Tista’ l-Ministru tgħid jekk tħaddmitx ir-rata ta’ siġar li jibqgħu ħajjin wara sena (1-year survival rate), kejl komuni ħafna fi proġetti ta’ tħaddir, u jekk iva, x’inhi din ir-rata għall-proġetti ta’ Project Green?
Response (DALLI, MIRIAM)
Project Green issegwi r-rata ta’ sopravivenza tas-siġar permezz ta’ rekords interni ġġenerati mir-reġistri tat-tħawwil tal-immaniġġjar tal-parks, imbagħad dawn jiġu verifikati permezz ta’ eżerċizzji ta’ mmappjar (mapping) fuq il-post.
Il-perjodu ta’ valutazzjoni huwa dak ta’ sena, li jkopri minn Awissu 2024 s’Awissu 2025. Din l-analiżi tkopri parks, widien u spazji miftuħa taħt it-tmexxija diretta ta’ Project Green.
Ninsab infurmata li matul dan il-perjodu, ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ sostituzzjoni ta’ siġar jew arbuxxelli li tħawwlu fl-aħħar 12-il xahar fis-siti mmexxija minn Project Green. Għaldaqstant, ir-rata ta’ sopravivenza annwali f’dawn il-parks u spazji miftuħa hija meqjusa bħala waħda għolja ħafna, u tikkorrispondi għal mija fil-mija (100%).
Għandu jiġi nnutat li pjanti
erbacei
u
perenni
ma ġewx inklużi f’dan l-istħarriġ, peress li ċ-ċiklu staġjonali tagħhom jagħmel kejl ta’ sopravivenza fuq bażi annwali mhux rilevanti.
Fid-dawl li f’Settembru tal-2024, il-Wasteserv ħabbret li għamlet investiment f’pasturizzatur li jipproċessa materjal diġestat (digestate material), u li jbiddlu f’kompost li se jingħata b’xejn fil-Pitkalija, tista’ l-Ministru tagħti l-ammont ta’ kompost iġġenerat kull xahar minn dan il-metodu, minn Settembru tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din i-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-WasteServ tipproduċi tip ta’ kompost magħruf bħala Soil Enhancer kemm fil-faċilità tal-Magħtab kif ukoll minn Ta’ Qali CA site. L-ammont totali li ġie prodott minn Settembru 2024 huwa ta’ 2,632.59 tunnellata.
Tista’ l-Ministru tagħti stima tal-perċentwal tan-network tal-ilma maqsum skont id-deċennju ta’ installazzjoni kif ġej:
• X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1965–1975?
• X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1975–1985?
• X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1985–1995?
• X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 1995–2005?
• X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 2005–2015? u
• X’persentaġġ tat-tul ġew installati fid-deċennju 2015–2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ottubru 2025?
B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq A.M. Valperga fil-Fgura (’l isfel mill-ground tal-futbol), tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-ħajt il-ġdid li qed jinbena mat-triq ma daħalx iktar ’il ġewwa sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw b’mod vertikali (fish bone) u mhux orizzontali mat-triq, u b’hekk tkun tista’ tissolva parzjalment il-problema tal-parkeġġ fiż-żona? Tista’ tgħid ukoll jekk tali talba saritx mill-Kunsill Lokali wkoll?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet kienu qed jagħmlu l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’dawn l-aħħar ġranet u ġimgħat fi Triq l-Emigranti fin-Nadur, Għawdex, fejn fl-istess triq fix-xhur li għaddew kien inbeda x-xogħol tas-servizz f’din it-triq minn kuntrattur imqabbad mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li kienu qegħdin jagħmlu xogħol ta’ trinek tas-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proġett tat-triq indikata l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u wettqet dawn ix-xogħlijiet:
· kummissjonar ta’ Drainage Pumping Station;
· konnessjonijiet ta’ rising u gravity mains li ġew installati minn qabel mill-kuntrattur imqabbad mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar;
· konnessjonijiet tad-djar ma’ dawn il-gravity mains ġodda li permezz tagħhom ġiet eliminata l-fossa f’din it-triq;
· installazzjoni ta’ dual water mains.
