Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani — Servizz “Telecare on the Move”

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għandhom djanjosi ta' dimensja li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' Telecare on the Move? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani jibbenefikaw minn servizz u apparat b'xejn u kemm minn dawn l-anzjani jħallsu għal dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li preżentament hemm 106 persuna li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ Telecare on the Move. 96 minnhom qed iħallsu il-kirja ssussidjata ta’ €4.99 fix-xahar għax mhumiex fil-pussess tal-karta r-roża, fil-waqt li 10 klijenti qed jieħdu s-servizz kollu b’xejn. Tajjeb li nsemmu li kull min huwa eliġibbli għal dan is-servizz jiġi mogħti l-apparat b’xejn.

Anzjani — Servizz ta' Psikoterapija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jagħmlu użu mis-servizz ta' Psikoterapija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani jgħixu f'residenzi tal-anzjani u kemm minn dawn l-anzjani jgħixu fil-komunità? Jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm anzjani li jgħixu fil-komunità jattendu f'kull klinika tal-psikoterapisti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm 173 anzjan li qed jibbenefikaw mis-servizz tal-psikoterapija, li minnhom 103 jgħixu fi djar residenzjali filwaqt li 70 jgħixu fil-komunità. Mis-70 anzjan li jgħixu fil-komunità, 56 minnhom qed jattendu fil-kliniċi rispettivi kif indikat hawn taħt: Birkirkara – 13 Paola – 19 Qormi – 9 Żurrieq – 8 Imtarfa – 7 Filwaqt 14-il anzjan jirċievu dan is-servizz fid-djar tagħhom, f’forom ta’ visti u anke sessjonijiet online. Tajjeb li nsemmu li dawn in-numri li ssemmew jistgħu ivvarjaw minn xahar għal xahar skont l-esiġenzi tal-klijent.

Kors dwar il-Kura tal-Anzjani: Teorija u Prattika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw biex jattendu għall-kors dwar il-Kura tal-Anzjani: Teorija u Prattika, akkreditat mill-Università ta' Malta u organizzat miċ-Ċentru ta' Taħriġ, San Vinċenz de Paul, (LAS1101) Award fil-Livell 5 (14ECTS) liema applikazzjonijiet għalqu fl-20 ta' Settembru li għadda?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li għall-kors dwar il-Kura tal-Anzjani: Teorija u Prattika, akkreditat mill-Università ta' Malta u organizzat miċ-Ċentru ta' Taħriġ, San Vinċenz de Paul, kien hemm 26 applikazzjoni għall-kors full time u 8 applikazzjoni għall-kors part time.

Anzjani li jgħixu fil-komunità – servizz ta’ internet b’xejn

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1986, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi u jekk sarx xi forma ta' ftehim mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni sabiex l-anzjani li jgħixu fil-komunità jibbenefikaw minn internet b'xejn jew minn offerti fuq pakketti li jinkludu wkoll l-internet? Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibda jipprovdi lill-anzjani li jgħixu fil-komunità b'internet b'xejn fin-nuqqas ta' xi forma ta' ftehim mal-operaturi?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif fil-fatt ġiet mwieġba l-Mistoqsija Parlamentari numru 1986, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħda tipprovdi faċilità ta’ internet b’xejn ġewwa ċ-ċentri tal-Anzjanità Attiva kif ukoll ħadmet mal-operaturi tat-telekomunikazzjoni GO u EPIC biex jagħmlu parti mill-iskema “Skontijiet għall-Anzjani” fejn anzjani li għandhom ’il fuq minn 60 sena jistgħu jibbenefikaw minn offerti fuq pakketti li jinkludu l-internet.

