Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Tista' tispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex, fir-rigward tal-perjodu bejn l-2014 u l-aħħar ta’ Diċembru 2021, tirreferi għat-tweġibiet li ngħatawlha fil-Leġiżlatura preċedenti għall-mistoqsijiet parlamentari 16509, 16747, 24052 u 24058. Sadanittant, ninfurmaha li minn Jannar 2022 sal-lum, il-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, irċeviet donazzjoni ta’ €303 minn ARMS Ltd.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri – tqegħid ta’ main ġdid tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5184 dwar tqegħid ta' main ġdid tad-drenaġġ fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm dwar dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li wara li Infrastructure Malta lestiet ix-xogħlijiet biex ġiet stabilizzata t-triq indikata, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ingaġġat il-kuntrattur li ser jagħmel ix-xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jinbdew fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif jinħarġu l-approvazzjonijiet meħtieġa mill-Awtorità responsabbli.

Gżira – Pocket Garden

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm se jiġi jiswa l-"Pocket garden" Green Shelter imħabbar ftit tal-ġranet ilu għal ġewwa l-Gżira?

Response (DALLI, MIRIAM)

F’Jannar li għadda, ftit jiem biss wara li twaqqfet Project Green, nedejna l-Community Greening Grant - l-ikbar skema li qatt rajna s’issa f’pajjiżna għal proġetti ambjentali. Din l-iskema ser tissarraf f’€10 miljun lill-komunità biex jitwettqu proġetti ambjentali li jagħmlu differenza pożittiva u reali fil-lokalitajiet. Fl-istess ħin qed naħdmu fuq proġetti kbar filwaqt li komplejna niftħu spazji miftuħa ġodda u riġenerati. F’anqas minn ħames xhur diġà tajna 32,000 metru kwadru Bis-16-il proġett f’din l-ewwel sejħa tal-iskema, hu stmat li ser noħolqu żoni mħaddra li jistgħu jilħqu 110,000 persuna, f’temp ta’ 10 minuti mixi. Dawn il-proġetti jammontaw għal 80,000 metru kwadru ta’ spazji mħaddra ġodda – jiġifieri 10 darbiet daqs il-Fosos tal-Floriana. Uħud minnhom se jsiru fuq artijiet li setgħu ġew żviluppati għall-bini u li issa se jinbidlu f’pulmuni t’arja nadifa. Intgħażlu proġetti li juru firxa ta’ inizjattivi differenti u li se jwasslu għat-tħawwil t’aktar minn 6,400 siġra. Il-proġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dak ta’ Green Shelter li ġie propost mill-Kunsill Lokali tal-Gżira. Dan il-proġett, li huwa stmat li ser isir b’investiment ta’ madwar €170,000, se jsebbaħ b’mod kreattiv iż-żona ta’ madwar waħda mill-waqfiet għall-karozzi tal-linja li l-aktar jintużaw mill-pubbliku, biex nagħtu esperjenza isbaħ lil dawk li jużaw mezzi sostenibbli tal-ivvjaġġar. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jinħoloq spazju aħdar permezz ta’ disinjar mill-ġdid ta’ din il-waqfa għat-trasport pubbliku. Iż-żona tal-parkeġġ ser tinbidel fi spazju pedonali imsebbaħ b’siġar u arbuxelli, biex jinħoloq green shelter fil-qalba tal-lokalità tal-Gżira. Apparti li ninkoraġġixu tip ta’ mobilità differenti, dan il-proġett se jkun qed iservi wkoll ta’ mudell għal waqfiet oħrajn għall-karozzi tal-linja f’żoni urbani madwar il-pajjiż.

Ħad-Dingli – Triq it-Turretta — xogħol fis-sistemi tad-drenaġġ u asfaltar

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8830, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, u tgħid jekk hemmx pjan li jitkompla x-xogħol fis-sistemi tad-drenaġġ u asfaltar fi Triq it-Turretta, Ħad-Dingli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bit-tħejjijiet sabiex fil-ġimgħat li ġejjin tinħareġ is-sejħa għall-offerti biex jitkompla x-xogħol fuq is-sistemi tad-drenaġġ fit-triq indikata. Dan il-proġett huwa wieħed estensiv u jinkludi numru ta’ toroq oħrajn bejn Ħad-Dingli u r-Rabat.

