Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — Degrees vokazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-erba' istituti tal-MCAST li sa Settembru 2010 se jwasslu studenti għal degrees vokazzjonali? X'degrees vokazzjonali se joffru? Kemm huwa stmat li se jkun hemm studenti li jidħlu għal dawn il-korsijiet? Kemm se jkunu twal it-top ups fuq il-korsijiet eżistenti li jwasslu għal degrees vokazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-erba’ Istituti li bdew joffru degrees vokazzjonali minn Ottubru huma: l-Istitut tal-Inġinerija Elettrika u Elettronika, l-Istitut tal-Arti u Disinn, l-Istitut tan-Negozju u Kummerċ, l-Istitut tal-Informatika. Id- degrees vokazzjonali li qed ikunu offruti huma f’dawn is-suġġetti: Electronic and Controls, Graphic Design, 3D Design, Business Enterprise, Software Development , u ICT Systems Control . Din it- top-up hija estensjoni tal- Higher National Diploma , li huwa programm ta’ sentejn u li għandu parità mal-ewwel sentejn ta’ programm ta’ università. It- top-up se tkun ta’ sena. Huwa mistenni li jkun hemm madwar 15-il student/a f’kull kors.

Kindergarten assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm f'Malta u f'Għawdex supply kindergarten assistants? Kemm ilhom f'din il-kategorija? Għaliex mid-Direttorat tal-Edukazzjoni qalulhom li jistgħu japplikaw biss għal Kindergarten 1? Għaliex kien hemm uħud li tħallew japplikaw għal Kindergarten 2? Għaliex riżultati għal Kindergarten 1 għadhom ma ħarġux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ Supply Kindergarten Assitants (SKA) huwa ta’ 8, 7 f’Malta u 1 f’Għawdex. In-numru ta’ snin li ilhom jaħdmu huwa hekk: 1 - 10 snin 1 - 9 snin 1 - 8 snin 1 - 7 snin 3 - 6 snin 1 - 1 sena Ma jirriżultax li kien hemm xi ħadd mid-Direttorati ghall-Edukazzjoni li qalilhom għal- liema grad setgħu japplikaw. Kull applikant kellu dritt japplika għal-liema grad ried jew għaż-żewġ gradi. Is-Sezzjoni tal- Customer Care laqgħet kull applikazzjoni li daħlet. Għalhekk ma kienitx kwistjoni ta’ xi wħud li tħallew japplikaw għal xi waħda miż-żewġ gradi. Ir-riżultat ġew ippubblikati mill- Public Service Commission .

Għawdex — mużew ta' arti moderna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa u x’qed isir biex jiġi identifikat post adegwat għat-twaqqif ta’ mużew ta’ arti moderna f’Għawdex? Jekk ġie identifikat sit, tista’ tpoġġi site plan tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid x’sar s’issa fuq is-sit identifikat? Saret xi applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar dan il-proġett? Jekk saret, x’inhu n-numru tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-intenzjoni hija li jitwaqqaf Mużew tal-Arti Moderna u Kontemporanja. Li sar s’issa huwa li Heritage Malta għamlet talba uffiċjali lill-Ministeru ta’ Għawdex sabiex meta jitbattal il-bini li bħalissa jilqa’ fih il-Qorti ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella dan jingħata lil Heritage Malta. Dan il-proġett ikun jista’ jinbeda meta Heritage Malta jkollha l-binja f’idejha għal dan l-iskop. Għall-istess raġuni għadha ma saritx applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Ħamrun — San Ġużepp Junior Lyceum - Għalliema

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11207, jista' l-Ministru jagħti tweġiba fir-rigward tal-Liceo tas-Subien tal-Ħamrun fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’huwiex minnu li hemm studenti ta’ 12 u 13-il sena li għandhom għalliema li mhux qegħdin jattendu għall-lezzjonijiet. Għandna għalliem wieħed li ilu ma jiġi mill-bidu ta’ din is-sena skolastika, iżda dan jgħallem klassijet ogħla u għandu żewġ klassijet biss. Dan l-għalliem huwa ġenwinament marid.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — emails

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu t-time frame li fih għandha tingħata risposta, imqar b'acknowledgement, lill-emails li jintbagħtu lill-uffiċjali fil-Ministeru u dipartimenti oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? X'inhi r-raġuni għaliex xi emails iridu jgħaddu ħafna ġranet sabiex tingħatalhom risposta jew acknowledgement?

Response (CRISTINA, DOLORES)

B’referenza għaċ-ċirkulari mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Nru. 3/2001, l-e-mails għandhom ikunu mwieġba, parzjalment jew kollha, fi żmien jumejn ta’ xogħol.