Djar tal-Anzjani – miżata u ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-miżata u l-ħlas dovut mill-anzjani biex jidħlu fid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Gvern skont l-aħħar reviżjoni?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżata u l-ħlas dovut mill-anzjani meta jidħlu fid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Gvern hija skont l-Avviż Legali 151 tas-sena 2018: ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI (KAP. 318) - Regolamenti tal-2018 dwar Rati għal Servizzi Residenzjali Finanzjati mill-Istat. L-ammont li jitħallas mir-resident bħala parti mill-kontribuzzjoni jkun jiddependi mil-livell ta' trattament li dak ir-resident ikun qiegħed jirċievi u għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti l-livell ta' trattament għandu jitqies bħala:- (a) Trattament tal-livell 1, fejn jiġi provdut servizz residenzjali bi trattament biss bażiku u minimu; jew (b) Trattament tal-livell 2, fejn is-servizz residenzjali provdut ikun jinkludi dak il-livell ta' trattament li jkun imur lil hinn minn trattament bażiku u minimu. Il-livell ta’ kura jiġi determinat u ċertifikat mill-Grupp Interdixxiplinari ta' Valutazzjoni. Kull persuna li ssir residenti ta’ dan is-servizz residenzjali, meta/jew wara li daħlu b’effett dawn ir-regolamenti, u min qed jirċievi kura ta’ livell 1, għandu jikkontribwixxi 60% minn kull pensjoni, għajnuna soċjali u bonus li jirċievi, nett mit-taxxa fuq l-income, u 60%, minn kull qligħ ieħor li jkun irċieva matul is-sena kalendarja minnufih qabel is-sena li fiha l-istima ta' qligħ bħal dak issir għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti, nett mit-taxxa fuq l-income. Kull persuna li ssir residenti ta’ dan is-servizz residenzjali, meta/jew wara li daħlu b’effett dawn ir-regolamenti, u min qed jirċievi kura ta’ livell 2, għandu jikkontribwixxi 80% minn kull pensjoni, għajnuna soċjali u bonus li jirċievi, nett mit-taxxa fuq l-income, u 60% minn kull qligħ ieħor li jkun irċieva matul is-sena kalendarja minnufih qabel is-sena li fiha ssir l-istima ta' qligħ ieħor bħal dak għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti, nett mit-taxxa fuq l-income. Minkejja dan, il-kontribuzzjoni magħmula mir-resident ma tistax tkun tali li tħalli lir-resident b’anqas minn €1,397.62 fis-sena biex ikunu għad-dispożizzjoni tiegħu/tagħha.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – post ta’ supervisor

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-post ta' Supervisor li għalqet fis-26 ta' Settembru 2022 (HR/MFAA/015/2022)? Jista' jgħid jekk minkejja li l-vakanza kienet waħda interna u kienu eleġibbli li japplikaw uffiċjali pubbliċi fis-Servizz Pubbliku jew uffiċjali pubbliċi fis-Settur Pubbliku, intlaqgħux wkoll applikazzjonijiet esterni?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-vakanza għalqet fis-26 ta’ Settembru 2022. Għaldaqstant il-Bord tal-Għażla għadu fil-process ta’ evalwazzjoni.

Silver-T Service

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Silver-T Service jintużax f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz tas-Silver-T qed jingħata f’25 lokalità f’Malta, li huma ż-Żurrieq, Ħal Safi, Gudja, ir-Rabat, il-Baħrija, l-Imtarfa, Ħad Dingli, il-Mosta, Burmarrad, l-Imġarr, in-Naxxar, il-Għargħur, il-Gżira, l-Imsida, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà, Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien, Santa Luċija, il-Mellieħa, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Buġibba u se jiġi provdut ukoll f’Għawdex fiż-żmien qarib. L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħda fil-proċess li toħroġ tender sabiex dan is-servizz jiġi estiż fuq bażi nazzjonali.

Anzjani — Skont fuq il-kera tal-linja tat-telefown

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li jingħataw skont fuq il-kera tal-linja tat-telefown tar-residenza tal-anzjan? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-kriterji sabiex anzjan ikun eleġibbli għal dan l-iskont?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-mument hemm 1,955 klijenti li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz. Dawn huma l-kriterji għal dan is-servizz: · Persuni anzjani li għandhom 60 sena ’l fuq u li għandhom il-Karta r-Roża valida maħruġa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u; · L-applikant irid ikollu servizz ta’ linja fissa tat-telefown tal-Go plc. Dan is-servizz ma jridx ikun marbut b’xi kuntratt jew b’xi pakkett ta’ servizz ieħor tal-Go plc.