Il-konnessjonijiet tad-djar mas-sistema l-ġdida tal-ilma għandhom jitwettqu fi żmien qasir u meta jiġu finalizzati l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ikun jista’ jwettaq xogħlijiet fuq it-triq u finalment jingħata l-asfalt.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn impjanti tad-drenaġġ f’Malta u Għawdex? Tista’ tgħid ukoll liema huma dawn l-impjanti u liema huma l-impjanti li mhux qed jiffunzjonaw kif suppost?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’Malta u Għawdex hawn tliet impjanti għat-trattament tad-drenaġġ – ta’ Ras il-Ħobż f’Għawdex, Taċ-Ċumnija fil-Mellieħa u Ta’ Barkat fil-limiti tax-Xgħajra u dawn kollha jaqdu l-funzjoni tagħhom kif suppost.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31424 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u ċjoè: B’referenza għall-pompa tal-petrol li ilha ma tintuża u li qiegħda fil-Promenade ta’ Tas-Sliema, li ritratt tal-pompa qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jispjega għaliex din il-pompa qed titħalla f’din il-kundizzjoni? Jista’ jgħid ukoll għaliex il-pjattaforma tal-metall ta’ din il-pompa tal-petrol ma tneħħietx, li ritratt tagħha ukoll qed jingħata separatament, peress li tista’ tikkawża korrimenti lil dawk li jkunu mixjin jew jiġru tul il-promenade?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-time frame tal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Marsa li tħabbar f’Awwissu 2025? Tista’ tgħid ukoll kemm ser jiġi jiswa u meta se jkun lest?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR 251404) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar is-6 ta’ Awwissu 2025 li fiha dettalji dwar il-proġett tar-riġenerazzjoni taċ-ċentru tal-Marsa, li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tiegħu. Huwa mmirat li l-proġett kollu, maqsum fi tliet fażijiet, jitlesta f’nofs is-sena 2027.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm każijiet fejn il-
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
(WSC) ltaqgħet ma’ vandaliżmu jew abbuż fuq in-network tagħha? Jekk iva, x’tip? Tista’ tgħid ukoll jekk tinżammx statistika ta’ kemm kien hemm minn dawn il-każijiet u xi jkun l-effetti ta’ każijiet bħal dawn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li waqt l-andament tal-ħidma tagħha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jkollha ssolvi numru ta’ każijiet ta’ vandaliżmu kif ukoll abbużi mis-sistema tad-drenaġġ. Dawn is-sitwazzjonijiet, li jirriżultaw minn rimi ta’ materjal ipprojbit, jikkaġunaw sadd fis-sistema li sussegwentament iwassal għal żbroff tad-drenaġġ.
Fost il-każijiet li seħħew riċentament u li kienu kawża ta’ vandaliżmu kien hemm dawn:
- Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa – ħaddiema min-naħa tal-Korporazzjoni sabu ħarqa mgeżwra ġo xugaman li kkawżat l-imblokk u sussegwentament żbroff;
- Triq San Luqa f’Buġibba – ħaddiema tal-Korporazzjoni sabu biċċa njama mdeffsa fil-pajpijiet li kawża tagħha weħlu ammont ta’ wipes magħha li rriżulatat fi mblokk;
- Triq l-Imdina f’Ħal Qormi - ammont ta’ wipes mormijin fis-sistema wasslu għal żbroff ta’ drenaġġ;
- Kappara Roundabout - ġebla mdeffsa fil-pajpijiet ikkawżat imblokk li wassal għal żbroff tad-drenaġġ.
Hu mistenni li kull residenza f’Malta ssegwi l-Leġiżlazzjoni Maltija li titratta rimi ġewwa s-sistema tad-drenaġġ (S.L. 545.08 – para 5). Dan il-ħarsien tan-network tad-drenaġġ huwa ta’ importanza kbira mhux biss għall-Korporazzjoni iżda għall-pajjiż kollu biex dejjem tiġi salvagwardjata l-iġjene kif ukoll biex il-poplu jkun moqdi bl-aħjar mod possibbli.
Hawn taħt qed nagħti n-numru ta’ tali każijiet li l-Korporazzjoni ltaqgħet magħhom fl-aħħar tliet snin u ħadmet qatigħ biex ġew solvuti:
2023 1,780
2024 1,498
2025 1,240
Ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali - Multiq
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31193 u tagħti ċifra ta’ kemm-il multa nħarġet għall-ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali (littering)? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom ġew imħallsa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika n-numru ta’ nies li nqabdu mill-uffiċjali tal-ERA joħorġu skart mhux skont l-iskeda bi ksur tar-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40) li fiha hemm ukoll kemm multi ġew imħallsa. Il-perjodu jkopri mis-sena 2018 sat-13 ta’ Ottubru 2025. Dawn il-figuri jirrigwardaw littering biss u mhux jinkludu ksur tar-Regolament (LS549.40) fuq rimi illegali ta’ skart fuq skala ikbar. Tajjeb infakkar li r-Regolament (LS549.40) huwa infurzat kemm mill-ERA, kif ukoll mil-LESA u mill-Pulizija.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn ir-rapport tal-Uffiċċju Metroloġiku ma rrappurtax l-istatus tat-temp fiż-żona ta’ Selmun matul is-sentejn li għaddew? Tista’ tiċċara jekk l-istrument li jintuża biex jiġi vverifikat u rrappurtat it-temp kienx bil-ħsara għal dawn is-sentejn u jekk iva, tindika d-data ta’ meta dan ser jitranġa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Meteoroloġiku huwa parti mill-Malta International Airport (MIA).