Żurrieq — Wied Fulija – skart tal-kostruzzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8032, tista' l-Ministru tgħid fiex kien jikkonsisti l-materjal gradat għall-istabbilizzazzjoni tal-għoljiet f'Wied Fulija u kemm kienet il-kwantità li tpoġġiet minn kull tip ta' materjal gradat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tagħha li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Tista’ tgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

BCRS – installazzjoni ta’ kaxxi ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se jkunu installati aktar kaxxi tal-BCRS fir-Rabat (Malta), fl-Imtarfa, fl-Imġarr, f’Ħaż-Żebbuġ u f’Ħad-Dingli? Jekk iva, f'liema lokalitajiet u f'liema toroq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li preżentement m’hemm l-ebda pjan li jiġu installati aktar Reverse Vending Machines fil-lokalitajiet imsemmija, li diġà huma moqdijin b’tal-inqas installazzjoni ta’ magna waħda. Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jirritornaw il-kontenituri fil-ħwienet minn fejn jinxtraw. Għadha kemm ġiet imnedija wkoll skema fejn persuni li għandhom 'il fuq minn 60 sena jikkwalifikaw għas-servizz ta’ Silver T, li joffri servizz ta’ trasport bla ħlas sabiex anzjani jkunu jistgħu jitwasslu fl-eqreb magna (RVM) meta jagħżlu li jużaw wieħed mis-servizzi ta’ Silver T.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Ħaddiema tal-Kuntrattur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandha ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tagħha, u f’liema rwoli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża hemm 953 ħaddiem mal-kuntrattur, li 806 minnhom qed jagħtu servizz lill-Wasteserv. Il-bqija tal-ħaddiema għandhom rwoli f’dak li huwa xogħol ta’ tindif, klerikali, customare care, qaulity assurance, monitoring and enforcement, reception, security u tekniċi.

Għawdex – Proġetti ta’ spazji miftuħin fil-komunitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mis-16-il proġett li tħabbru ta’ spazji miftuħin fil-komunitajiet b’investiment ta’ €10 miljun li se jkunu lesti sas-sena 2025 u li se jsiru f'Għawdex, kemm hu l-ammont globali li se jieħu Għawdex minn dawn l-€10 miljun?

Response (DALLI, MIRIAM)

F’Jannar li għadda, ftit jiem biss wara li twaqqfet Project Green, nedejna l-Community Greening Grant - l-ikbar skema li qatt rajna s’issa f’pajjiżna għal proġetti ambjentali. Din l-iskema ser tissarraf f’€10 miljun lill-komunità biex jitwettqu proġetti ambjentali li jagħmlu differenza pożittiva u reali fil-lokalitajiet. Fl-istess ħin qed naħdmu fuq proġetti kbar filwaqt li komplejna niftħu spazji miftuħa ġodda u riġenerati. F’anqas minn ħames xhur diġà tajna 32,000 metru kwadru Bis-16-il proġett f’din l-ewwel sejħa tal-iskema, hu stmat li ser noħolqu żoni mħaddra li jistgħu jilħqu 110,000 persuna, f’temp ta’ 10 minuti mixi. Dawn il-proġetti jammontaw għal 80,000 metru kwadru ta’ spazji mħaddra ġodda – jiġifieri 10 darbiet daqs il-Fosos tal-Floriana. Uħud minnhom se jsiru fuq artijiet li setgħu ġew żviluppati għall-bini u li issa se jinbidlu f’pulmuni t’arja nadifa. Intgħażlu proġetti li juru firxa ta’ inizjattivi differenti u li se jwasslu għat-tħawwil t’aktar minn 6,400 siġra. Kif diġà tħabbar pubblikament, fost il-proġetti li ntgħażlu fl-ewwel sejħa tal-Community Greening Grant hemm dak li ġie propost mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem biex tingħata ħajja ġdida lil ġnien pubbliku u jservi bħala ċentru edukattiv ambjentali fil-beraħ. Dan il-proġett huwa stmat li se jiswa €596,772 u se jkun jinkludi faċilitajiet għal tfal neqsin mid-dawl u dawk bl-awtiżmu, kif ukoll karatteristiċi ġodda ta’ aċċessibbiltà inkluż rotta diretta għall-mixi lejn il-Wied tal-Imġarr. Kif spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 8151, fil-każ t’Għawdex Project Green b’kollaborazzjoni mad-Direttorat ecoGozo fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ser tkun qed twettaq ukoll proġett biex jiġi riabilitat Wied tal-Grixti, li se jkun ko-finanzjati minn fondi permezz tal-proġett LIFE Integrated Project. Barra minn hekk, Project Green diġà qed titkellem ma’ ħafna mill-applikanti li ma ntgħażlux għall-ewwel sejħa tal-Community Greening Grant, biex naraw kif il-proġetti tagħhom nistgħu nagħmluhom ambjentalment aktar sostenibbli u eventwalment inwettquhom. Sadattant, ninsab infurmata li Project Green qed tikkollabora wkoll mal-Ministeru għal Għawdex sabiex isiru investimenti konġunti f’aktar spazji miftuħa u proġetti ambjentali oħrajn madwar Għawdex.