Anzjani — Servizz Meals on Wheels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm anzjani għamlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid jekk sal-lum hemmx applikazzjonijiet li għadhom pendenti u jekk iva, għaliex għadhom pendenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-total ta’ benefiċjarji tas-servizz tal-Meals on Wheels fl-aħħar ta’ kull sena mitluba kien hekk: 2018: 681 2019: 693 2020: 796 2021: 902 2022 (sal-aħħar ta’ Settembru) 986 M'għandniex applikazzjonijiet li baqgħu pendenti.

Anzjani — Servizz Respite fid-Dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li għamlu użu mis-servizz ‘Respite fid-Dar’fis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), rispettivament? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx każijiet pendenti bħalissa li qed jistennew li jingħataw servizz mill-CommCare? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm dan id-dewmien?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Anzjani — Silver-T Service

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani, li għamlu użu mis-‘Silver-T Service’, li jikkonsisti fi trasport lokali lill-anzjani sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom fil-komunità, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani kellhom bejn 70 sena u 80 sena u kemm minn dawn l-anzjani kellhom ’il fuq minn 81 sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċertu żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma ntużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera, mill-2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.

Djar Residenzjali tal-Anzjani – laqgħat bl-involviment tar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani bl-involviment tar-residenti? Fejn saru dawn il-laqgħat u f’liema ġranet saru matul din is-sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-laqgħat li saru matul din is-sena fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani bl-involviment tar-residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern u Djar li l-Gvern għandu ftehim magħhom għal xiri ta’ sodod, ħa jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill għall-Anzjani li jgħin lill-Kummissarju għall-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1300, 1593 u 1871 u jgħid minn min hu kompost il-Kunsill għall-Anzjani li jgħin lill-Kummissarju għall-Anzjani? Jista' jgħid jekk apparti ċ-Chairperson u s-sitt membri oħra maħtura skont il-liġi, ġewx maħtura aktar membri mill-Kunsill? Jekk inhu l-każ, jista' jgħid min huma dawn il-membri?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Il- Kunsill għall-Anzjani li jgħin lill-Kummissarju huwa kompost skont il-liġi min: Chairperson: Prof. Godfrey Laferla Membri: Is-Sur Ludgard Scicluna Sa Joyce Debono Is-Sur Joseph Zarb Adami (MFH) Is-Sur Norman Grech (MEYR) Dr Anthony Degiovanni (rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali għall-Anzjani) Is-Sur Peter Paul Bonnici (rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali għall-Anzjani)