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29049, tista’ l-Ministru tgħid jekk Ambjent Malta tikkunsidrax il-possibbiltà li tikkollabora mal-Ambaxxata Amerikana sabiex il-monument ta’ Kennedy Grove jkun jista’ jingħata attenzjoni iktar diretta, inkluż f’kollaborazzjoni mal-istess Ambaxxata Amerikana?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għal skop ta’ titjib ambjentali, Ambjent Malta tkun lesta tikkallobara ma’ kull min ikun hemm bżonn. Sadanittant, nerġa’ nirreferiha għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 29049.
Tista’ l-Ministru tgħid liema xogħol ta’ restawr qed iseħħ preżentement fil-ġibjun tal-Miżieb (dak li jinsab qrib l-Imbordin)? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29048, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol marbut mal-main tal-ilma fl-inħawi tal-Miżieb? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jitlesta l-istess xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol li jinsab għaddej bħalissa fil-Miżieb huwa parti minn pjan biex tissaħħaħ il-provvista tal-ilma fil-Mellieħa. Dan il-proġett huwa mmirat li jitlesta fis-sajf li ġej.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsija parlamentari 10041 fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9730, tista' l-Ministru tagħti aġġornament dwar is-sejħa ‘Competitive Procedure with Negotiation’ għall-proġett to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab, fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni ta' din is sejħa, u meta hu maħsub li jiġi konkluż?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender inkwistjoni jinsab fl-istadju ta’ evalwazzjoni.
Għawdex u Kemmuna – Distribution Centres u Substations ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru Distribution Centres u Substations ġodda f’Għawdex u Kemmuna matul l-2022, l-2023, l-2024 u l-2025? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm Distribution Centres u Substations ġodda ppjanati li jsiru mill-Enemalta f’Għawdex u Kemmuna matul l-2026 u l-2027?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li Enemalta għaddejja b’tisħiħ kontinwu tas-sistema tad-distribuzzjoni inkluż f’Għawdex. Matul dawn l-aħħar erba’ snin ikkummissjonat 20 substation ġdida f’Għawdex f’lokalitajiet diversi. Ifisser li ġew ikkummissjonati medja ta’ erba’ substations fis-sena f’Għawdex, fejn dan in-numru jaf ivarja skont l-esiġenzi tan-network tagħha. Bħalissa għaddej il-proċess biex tiġi identifikata art fejn tkun tista’ tinbena distribution centre ġdida.
Ħaż-Żabbar - Triq il-Farfett tal-Fejġel - Irwejjaħ ta’ drenaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb li terġa’ tinqala’ t-triq bejn Triq il-Farfett tal-Fejġel, (il-parti li tiela lejn Triq iż-Żarżarell) f’Ħaż-Żabbar, biex titranġa l-problema hekk kif qed ikun hemm irwejjaħ qawwija ta’ drenaġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 31384.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti lill-Wasteserv f’dawn l-aħħar tliet snin fuq il-katusi tad-drenaġġ li hemm bejn Triq il-Farfett tal-Fejġel, (il-parti li tiela’ lejn Triq iż-Żarżarell) f’Ħaż-Żabbar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qabel xejn ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-entità responsabbli mill-infrastruttura tad-drenaġġ mhix il-Wasteserv, imma l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. U allura ninfurmaha wkoll li lill-Korporazzjoni ma sarilha ebda rapport dwar il-katusi tad-drenaġġ fit-triq indikata. Il-Korporazzjoni kontinwament tispezzjona l-mejnijiet tan-network tagħha biex tassigura li dawn jinżammu fl-aħjar qagħda possibbli. Bħala parti minn dan il-proċess l-imsemmi mejn sa jkun qed jiġi spezzjonat.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk id-drenaġġ hux qed jiġi ttrattat kollu qabel imur fil-baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħala regola d-drenaġġ jiġi trattat kollu. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellanta li llum id-drenaġġ mhux biss jiġi trattat, imma għandna sistema magħrufa bħala ‘New Water’ li saħansitra mid-drenaġġ nagħmlu ilma tajjeb għat-tisqija tal-bdiewa.
L-investiment fis-settur kompla u se jkompli, u ninsab infurmata wkoll li f’każi rari li jkunu nqalgħu xi ħsarat jew diffikultajiet (bħal kawża ta’ xita estrema, it-tfigħ ta’ effluwenti li mhux drenaġġ jew xi ħsarat) it-timijiet tekniċi tal-Water Services Corporation jaġixxu minnufih skont il-każ.