Xogħol b’rabta man-new water

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema mix-xogħol, li kien approvat permezz tal-permess PA5334/17, marbut man-new water, għadu mhux iffinalizzat? Meta hu mistenni li jitlesta dan ix-xogħol li baqa'? Meta hu mistenni li l-bdiewa ser ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-ilma li se jitwassal f'dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet b’rabta mal-proġett tan-New Water li huma mniżżla fil-permess indikat u li għadhom preżentement għaddejjin jinkludu tħaffir ta’ trinek kif ukoll tqegħid ta’ katusi, u finalment it-tqegħid tad-dispensers tan-New Water. Infurmata li x-xogħlijiet fl-akkwata ta’ Popeye Village mistennija jiġu konklużi f’Ġunju, filwaqt li dawk fl-akkwati tal-Miżieb u Għajn Tuffieħa/Manikata huma proġettati li jitlestew fl-aħħar tas-sena 2023, minħabba li hemm l-obbligu li jitwaqqfu matul ix-xhur meqjusin bħala l-istaġun turistiku. Il-bqija tax-xogħlijiet imniżżla fil-permess huma kollha finalizzati.

Project Green – proposti magħżula

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu t-talbiet li ġew sottomessi għal investiment minn Project Green? Issa li ġie magħruf li numru minn dawn il-proposti ser isiru matul iż-żmien li ġej, tista' tagħti informazzjoni dwar it-talbiet l-oħra li għalissa ma ġewx magħżula? F'kull każ, min issottometta t-talba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Is-16-il proġett li ntgħażlu fl-ewwel sejħa tal-Community Greening Grant ser joħolqu spazji miftuħa mill-isbaħ. Minn proġetti kbar, bħat-trasformazzjoni tal-inħawi Taż-Żebbuġ f’Ħal Għaxaq f’park ġdid kbir daqs 3 grawnds tal-futbol, b’żona għall-kampeġġ. Għal proġetti iżgħar, bħar-riabilitazzjoni tal-playing field tal-Pietà, li issa se jkollha żona għall-qari u spazju għal wirjiet artistiċi fil-beraħ. Għandna proġetti li se jagħtu ħajja ġdida lil ġonna eżistenti, bħal Ġnien Reggie Cilia fil-Mosta li se jkun ikbar, u jkollu iżjed siġar milli fih illum. Il-proġett ta’ Ġnien Mediterran f’Raħal Ġdid se jinkludi żona għall-istudenti tal-MCAST viċin, filwaqt li l-proġett li se tagħmel l-Iskola De La Salle se jibdel ġnien ma jintużax fi spazju t’edukazzjoni ambjentali. Fost il-proġetti hemm ukoll diversi proposti innovattivi, bħall-Ġnien Malti li l-għaqda Grow 10 Trees ser tagħmel f’Birkirkara. Dan il-ġnien se jkun ukoll hub fejn il-volontiera ta’ din l-għaqda jkattru iż-żrieragħ u x-xitel ta’ pjanti u siġar Maltin. L-ispazju miftuħ li se jagħmel il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem se jkollu faċilitajiet għal tfal neqsin mid-dawl u dawk bl-awtiżmu. Proġett ieħor li qed