Intent

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm intrapriżi li applikaw, u meta, mal-Malta Enterprise biex tinħarġilhom Letter of Intent għall-produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn ġew approvati u nħarġitilhom il-Letter of Intent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise bejn is-sena 2017 sa l-aħħar tas-sena 2020 irċeviet 53 applikazzjoni għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali li minn dawn 33 ġew approvati. Il-kumpaniji li l-ismijiet tagħhom huma pubbliċi huma; Aurora, Aphria, Alvit, Alta Flora, Materia, MERA, Canapar, MPXI, Emmac Lifesciences, ZenPharm u MGC.

Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka – letter of Intent

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm intrapriżi li applikaw mal-Malta Enterprise biex tinħarġilhom Letter of Intent għall-produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u Riċerka u fil-każ ta’ dawk li huma diġà pubbliċi tgħid għal kemm talbu spazju f’metri kwadri ta’ art għall-operat tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 33 proġett għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali. L-ammont ta’ spazju mitlub huwa ta’ 23,626 metri kwadri. Il-kumpaniji li l-ismijiet tagħhom huma pubbliċi huma Aurora; Aphria; Alvit; Alta Flora; Materia; MERA; Canapar; MPXI; Emmac Lifesciences; ZenPharm u MGC

Applikazzjonijiet għal Skemi ta’ għajnuna tal-COVID-19

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tan-numru ta’ applikazzjonijiet u numru ta’ impjegati benefiċjarji li rċieviet il-Malta Enterprise sal-lum b’rabta mal-iskemi ta’ għajnuna tal-COVID-19 u tagħti l-informazzjoni maqsuma skont l-iskemi rispettivi? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għad fadal pendenti? Fil-każ tal-Wage Supplement tista’ tagħti l-informazzjoni mitluba għal dawk li jaqgħu f’Annex A u f’Annex B separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Numru ta’ Applikazzjonijiet: 21,855 - Annex A: 14,987 - Annex B: 3,465 - Ineliġibbli: 3,403 Applikazzjonijiet Approvati: 17,083 Numru ta’ Ħaddiema: 92,443 - Annex A: 54,101 full-time u 10,662 part-time - Annex B: 25,020 full-time u 2,660 part-time Pagamenti Approvati: €345,942,993 N.B: data as at end of January 2021

