Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Sponsorships
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12372 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif muri fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:
Tabella ‘A’ - Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti tiegħu
Tabella ‘B’ - Entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Attachments:PQ 12453 - Tabella 'A' - MEDE dipartimenti - Sponsorships.pdfPQ 12453 - Tabella 'B' - Entitajiet fi ħdan il-MEDE.pdf
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — investigazzjoni fuq manipulazzjoni ta' wikipedia page
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12396, jista' l-Ministru jikkonferma li ma saret ebda investigazzjoni interna fil-Ministeru tiegħu biex jikkonferma li l-manipulazzjoni fuq il-page ta' wikipedia ma saritx mill-Ministeru tiegħu jew minn xi uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ukoll liema hu l-Ministeru kkonċernat?
Qormi Outdoor Sports & Fitness Park – stat ta’ abbandun
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Qormi Outdoor Sports & Fitness Park tħalla jaqa’ fl-istat ta’ abbandun li qiegħed fih illum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li SportMalta ilu mill-2013 jieħu ħsieb l-imsemmi outdoor fitness area. F’dan il-perjodu SportMalta sewwa kemm-il darba l-ħsarat li jsiru b’vandaliżmu fuq l-apparat eżistenti. L-outdoor equipment ġie spezzjonat fl-2019 fejn żewġ magni li ġew vandalizzati u mkissra nbidlu bi tnejn ġodda filwaqt li l-bqija ta’ l-apparat ġie miżbugħ. It-trampolin inbidel fl-2018 u reġa' ssewwa sitt xhur wara. Sadanittant reġgħu ġew ordnati set ta’ molol u clips biex jinbidlu wara li dan l-aħħar ġew vandalizzati u/jew misruqa. Gate li tagħti għaz-zona tat-tfal ġiet imqaċċta u msewwija kemm-il darba. Iċ-ċint tal-madwar issewwa kemm-il darba u partijiet minnu anki kellhom jinbidlu.
SportMalta jżomm kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi fuq tiswijiet liema Kunsill għandu aċċess għal kameras fl-area.
SportMalta jonfoq madwar €6,000 fis-sena fuq manutenzjoni u dawl. Infurmat ukoll li t-total tal-ispejjeż bejn l-2013 u l-2019 kien ta’ €428,553.00.
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ritratti ta’ tiswijiet li saru.
Attachments:PQ 12482 - Qormi outdoor fitness area - tiswijiet.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel Għawdxin li għad qed jistennew li jingħataw l-assistenza ta' Learning Support Educator (LSE)? Kemm minn dawn it-tfal jeħtieġu LSE waħedhom u kemm minnhom jeħtieġu shared LSE? Jista' jgħid jekk hemmx pjan biex l-ammont ta' tfal f'Għawdex li għandhom l-assistenza ta' LSE, jitnaqqas u jekk iva għalfejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li f'Għawdex bħalissa hemm tliet (3) studenti li qed jistennew l-assistenza ta' LSE, waħda FT 1-1 u tnejn (2) Shared in the same class (SSC).
Fil-bidu ta' Frar deħlin LSEs mill-leave tal-maternità u tal-parental. Dawn ser jissapportjaw lil dawn l-istudenti.
Bħal dejjem u kif inhi l-policy meta l-istudenti jingħataw s-sapport ta' LSE, il-bord għandu l-obbligu li wara ftit żmien, li jkun stipulat fl-iStatement of Support Report, jerġa' jibgħat għall-istudenti ħalli jevalwa x'progress ikun sar. Jekk ikun sar il-progress kif inhu meħtieġ, jitnaqqas is-sapport bil-għan li l-istudenti jkunu aktar indipendenti.
Il-pjan mhux li wieħed jara kif jitnaqqas dan is-servizz fil-fatt, l-ingaġġ ta' LSEs din is-sena skolastika żdied sostanzjalment. Ir-reviews isiru biex l-istudenti jingħataw l-aħjar servizz possibbli għalihom.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kemm hemm Learning Support Educators (LSEs) residenti f'Għawdex iżda li jaħdmu f'Malta? Jista' jagħti d-dettalji ta' kemm minn dawn l-LSEs ġew trasferiti biex jaħdmu f'Għawdex, sena b'sena mill-2013 sal-lum?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 203 Learning Support Educators (LSEs) Għawdxin li jaħdmu Malta.