jibbenefika mill-fondi ta’ Project Green huwa dak tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, li b’mod kreattiv se jsebbaħ iż-żona ta’ madwar waqfa tal-karozza tal-linja li jużaw ħafna passiġġieri, biex nagħtu esperjenza isbaħ lil dawk li jużaw mezzi sostenibbli tal-ivvjaġġar. Fl-Imtarfa, permezz tal-Community Greening Grant se nibdlu żona miksija bil-konkos fi ġnien tal-frott, b’aktar minn 160 siġra. F’Marsaxlokk, żona li bħalissa m’hijiex aċċessibbli se ssir masġar ta’ 4,500 metru kwadru, b’żoni ta’ rikreazzjoni għal dawk li jgħixu fl-inħawi. Proġetti oħrajn se jagħtu ħajja ġdida lill-pjazez, bħal Pjazza Victor Denaro l-Imsida u l-Pjazza tal-Karmelitani ż-Żurrieq. Fost il-proġetti li se joħolqu ġonna ġodda f’siti li ilhom snin twal mitluqin għandna l-ġnien ġdid fi Triq il-Għasel, il-Mellieħa u l-park pubbliku ġdid b’faċilitajiet għal dixxiplini sportivi differenti fiż-żona tax-Xwieki, il-Għargħur. Art mitluqa li hemm maġenb il-masġar tas-Simar fix-Xemxija se ssir aktar aċċessibbli għall-pubbliku biex titgawda bħala picnic area sostenibbli. F’Santa Venera, Hospice Malta se jibdlu art mitluqa mdawra bil-bini fi ġnien ġdid maġenb ċ-ċentru ġdid ta’ kura palljattiva li qed jagħmlu bħalissa. Dan il-ġnien, bħall-ispazji kollha taħt din l-iskema, se jkun miftuħ għall-pubbliku. Għall-informazzjoni dwar il-proġetti l-oħra nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 9140. Kif diġà ħabbart, Project Green qed tkompli titkellem mal-applikanti biex naraw kif il-proġetti tagħhom nistgħu nagħmluhom ambjentalment aktar sostenibbli u eventwalment inwettquhom ukoll.

BCRS — Operaturi ta’ bars u ristoranti – fifjużjoni ta’ depożitu fuq kull flixkun

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-operaturi ta' bars u ristoranti li għandhom ftehim mal-operatur tal-BCRS għadhom ma ħadu l-ebda ħlas lura tal-10 ċenteżmi depożitu fuq kull flixkun li jkunu ħallsu malli xtraw il-prodott, u dan minkejja l-fatt li ilhom xhur jgħaddu dawn l-istess kontenituri lill-BCRS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, skont il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fl-iskema, l-operatur huwa obbligat li jirrifondi d-depożitu fuq il-kontenituri miġburin fi żmien 120 ġurnata. Fil-fatt, ninsab infurmata li r-rifużjonijiet tal-kontenituri li ġew ritornati f’Novembru 2022 ingħataw f’Marzu 2023, filwaqt li r-rifużjonijiet ta’ Diċembru 2022 tħallsu f’April 2023. Min ikollu xi diffikultà jew mistoqsija dwar din l-iskema jista’ jitkellem dirett mal-operatur jew jagħmel kuntatt mar-regolatur li huwa Circular Economy Malta fuq 2226 8200 jew info@cemalta.gov.mt