Wage Supplement — Pensjonanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li pensjonanti li għadhom jaħdmu mhumiex jitħallew jibbenefikaw mill-iskema tal-wage supplement?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pensjonanti ħaddiema kienu eliġibbli li jibdew jirċievu il-wage supplement minn Lulju tas-sena 2020. Filfatt min iħaddem għadu qed jirċievi il-wage supplement tagħhom. Pensjonanti self employed kienu eliġġibli għal wage supplement sa mill-bidu nett.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jingħata l-attenzjoni li tixraqlu mill-entitajiet responsabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha? Dan peress li partijiet minnu jinsabu fi stat mitluq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jaqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali tal-Mosta. Madanakollu Parks Malta wettqet proġett ta` tisbiħ f`dan il- Ġnien f`Mejju tas-sena 2019, fejn fost l-oħrajn saru xogħolijiet ta` formazzjoni ta` passaġġi ġodda, installazzjoni ta` sistemi ta` tisqija, installazzjoni ta` bankijiet u dwal ġodda u tħawwil ta` siġar. Parks Malta kompliet tassisti lill-Kunsill Lokali tal- Mosta f`dan il-Ġnien , fit-tisqija, żbir u kura oħra tas-siġar. Parks Malta, fi’ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, hija kommessa li tassisti lill-Kunsill Lokali meta jeħtieġu l-għajnuna sabiex tassigura li l-Ġonna kollha jkunu fi stat tajjeb u li jistaw ikomplu jitgawdew mill-kommunitajiet u l-pubbliku nġenerali.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrarpiża u Żvilupp Sostenibbli – komunikazzjonijiet bil-miktub aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri qed jieħu l-Ministeru tagħha u entitajiet li jaqgħu taħtha sabiex jara li komunikazzjonijiet bil-miktub ta' kull tip li jintbagħtu bil-posta jew mezzi oħra, ikunu f'format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Onorevoli interpellant għandu jkun mgħarraf li, waqt li l-ebda ministeru jew entità fi ħdan il-Gvern m’għandu aċċess għal informazzjoni dwar persuni b’diżabilità u x’tip ta’ diżabilità jsofru minnhom, hu prattikament impossibbli li kull korrispondenza li tintbagħat bil-posta tradizzjonali tkun ukoll f’format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl.Minkejja dan, fil-każ ta’ korrispondenza diġitali, nixtieq intenni li l-entità governattiva Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġika tal-Informatika (FITA) toffri dan is-servizz lil kull individwu jew entitaijet li jitolbu din l-għajnuna biex jaqdu l-klijentela tagħhom bi spiża mħallsa mill-individwu jew l-entità. Fil-fatt dawk li, minn jeddhom jitolbu l-assistenza tal-istess Fondazzjoni, jiġu ggwidati fl-installazzjoni ta’ programm apposta (software) biex il-kompjuter personali tagħhom ikun jista’ jaqralhom kull imejl li jirċievu, inkluż bl-ilsien Malti. It-taħriġ hu bi ħlas, filwaqt li l-programm hu b’xejn.Nenfasizza li kull każ jiġi kkunsidrat fuq il-bażi individwali, inkluż biex tintuża l-aħjar teknoloġija assistiva, li tvarja minn Optical Character Recognition (OCR), Screen Reader, Braille jew anke tipa mkabbra. L-istess assistenza tvarja wkoll skont l-apparat li jkun se jintuża għal dan il-għan, bħal PC/laptop, mobile u/jew tablet, u anke skont il-platform użat, jiġifieri Windows jew MAC, Android jew Apple, eċċ.

Malta Enterprise – skemi għall-impjieg ta’ ħaddiema ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-iskemi miftuħin mill-Malta Enterprise biex jgħinu fl-impjieg ta’ ħaddiema ġodda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi amministrati mill-Malta Enterprise li minnhom tista’ tingħata għajnuna marbuta ma’ impjiegi ġodda huma; · Business Start 2021 - skema li tgħin lill-impriżi ġodda żgħar ( small start-ups ) b’assistenza marbuta ma’ mpjiegi · Start-up Finance 2020 - skema li tista' tipprovdi assistenza lil-impriżi ġodda żgħar ( small start-ups ) fuq pagi ta’ persuni mpjegati full time · Investment Aid - toffri l-possibilità li l-assistenza tingħata fuq impjiegi ġodda li jinħolqu b’riżultat ta’ l-investiment · Wage Supplement - skema li tkopri dawk l-impjegati ġodda li ġew ingaġġati wara it-29 ta’ Mejju flok persuni li kien telqu min dak ir-rwol b’mod volontarju. Is-salarji tal-impjegati sostitwiti bdew jitħallsu minn Ottubru 2020.

Proġett minn kumpanija tal-avjazzjoni għal sitt bay hangers

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett li kellu jqum €30 miljun imħabbar mill-Gvern f'Marzu 2017, liema proġett kellu jsir minn kumpanija tal-avjazzjoni fl-ajruport għal kostruzzjoni u tagħmir ta’ sitt bay hangers li kellu jilqa’ ġo fih ajruplani ta’ ċertu kobor?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett li qed jirreferi għalih qed isir mill-kumpaniji privatament u allura m’aħniex f’pożizzjoni li nitkellmu f’isem dan l-investiment dirett barrani.

Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika — membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-membri tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u d-Diplomazija Ekonomika? Kemm-il darba ltaqa’ minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena? X’kienu s-suċċessi ta’ dan il-Kumitat? X’sar minn dan il-Kumitat sabiex jattira kummerċ u investiment lejn Malta mid-Dijaspora Maltija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Malta Enterprise — proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu l-proġetti li l-Malta Enterprise rnexxielha ġġib lejn Għawdex wara l-2018, sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise approvat 15-il proġett b’valur ta’ €3,715,500 f’investimenti u proġetti ġodda u espansjonijiet f’Għawdex bejn l-2019 u l-2020*. Fl-istess perjodu ġew approvati wkoll 703 proġett taħt l-iskema Micro-Invest b’valur ta’ investimenti f’Għawdex ta’ €6,065,595. * Informazzjoni proviżjonali sa Q3 tal-2020 .

Investiment barrani f’Malta u f’Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta' investiment barrani f'Malta u f'Għawdex maqsuma separatament sena b’sena wara l-2017? Kemm ġew impjegati nies, settur b'settur għal kull proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Wage Supplement — għal ristoranti li fetħu reċentement

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li ristoranti li fetħu reċentement mhumiex jitħallew jibbenefikaw mill-iskema tal-wage supplement minkejja li huma ukoll ikollhom inaqqsu l-imwejjed li jistgħu jservu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-wage supplement kienet inħolqot biex tissalvagwardja l-impjiegi reġistrati ma’ min iħaddem sa Marzu tal-2020, u ma setgħux jipprevedu l-eventwalità u l-impatt tal-pandemija. Il-Gvern għaddej b’diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali biex dawn ir-ristoranti jingħataw għajnuna.

Aġġudikazzjoni tal-għoti tal-kuntratt tal-bini tal-powerstation tal-Electrogas – membri u konsulenti ingaġġati

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18179 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ħlasijiet kollha li saru lill-membri u jew konsulenti li b'xi mod jew ieħor kienu ingaġġati b'rabta mal-aġġudikazzjoni tal-għoti tal-kuntratt tal-bini tal-powerstation tal-Electrogas, inkluż u mhux limitat għall-membri tal-EoIC Committee, RfP Evaluation Committees Stage 1, Stage 2, Stage 3, Stage 4, Stage 5 u l-Programme Sponsoring Group, bl-ammont inkluż separat mogħti lil kull individwu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba diġa ġiet ippublikata fir-rapport tal-Awditur Ġenerali intitolat; “An Investigation of Matters Relating to the Contracts awarded to Electrogas Malta Ltd. by Enemalta Corporation”.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – Is-Siġġiewi – Trejqa tal-Providenza — katusi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitpoġġew il-katusi l-ġodda tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fi Trejqa tal-Providenza mill-Istatwa tal-Madonna ta’ Ħax-Xluq sar-roundabout ta’ quddiem il-Kappella tal-Providenza fil-limiti tas-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol minn Triq Lapsi fid-direzzjoni lejn it-Trejqa tal-Providenza ser jibda’ fil-ġranet li ġejjin.

Malta Enterprise – lista ta’ proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa u dettaljata ta’ proġetti li approvat il-Malta Enterprise u għal kull proġett tgħid fiex jikkonsisti u x’inhi l-għajnuna approvata mill-Malta Enterprise/Malta Industrial Parks?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hi koperta bil-kunfidenzjalita’ imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal-Att dwr il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u b’hekk l-informazzjoni mitluba ma tistgħax tiġi provduta. Fir-rigward tal-Malta Industrial Parks, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Fabbrika liċenzjata għall-produzzjoni tal-medical cannabis

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il fabbrika hawn liċenzjata s’issa għall-produzzjoni tal-medical cannabis?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-awtorità kompetenti biex toħroġ liċenzji għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali hija l-Awtorità dwar il-Mediċini, għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — sponsorships

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ kull tip ta’ sponsorship li taw id-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tagħha, kemm jekk l-isponsorship kien jikkonsisti f’għotja ta’ flus kif ukoll jekk l-isponsorship kien in kind, jiġifieri billi ġie provdut xi servizz b’xejn, bejn l-2017 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza? Tista’ f’kull każ tgħid taħt liema skema ngħata l-isponsorship, meta saret it-talba għal dan l-isponsorship u min approva f’kull każ l-isponsorship?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.