Residenza San Vinċenz de Paule – rakkomandazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fid-dettall x’kienu r-rakkomandazzjonijiet kollha li għamel l-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fir-rapport tiegħu dwar l-għejbien ta’ anzjan li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament mir-Residenza San Vinċenz de Paule fit-28 ta’ Ġunju 2022? Jista’ jgħid liema minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ser ikun qed jiġu implimentati u liema rakkomandazzjonijiet diġà qed jiġu implimentati?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta bis-segwenti: 1. U ż u ta’ tracking devices/alert devices: Se tiġi imnehdija konsultazzjoni pubblika fuq l-użu ta’ tracking devices mill-Ministeru tal-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’. Ir-Residenza San Vinċenz qegħda tipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet sabiex eventwalment jiġu implimentati r-rizultanzi. 2. Gwida fuq kif isiru l-allokazzjoni tas-swali: Qed jiġu mħejjija linji gwida sabiex il-professjonisti mediċi jkunu jistgħu jsegwu meta jsiru l-allokazzjonijiet tas-swali . La darba dawn jitlestu, għandhom jiġu addottati u implementati minn San Vinċenz bħala Policy. 3. Sorveljanza ta’ siti ta’ dħul u ħruġ ġewwa San Vinċenz u tan-nies deħlin u ħergin minn San Vinċenz: Qed isir analiżi sabiex jiġi assigurat il-livell ta’ sorveljanza permezz ta’ CCTV cameras li hemm installati ġewwa r-Residenza. Sar ukoll ezerċizzju sabiex jiġu rilokati numru ta’ CCTV cameras b’mod strateġiku sabiex jitneħħew minn dawl dirett li seta’ jaffettwa l-viżibilita’ tagħhom. Minbarra dan, San Vinċenz żiedet in-numru ta’ uffiċjali tas-Sigurta’ sabiex tkun assigurata sorveljanza bil-preżenza fiżika fis-swali. 4. Skrutinju tal-ħiliet tal-impjegati: L-ingaġġar u reklutaġġ tal-impjegati kollha jsir skont ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u l-impjegati kollha huma marbutin bil- job descriptions rispettivi tagħhom. L-infermiera huma ukoll obbligati li jippreżentaw ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħrug mill-Kunsill tal-Infermiera. Fil-każ ta’ infermiera barranin, dawn huma obbligati li jagħmlu placements qabel ma’ jkunu eliġibbli għar-reġistrazzjoni. Barra minn hekk, il- carers kollha għandhom jippreżentaw iċ-ċertifikati ta’ kompetenza. Jingħataw ukoll induction courses permezz tagħhom jiġu stabbiliti l-ħiliet tal-carers. Jsiru ukoll refresher courses għall-impjegati kollha ġewwa San Vinċenz organizzati miċ-Ċentru ta’ Taħrig, ġewwa San Vinċenz. 5. Rappurtar ta’ Inċidenti: L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz, kontinwament tisħaq illi l-infermiera u s-senior management għandhom jagħmlu rapport dettaljat f’każ ta’ inċidenti, liema rapporti għandhom imbagħad jiġu investigati. 6. Notamenti: Wara li sar audit fuq ir-records miżmumin minn San Vinċenz, rriżulta li fil-maġġoranza assoluta (98 %) tal-każijiet, n-noti u r-records fil-files mediċi huma ċari u dettaljati. Preżentement, qegħda tiġi esplorata l-possibilta’ li tiġi introdotta sistema komputeriżżata li fuqha jinżammu r-records kollha u n-notamenti li jsiru mill-professjonijisti. 7. Standard Operating Procedures: Bħala regola, l-iStandard Operating Procedures kollha jiġu aġġornati kull tlitt snin, jew skont l-eżiġenzi jekk ikun il-każ. 8. Kontroll ta’ vi ż itaturi: Kull viżitatur ġewwa San Vinċenz, għandu jagħmel appuntament minn qabel u għandu wkoll jirreġistra fil-main reception meta jżur ir-Residenza. Minbarra dan, il-viżitatur qiegħed jingħata wristband kkulurita. L-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz ħadet ħsieb ukoll li żżid il-preżenza ta’ uffiċjali tas-sigurtà. Uħud minn dawn l-uffiċjali qed ikunu stazzjonati fl-entraturi tas-swali. Apparti sorveljanza ta’ min dieħel u ħiereġ fis-swali, l-uffiċjali tas-sigurtà jaraw ukoll li kull viżitatur għandu wristband ; li l-impjegati kollha jilbsu identification tags u jinżamm rekord tar-residenti li joħorgu mis-sala. 9. Kamra tal-uffiċjali tas-sigurtà: Preżentement, hemm kamra tas-sigurtà, mgħammra b’apparat apposta sabiex tkun tista’ ssir is-sorveljanza tas-Residenza kollha 24 siegħa kuljum. F’din il-kamra jkun hemm tal-anqas uffiċjal tas-sigurtà wieħed il-ħin kollu. 10. Aktar komunikazzjoni bejn staff u management: Ser isiru aktar sforzi sabiex il-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn l-impjegati u l-management jissaħħu u b’hekk tissaħħaħ ir-relazzjoni bejniethom.