Studenti fl-istitut marittimu — tnaqqis fl-istipendju

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti tal-istitut marittimu tal-MCAST li qed ikollhom jidħlu fir-raba' sena tal-kors tagħhom, meta suppost dan ħa tliet snin, issa mhux qed jingħataw iżjed l-istipendju meta l-kors ittawwal mhux tort tagħhom u issa qed jeħlu huma intortament u jbatu darbtejn: fil-karriera tagħhom u fit-tnaqqis tal-istipendju taghhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu daħlu biex jagħmlu xi ancillary courses wara li spiċċaw l-eżamijiet finali tagħhom u ma kenux qed jattendu iżjed kors full-time fl-Istitut Marittimu tal-MCAST u għaldaqstant ma kenux intitolati għal stipendju. Fil-fatt l-ancillary courses kienu saru għal perjodu qasir, tant li kien hemm xi studenti li diġà kienu qed jaħdmu fuq il-post tax-xogħol waqt li kienu qed jattendu dawn il-korsijiet.

OIC Navigational Watch — Riżultat ta' l-eżami

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'wassal biex studenti tal-OIC Navigational Watch tal-Istitut Marittimu tal-MCAST għadhom kemm irċevew ir-riżultat għal eżami li sar ħames xhur ilu f'Novembru 2008 u hekk tilfu r-resits ta' Marzu? Veru li kien hemm 100% failure rate fl-eżami tac-chartwork f'Novembru 2008? Ġie analizzat x'wassal għal dan u x'passi rimedjali ttieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant irċevew ir-riżultat għall-eżami li sar f’Novembru 2008 fil-bidu ta’ Marzu 2009. Dan ir-riżultat kien mibgħut lill-Istitut Marittimu tal-MCAST mingħand l-Awtorita’ Marittima f’Marzu stess, u kopja tal-istess riżultat intbaghat lill-istudenti li għamlu l-eżami mill-iScottish Qualifications Authority (SQA) li hija l-Awtorita’ fejn isiru l-eżamijiet. Peress li dan huwa eżami ta’ barra, l-Istitut Marittimu ma jkollux kontroll fuq meta jinħarġu r-riżultati. Għar-rigward ir- resits ta’ Marzu, dawn ma japplikawx għall-Awtorità Marittima ta’ Malta għax l-applikazzjonijiet jintlaqaw biss għall-eżamijiet li jsiru f’Novembru jew Lulju ta’ kull sena. Veru li kien hemm 100% failure rate fl-eżami taċ- Chartwork f’Novembru 2008, iżda mill- Examiner’s Report li jintbagħat l-Istitut Marittimu tal-MCAST mill-i Scottish Qualifications Authority ġie indikat li l-karta tal-eżami kienet waħda daqsxejn itqal mis-soltu u li fil-fatt għadew biss 28% mill-istudenti kollha fid-dinja li għamlu għal dan l-eżami. L-Istitut Marittimu tal-MCAST jaċċerta li s-sillabu kollu ta’ dan is-suġġett ġie kopert mill-għalliem li jgħallem dan is-suġġet fl-Istitut Marittimu.

MCAST — Istitut ta' l-Istudji Marittimi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi serji se jittieħdu mill-Ministeru biex l-Istitut tal-Istudji Marittimi tal-MCAST jibda jitmexxa u jaħdem bis-serjetà u jiġu solvuti l-problemi kbar li għandu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut Marittimu m’għandhux problemi partikolari, għalmenu mhux aktar kbar minn dawk li jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra u li jistgħu jiġu solvuti bi ftit sforz u rieda tajba. Infatti, l-Istitut Marittimu għamel progress kbir. Matul din is-sena, per eżempju, l-Istitut ingħata konferma tal-livell tal-kwalità billi rċieva l-ISO 9001:2000. Ukoll, fl-aħħar ta’ Marzu, beda kors ta’ Chief Mate li huwa wieħed f’livell għoli. L-Istitut qiegħed ukoll jikkollabora mal-Istitut tal-Inġinerija Mekkanika u dak tal-Inġinerija Elettronika biex flimkien joffur Higher National Diploma fl-Inġinerija Marittima.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Riċevimenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru riċevimenti f'dawn l-aħħar ħames xhur organizzati jew kordinati mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? X'kienet l-okkazjoni? Kemm kien hemm persuni mistiedna għal kull riċeviment? Kemm attendew? Kemm swiet l-okkazjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mużewijiet — żjarar u dħul

Question

Tista' l-Ministru tindika mużew mużew kemm żaruhom nies xahar b'xahar fl-aħħar 12-il xahar? Kemm daħħal flus il-Gvern mużew mużew fl-aħħar 12-il xahar u fit-12-il xahar preċedenti mill-miżati tad-dħul?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Patrimonju Malti — kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Kap Eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Kap Eżekuttiv ad interim tal-Patrimonju Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kariga hija ta’ Segretarju tal-Bord ta’ Heritage Malta. Ma’ din il-funzjoni huwa qiegħed jaqdi wkoll id-doveri ta’ Kap Eżekuttiv sakemm tinħatar persuna f’din il-kariga. Huwa ma ħax kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ Kap Eżekuttiv.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Ħaddiema abbażi ta’ kuntratt

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa numru ta' ħaddiema u/jew uffiċjali li fil-preżent jaħdmu abbażi ta’ kuntratt fl-Uffiċċju tal-Ministru u fid-dekasteri li jaqgħu taħtha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ ħaddiema u/jew uffiċjali abbażi ta’ kuntratt fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport huwa 247.

Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali — għajnuna fuq proġetti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk b'xi mod, il-Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali ġietx f'kuntatt mal-Ministeru kemm biex tagħti għajnuna tagħha fuq proġetti partikolari, kif ukoll biex hi stess tirċievi għajnuna għall-inizjattivi speċifiċi li fil-fatt qiegħda timbarka fuqhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kellha kuntatt mal-Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali dwar ir-restawr ta’ mitħna mekkanika ta’ taħt l-art. Din il-mitħna nbniet mis-servizzi Ingliżi fis-snin 50 u tinsab fil-Wied tal-Mistra. Fil-preżent is-Sovrintendneza m’għandha l-ebda proġett b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali.

Ħatra ta' kap u assistenti kap — postijiet vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna skejjel statali f’Malta u f’Għawdex fejn il-ħatra ta’ kap u assistenti kap hija vakanti? Liema huma dawn l-iskejjel u meta se jimtlew dawn il-postijiet battala?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lista ta’ postijiet vakanti hija hekk: Kapijiet: In-numru ta’ postijiet vakanti fl-iskejjel Primarji huwa 12 u n-numru ta’ postijiet vakanti fl-iskejjel Sekondarji huwa 3. L-iskejjel Primarji bin-nuqqas ta’ Kap f’Malta huma: Baħrija, Birkirkara, Għargħur, Luqa, Mtarfa, Safi, Senglea, Sta. Venera, Żabbar A u Żejtun B. L-iskejjel Primarji bin-nuqqas ta’ Kap f’Għawdex huma: Xagħra u Żebbuġ. L-iskejjel Sekondarji bin-nuqqas ta’ Kap f’Malta huma: Naxxar Boys’ Secondary School, Sta. Venera Boys’ Junior Lyceum u Floriana Boys’ School. Se terġa toħroġ Call for Applications għal Kapijiet tal-Iskola. Malli jsiru l-intervisti, jibdew jimtlew il-postijiet vakanti. Assistenti Kapijiet: M’hemm ebda nuqqas ta’ Assistenti Kapijiet fl-iskejjel.

MCAST — Istitut tal-Istudji Marittimi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mill-Istitut tal-Istudji Marittimi tal-MCAST biex l-istudenti ma jintlaqtux ħażin fejn il-kors li għamlu OIC Navigation Watch kien approvat mill-awtorità Ingliża MCA iżda mhux mill-Awtorità Marittima ta' Malta? X’raġunijiet tat l-Awtorità Marittima ta' Malta lill-MCAST li m'approvatx dan il-kors? Jistgħu jittieħdu l-passi neċessarji biex l-istudenti ta’ dan l-istitut tal-MCAST ma jibqgħux ibatu min-nuqqas ta’ kordinazzjoni u kollaborazzjoni li jidher ċar li hemm bejn l-Awtorità Marittima ta' Malta u dan l-istitut tal-MCAST ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors ta’ l-OIC Navigational Watch li joffri l-Istitut Marittimu tal-MCAST kien approvat mill-Awtorità Marittima Maltija. Kieku dan il-kors ma kienx approvat, l-Istitut Marittimu ma kienx joffrieħ lill-pubbliku.

kors fl-OIC Navigational Watch — Dewmien

Question

Peress li l-kors OIC Navigational Watch fl-Istitut Marittimu tal-MCAST skond il-prospectus għandu jdum tliet snin, għaliex l-istudenti deħlin fir-raba' sena tiegħu u għadhom ma temmewħx? Qabel ma beda l-kors, il-kontenut u l-għalliema tiegħu ġew rikonoxxuti mill-Awtorità Marittima ta' Malta? X’ħidma saret flimkien bejn l-awtorità u l-istitut biex kollox jigi miftiehem minn qabel sabiex ma jbatux l-istudenti tal-kors u jagħmlu l-kors kif ġew imwegħdin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kors ta’ OIC navigational Watch li joffri l-Istitut Marittimu tal-MCAST huwa kors ta’ tliet snin. L-istudenti li spiċċaw il-kors is-sena li għaddiet kien jonqoshom jattendu xi ancillary courses li dawn saru ftit wara li spiċċa l-kors tagħhom għax ħafna mill-apparat li jintuża għal dawn il-korsijiet ġie upgraded u mmodernizzat u kien fil-vantaġġ tal-istudenti li jagħmlu dawn il-korsijiet qosra aktar tard. Kemm il-kontenut tal-kors, kif ukoll l-għalliema tiegħu kienu rikonoxxuti mill-Awtorità Marittima, qabel ma’ beda l-kors. L-Awtorità Marittima u l-Istitut Marittimu tal-MCAST huma f’kuntatt kontinwu biex jiżguraw li s-sillabu kollu tal-kors jiġi mogħti lill-istudenti kif suppost u għall-vantaġġ tagħhom.