Infurmat ukoll li n-numru ta’ LSEs li telgħu jaħdmu Għawdex, sena b’sena mill-2013 lil hawn, huwa kif ġej:
2012 / 2013 - 18-il persuna
2014 - 2 persuni
2015 - 2 persuni
2016 - 8 persuni
2017 - 8 persuni
2018 - 5 persuni
2019 - 5 persuni
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jistudjaw il-lingwa Spanjola?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti fl-iskejjel sekondarji u medji tal-istat li qegħdin jistudjaw il-lingwa Spanjola huwa kif se nsemmi:
Skejjel Sekondarji - 1,194 student
Skejjel Medji - 942 student
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm inxtraw kotba bil-lingwa Spanjola tul dawn l-aħħar tliet snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bil-lingwa Spanjola, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu xtrat 311-il ktieb tal-qari u dawn tqassmu fl-iskejjel. L-iskejjel medji u sekondarji nfushom xtraw 518-il ktieb ieħor. Jiġifieri b’kollox inxtraw 829 ktieb bil-lingwa Spanjola.
Infurmat ukoll li f'dawn l-aħħar tliet snin skolastiċi d-Dipartiment għall-Kurrikulu, Tagħlim tul il-Ħajja u Impjegabilità xtara 1,952 ktieb bil-lingwa Spanjola.
Jobsplus – sajjieda u bdiewa full-time — reġistrati f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li huma rreġistrati mal-Jobs Plus bħala sajjieda u bdiewa full-time u li jgħixu f'Għawdex, mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b'xahar? Jista' jagħti l-età u f'liema lokalità huma rreġistrati l-imsemmija persuni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra diversi tabelli li juru n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li jaħdmu full-time u li r-residenza tagħhom hija rreġistrata f'Għawdex mill-aħħar ta' Marzu 2013 sal-aħħar ta' Mejju 2019, maqsuma xahar b'xahar u sena b'sena. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li fl-istatistika tagħha l-Korporazzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn bdiewa u raħħala.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — impjieg lill-individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità li hija fid-dekasteru tiegħu tatx impjieg taħt kwalsiasi titlu (inkluż part-time, position of trust, temporanju eċċ) wara Jannar 2017 lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li reċentement ingħata Maħfra Presidenzjali?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament ma kellu ebda tip ta' impjieg ma' dipartimenti u/jew entitajiet fid-dekasteru tiegħi.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — sponsorships
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-isponsorships li ngħataw mill-Ministeru, Dipartimenti, Awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm kien il-valur ta' kull sponsorship u lil min ingħata (l-isem tal-individwu, kumpanija jew entità pubblika) minn Ġunju tal-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — investigazzjoni fuq manipulazzjoni ta’ Wikipedia page
Question
Fid-dawl tal-fatt li l-IP Address li ntuża biex fit-3 u s-6 ta' Ottubru 2019 ġiet immanipulata l-Wikipedia page tar-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tal-Ewropa Peter Omtzigt kien minn uffiċċju tal-Gvern, u li skont ir-regoli tad-Data Retention, tali informazzjoni tinżamm għal sitt xhur, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni? Jekk iva, minn liema uffiċċju saret din il-manipulazzjoni u x'passi ttieħdu? Jekk le, meta se ssir tali investigazzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel primarji f'Għawdex, kemm dawk tal-Gvern, kemm dawk tal-Knisja kif ukoll dawk Indipendenti u fejn jinsabu? Jista' jgħid kemm kien hemm studenti f'kull skola fl-aħħar ta' Ottubru 2019 u kemm minn dawn kienu ta' nazzjonalità barranija? Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' għalliema f'kull skola primarja kif ukoll in-numru ta' LSA's f'kull skola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 12239 - Għawdex - skejjel primarji.pdf
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda fl-iskema tal-ħaddiema tal-komunità mill-1 ta' Ġunju 2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu minn Għawdex u kemm minn Malta? Jista' jgħid x'inhuma r-rekwiżiti biex wieħed ikun jista' jiġi ngaġġat f'din l-iskema? Kemm hu l-perjodu minimu li wieħed irid ikun ilu jirreġistra biex jiġi ingaġġat f'din l-iskema? X'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom u x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-1 ta’ Ġunju 2017 sal-lum ġew impjegati 336 persuna ġdida, li minnhom 76 f’Malta u 260 f’Għawdex. Il-maġġoranza tan-nies ġodda impjegati f’Għawdex kienu parteċipanti fi skemi passati. Ir-rekwiżiti biex wieħed jiġi ingaġġat fl-iskema huma:
- persuni li kienu fl-iskema qabel it-twaqqif tal-Community Work Scheme Foundation;
- persuni vulnerabbli.