Residenza San Vinċenz de Paule – anzjani li qed jistennew trasferiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jsir assessment fuq kull anzjan li jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista’ jgħid ukoll minn min isir dan l-assessment? Jista’ jgħid ukoll jekk l-assessment ikunx jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet ta’ f’liema sala għandu jitpoġġa l-anzjan? Jekk huwa l-każ, jista’ jgħid jekk hemmx anzjani li għadhom jistennew li jiġu trasferiti fis-sala rakkomandata u jgħid ukoll għaliex sa issa ma sarx dan it-trasferiment?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull anzjan/a meta tidħol fil-faċilità għall-Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul, tiġi assessjata minn tim ta’ professjonisti multidixxiplinarju li jinkludi tobba, nurses, fiżjoterapisti, occupational therapists, podjatristi u speech therapists fost oħrajn. Tali assessjar isir b’mod regolari mit-tobba u l-infermiera megħjuna mit-tim multidixxiplinarju. Meta l-persuna turi sintomi jew imġiba li tindika li l-pazjent ma jkunx idoneju li jgħix f’sala komuni ssir rakkomandazzjoni sabiex il-persuna titmexxa għal post aktar sigur bħal ‘closed wards’ u tali trasferiment isir fl-aqsar żmien possibbli.

Residenza San Vinċenz de Paul – kumpanija tas-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kumpaniji ta’ sigurtà jagħtu servizz ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule qabel l-għejbien tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fit-28 ta’ Ġunju 2022? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid liema kumpaniji kienu qed jagħtu dan is-servizz? Jekk le, jista’ jgħid kemm hemm illum, kumpaniji ta’ sigurtà li qed jagħtu dan is-servizz ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule? Jista’ jagħti lista ta’ dawn il-kumpaniji kif ukoll il-ħlas li qed isir lil kull kumpanija għas-servizz li qed jagħtu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġewwa San Vinċenz ma kienx hemm kumpanija tas-sigurtà ġewwa San Vincenz qabel it-28 ta’ Ġunju 2022. Il-kumpaniji li qed jagħtu servizz bħalissa huma C.A.M.C. Security Ltd, Executive Security Services Ltd, JF Security Ltd, Signal 8 Security Services Malta Ltd u Group4 Security Services Ltd. Il-ħlas qed isir skont ir-rata ta’ ħlas għas-sena 2022 li jidher fiċ-ċirkulari numru 21/2021 maħruga mid-Dipartiment tal-Kuntratti bid-data tal-23 ta’ Diċembru 2021.

Skema Carer at Home

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna anzjani llum fil-komunità li qed jingħataw appoġġ finanzjarju għaliex jimpjegaw carer tal-għażla tagħhom biex jaqdihom fil-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum? Jista’ jgħid kemm anzjani bbenefikaw minn din l-għajnuna, minn meta bdiet l-iskema Carer at Home fis-sena 2016, maqsuma sena b’sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi n-numru ta’ anzjani li fil-preżent qed jirċievu l-benefiċċju taħt l-iskema tal-Carer at Home huwa ta’ 652. In-numru totali ta’ persuni li bbenefikaw minn meta bdiet l-iskema huwa kif ġej: 2016: 63 2017: 207 2018: 372 2019: 514 2020: 640 2021: 790 2022 (sal-lum): B’kollox ġew megħjuna 786, imma n-numru attwali li huma mgħejuna hu ta’ 652.

Skema Carer at Home — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki għandhom bżonn ikollhom il-carers li jintgħażlu mill-anzjani taħt l-iskema Carer at Home?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Carers impjegati mill-anzjani taħt l-iskema tal-Carer at Home irid ikollhom kwalifika rikonoxxuta ta’ Carer. Għaldaqstant fir-rigward ta’ kwalifika ottenuta minn barra minn Malta hija meħtieġa l-ekwivalenza mingħand il-Malta Qualifications Recognition Information Centre (MQRIC). Din tista’ tkun meħtieġa wkoll meta l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jara l-bżonn tagħha.