Windfarms – studji lokali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8677 u tgħid liema studji dwar il-wind farms ġewwa Malta saru f’isem il-Gvern ta’ Malta, jew mill-Gvern ta’ Malta, matul is-snin? Meta saru dawn l-istudji? X’kienu r-riżultati ta' dawn l-istudji? Tista’ tqiegħed kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, matul is-snin l-imgħoddija, saru numru ta’ studji dwar il-possibbiltà li f’pajjiżna tiġi ġġenerata l-enerġija mir-riħ. Iċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, flimkien ma’ fatturi ġeografiċi u ambjentali oħrajn, ma kinux jagħmluha fattibbli li wieħed jinstalla wind farms fuq l-art jew oħrajn marbutin ma’ qiegħ il-baħar. Illum it-teknoloġija qed tkompli tiżviluppa b’pass aktar mgħaġġel, għalhekk qed naraw il-possibbiltà li jiġu żviluppati floating windfarms f’baħar aktar fond. Bħalissa qegħdin isiru aktar studji u tħejjijiet sabiex ikun sfruttat dan il-potenzjal. Id-dokumenti mitluba mhux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li dawn jinvolvu volum kbir ta’ karti. Għaldaqstant, kemm-il darba l-Onor. Interpellanta tixtieq, nista’ ngħaddilha soft copy tagħhom. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL1860 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 130 tal-5 ta’ Ġunju 2023)

Għawdex – titjib fl-infrastruttura tad-drenaġġ u tad-dawl

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi dettalji dwar il-proġetti u fiex jikkonsistu biex tittejjeb l-infrastruttura tad-drenaġġ u tad-dawl ġewwa l-gżira ta' Għawdex; investiment li huwa essenzjali għal din il-gżira minħabba l-mod kif żdiedet il-popolazzjoni u l-bini f'din il-gżira? Tista’ tgħid kemm hi maħsuba li se tkun l-ispiża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta qed twettaq pjan ta’ azzjoni li ser jammonta għal investiment ta’ €90 miljun fuq medda ta’ sitt snin, investiment medju ta' €15-il miljun kull sena, biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż. Il-grid tal-elettriku t’Għawdex jifforma parti mill-ħoloq tal-grid nazzjonali. L-inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta kontinwament isegwu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali mal-pajjiż kollu u jippjanaw il-proġetti ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, sew f’Malta u anke f’Għawdex. Fid-dawl ta’ dan, l-Enemalta għandha diversi proġetti maħsuba biex tkompli ssaħħaħ il-provvista u l-infrastruttura tal-elettriku fl-isfond tal-ekonomija vibranti li hemm f’Għawdex. Fost il-proġetti ewlenin li x-xogħol fuqhom diġà jinsab fi stadju avvanzat hemm żewġ substations ġodda tan-Nadur u waħda fix-Xlendi. Ser isir ukoll xogħol ieħor ta’ tisħiħ fis-substations tal-Qala, tax-Xlendi u ta’ Marsalforn. Proġett ieħor li wkoll jinsab fi stadju avvanzat huwa dak tat-tqegħid ta’ cable ta’ vultaġġ għoli miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tax-Xewkija lejn substation f’Victoria. L-investiment fuq dawn il-proġetti huwa stmat li ser jammonta għal aktar minn €1.5 miljun. Min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wkoll hemm diversi proġetti li nbdew jew huma ppjanati li jsiru għat-tisħiħ fis-sistema tad-drenaġġ f’Għawdex. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet biex jinbidlu l-mejnijiet tad-drenaġġ fil-Pjazza tas-Sannat, fi Triq Hamri kantuniera ma’ Triq St. Anthony, f’Għajnsielem, fi Triq tal-Marġa, ix-Xagħra, mejn ġdid għall-isqaq faċċata ta’ Sqaq Pergla, ix-Xagħra, kif ukoll issir estensjoni ta’ mejn tad-drenaġġ fil-parti ta’ fuq ta’ Triq Għajn Tuta, f’Kerċem. Diġà hemm ippjanat ukoll biex fix-xhur li ġejjin jinbdew xogħlijiet biex jinbdilu mejnijiet fil-parti ta’ fuq ta’ Triq Wied Sara, fl-Għasri kif ukoll biex jiġi mgħoddi mejn ġdid tad-drenaġġ fi Triq it-28 ta’ Aril 1688, fil-Qala. L-investiment għal dawn il-proġetti huwa stmat li ser ikun aktar minn €1.8 miljun.