Il-ħinijiet tax-xogħol ivarjaw minn full-time, part-time u reduced hours. It-tip ta’ xogħol li qed jagħmlu jiddependi fuq il-ħiliet tal-individwu u mqabbla mal-eżiġenzi tal-entità kkonċernata, jiġifieri skont jekk humiex impjegati mal-Kunsilli Lokali, għaqdiet volontarji (NGOs) jew ma’ skejjel pubbliċi. L-iżjed xogħlijiet komuni huma dawn li ġejjin:
- Cleaner
- Maintenance
- Handyman
- Receptionist
- Clerk
- Home Assistant
- Rubble Wall Builder
- Driver
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — safal, fuel u hospitality - nefqa
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12091, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f'kull Dipartiment, uffiċċju, Awtorità u entitajiet oħra kwalunkwe li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li, matul din is-sena sa Novembru, in-nefqa dwar safar, fuel u hospitality għad-Dipartimenti u uffiċċji kienet kif ġej:
Safar - €214,434.00
Fuel - €86,744.00
Hospitality - €119,089.00
Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif dwar l-entitajiet fi ħdan il-MEDE qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 12261 - Entitajiet fi ħdan il-MEDE - Nefqa fuq safar, fuel u hospitality.pdf
Occupational Therapy – servizz b’xejn lill-ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li joffri b’xejn is-servizz ta’ Occupational Therapy lill-ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-servizz ta’ Occupational Therapist jiġi mogħti mid-Direttorat fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa għall-istudenti li għandhom bżonn it-terapija.
Fil-jiem li ġejjin ser ikun hemm diskussjonijiet mad-Direttorat tal-Occupationl Therapy sabiex tiġi esplorata aktar kollaborazzjoni dwar is-servizzi li jingħata l-istudent.
Fil-preżent qegħdin jiġu wkoll esplorati l-ħidma taż-żewġ OTs li jaqgħu taħt in-National School Support Services (NSSS) fi ħdan id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li kien hemm ħaddiema ingaġġati mal-Fondazzjoni tal-GWU fl-iskema Community Work Scheme sal-aħħar ta’ Diċembru 2018?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati mal-Fondazzjoni tal-GWU fl-iskema Community Work Scheme fl-aħħar ta’ Diċembru 2018 kien 847.
Skejjel Sekondarji — Studenti li qed jistudjaw il-lingwa tedeska
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jistudjaw il-lingwa Tedeska?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti fl-iskejjel sekondarji u medji tal-istat li qegħdin jistudjaw il-lingwa Ġermaniża huwa kif se nsemmi:
Skejjel Sekondarji - 819-il student
Skejjel Medji - 572 student
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm inxtraw kotba bil-lingwa Tedeska tul dawn l-aħħar tliet snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bil-lingwa Ġermaniża, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu xtrat 511 ktieb tal-qari u dawn tqassmu fl-iskejjel. L-iskejjel medji u sekondarji nfushom xtraw 401 ktieb ieħor. Jiġifieri b’kollox inxtraw 912-il ktieb bil-lingwa Ġermaniża.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li kien hemm ħaddiema ingaġġati mal-Fondazzjoni tal-GWU fl-iskema Community Work Scheme sal-aħħar ta’ Diċembru 2017?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema ingaġġati fl-iskema Community Work Scheme Enterprise Foundation fl-aħħar ta’ Diċembru 2017 kien 671.