Kerċem, Għawdex – Triq it-Tlettax ta’ Diċembru — xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li saru matul ix-xhur li għaddew mill-Ministeru tagħha fi Triq it-Tlettax ta' Diċembru ġewwa Santa Luċija, Kerċem, (Għawdex), tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa dan ix-xogħol u min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Tista’ tgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva, min għamilhom, meta saru u tqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li, fit-triq indikata, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet xogħlijiet relatati man-netwerk tan-New Water f’Għawdex. Ix-xogħol sar taħt is-superviżjoni ta’ Perit tal-Korporazzjoni u sewa €275,000 (VAT eskluża). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti mitluba. Sadanittant, ġejt infurmata wkoll li wara li tlestew dawn ix-xogħlijiet, inqalgħet ħsara f’cable tal-elettriku taħt l-art, f’parti mill-istess triq, u wara li saru t-tiswijiet meħtieġa jonqos li jingħata l-asfalt.

BCRS — miżata annwali għall-ġbir ta’ kontenituri

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għaliha l-operaturi ta' bars u ristoranti li għamlu ftehim mal-operatur tal-BCRS għall-ġbir tal-kontenituri, qegħdin jintalbu jerġgħu jħallsu 'l-annual fee' tagħhom, u dan meta għadhom għaddew biss ftit xhur minn meta l-istess sistema bdiet taħdem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fl-iskema, l-operaturi tal-istabbilimenti tal-catering għandhom l-obbligu li jġeddu l-parteċipazzjoni tagħhom darba fis-sena. Minħabba li l-ewwel reġistrazzjoni kellha ssir qabel l-14 ta’ Novembru 2022, hemm diġà numru ta’ stabbilimenti li r-reġistrazzjoni tagħhom waslet biex tiġġedded. Dwar dawn saru diskussjonijiet u ntlaħaq qbil sabiex BCRS Malta Ltd. toħroġ credit notes pro-rata li jkopru l-perjodu bejn id-data tal-ewwel reġistrazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-iskema, sabiex jagħmel tajjeb għall-ħlas preċedenti li kien sar.

Project Green – proġetti ta’ spazju miftuħ aħdar ġdid

Question

Wara li l-aġenzija Project Green ħabbret 16-il proġett ta’ spazju miftuħ aħdar ġdid li ġew magħżula, tista’ l-Ministru tgħid u tipprovdi lista tal-applikazzjonijiet li ma ġewx magħżula u tgħid min kien l-applikant u xi proġett ġie propost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green diġà qed titkellem ma’ ħafna mill-applikanti li ma ntgħażlux għall-ewwel sejħa tal-Community Greening Grant, biex naraw kif il-proġetti tagħhom nistgħu nagħmluhom ambjentalment aktar sostenibbli u eventwalment inwettquhom. F’Jannar li għadda, ftit jiem biss wara li twaqqfet Project Green, nedejna l-Community Greening Grant - l-ikbar skema li qatt rajna s’issa f’pajjiżna għal proġetti ambjentali. Din l-iskema ser tissarraf f’€10 miljun lill-komunità biex jitwettqu proġetti ambjentali li jagħmlu differenza pożittiva u reali fil-lokalitajiet. Fl-istess ħin qed naħdmu fuq proġetti kbar filwaqt li komplejna niftħu spazji miftuħa ġodda u riġenerati. F’anqas minn ħames xhur diġà tajna 32,000 metru kwadru Bis-16-il proġett f’din l-ewwel sejħa tal-iskema, hu stmat li ser noħolqu żoni mħaddra li jistgħu jilħqu 110,000 persuna, f’temp ta’ 10 minuti mixi. Dawn il-proġetti jammontaw għal 80,000 metru kwadru ta’ spazji mħaddra ġodda – jiġifieri 10 darbiet daqs il-Fosos tal-Floriana. Uħud minnhom se jsiru fuq artijiet li setgħu ġew żviluppati għall-bini u li issa se jinbidlu f’pulmuni t’arja nadifa. Intgħażlu proġetti li juru firxa ta’ inizjattivi differenti u li se jwasslu għat-tħawwil t’aktar minn 6,400 siġra.

ARMS – kuntratti

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-kuntratti kollha li ngħataw mill-ARMS Ltd minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, u f'kull każ tgħid għal liema servizz ingħata l-kuntratt, lil min jew lil liema kumpanija, kemm kien l-ammont, u ngħatax b'tender, direct order, jew mod ieħor?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.