Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – ħlas ta’ spejjeż mediċi lil Ambaxxaturi u l-familjari tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ispejjeż mediċi (u jindika x’tip ta’ trattament ingħata) lill-Ambaxxaturi u l-familjari tagħhom li qed iservu fl-Ambaxxati tagħna?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-trattament mediku provdut huwa ta’ l-istess livell ta’ servizz mediku li l-Gvern Malti jipprovdi liċ-ċittadini Maltin f’Malta. L-ispejjeż mediċi huma regolati mill-Conditions of Service li fi kwalunkwe każ jammonta għal 90% tat-trattament mediku li uffiċjali ikunu eleġiblli għalih billi 10% jitħallsu personalment mill-istess uffiċjal. Din il-formola tal-ħlas ta’ benefiċċju ilha fis-seħħ sa mill-introduzzjoni tal-ewwel Conditions of Service (1994) u anke fis-snin ta’ qabel ġie introdott is-servizz diplomatiku.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – Eżitu tal-investigazzjoni fuq apostilles li saru fuq dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni tal-apostilles li saru fil-Ministeru u ngħataw fuq dokumenti notorizzati li ppermettew li jintużaw ċertifikati biex jiġi traffikat iż-żejt lejn l-Italja? X’miżuri ttieħdu jew ippjanat li jittieħdu wara dan il-każ sabiex każijiet simili ma jirrepetux ruħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjoni li saret fuq il-proċess ta' legalizzazzjoni ta' dokumenti ma sabet xejn dwar dak li qed tallega li kien hemm jew seta' kien hemm xi proċessi li ppermettew li jintużaw ċertifikati biex jiġi traffikat iż-żejt lejn l-Italja. Għaldaqstant, ma jistgħux jittieħdu mizuri għax dan il-każ ma seħħx.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Żjarat barra minn Malta mis-Segretarju Permanenti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2923, jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-ispejjeż taż-żjarat li għamlet is-Segretarju Permanenti bejn is-17 u l-25 ta’ Settembru 2016 lejn l-Istati Uniti u bejn il-15 u s-27 ta’ Lulju 2017 lejn iċ-Ċili? Jista’ jagħti wkoll break down tal-ispejjeż taż-żjarat li għamlet l-istess uffiċjal mal-Prim Ministru bejn it-28 u t-30 ta’ Novembru 2016 u bejn it-28 ta’ Frar u t-3 ta’ Marzu 2017 li kienu Tour de capitales? Nixtieq li tingħata lista ta’ min kienu l-uffiċjali ta’ dawn id-delegazzjonijiet.

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-breakdown tal-ispejjez taz-zjarat li għamlet is-Segretarju Permanenti bejn is-17 u l-25 ta’ Settembru 2016 lejn l-Istati Uniti u bejn il-15 u s-27 ta’ Lulju 2017 lejn iċ-Ċili. Fir-rigward tat-tieni parti tal-Mistoqsija fejn qed jiġi mitlub sabiex tingħata lista ta’ min kienu l-uffiċjali ta’ dawn id-delegazzjonijiet, nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi dan il-Ministeru ma jistax jagħti din l-informazzjoni peress li dawn kienu delegazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew tal-Uffiċċju tal-President ta’ Malta.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Ambaxxati u Konsulati – rigali fi żmien il-Milied

Question

Huwa fatt magħruf li numru ta’ Ambaxxati u Konsulati f’Malta jagħtu rigali ħafna drabi b’valur imdaqqas, lill-istaff tas-senior management, inkluż lis-Segretarju Permanenti f’dan iż-żmien tal-Milied u l-bidu tas-sena. Jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri minn dawn ir-rigali? Jista’ jgħid jekk humiex suġġetti għaċ-ċirkolari tal-OPM dwar dan is-suġġett? Jista’ jgħid għal min kienu dawk il-ħafna rigali li hemm u ilhom hemm mill-20 ta’ Diċembru fir-reception area tal-Ministeru fl-entratura ta’ Triq Melita?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rigali li jingħataw is-Senior Management jaqgħu taħt id-definizzjoni ta' 'token gifts' u għaldaqstant l-individwi għandhom id-dritt li jew iżommuhom jew kif ħafna drabi jiġri, jaqsmuhom ma' kollegi oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — –Teħid ta’ passi dixxiplinarji kontra uffiċjali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2925, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Segretarju Permanenti ħaditx passi dixxiplinari kontra l-uffiċjali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, li temmew il-posting tagħhom fir-Rappreżentanza Permanenti għall-Ġnus Magħquda f’Ġinevra meta dawn żammew kontijiet miftuħin f’banek Żvizzeri bl-indirizz tagħhom tar-Rappreżentanza Permanenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx meħtieġ li jsir dan. Għaldaqstant m’għandix x’inżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2925.

Miżuri ta’ sigurtà f’Ambaxxati Maltin barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ sigurtà qed jittieħdu fl-Ambaxxati ta’ Tel Aviv, Ramallah, il-Kajr, Tunes u l-Algiers? Liema huma l-entitajiet/aġenziji tal-gvern involuti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nformazzjoni dwar miżuri ta’ sigurtà fl-Ambaxxati hija ikkunsidrata bħala informazzjoni sensittiva u ta’ sigurtà nazzjonali. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – xogħlijiet fil-kantina ta’ Palazzo Parisio

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fil-kantina ta’ Palazzo Parisio? Kemm ġew jiswew s’issa u meta huwa mistenni li jitlestew?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istadju tax-xogħlijiet fil-Kantina tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozjoni tal-Kummerċ f’Palazzo Pariso il-Belt Valletta huwa kif deskritt hawn taħt: L-ewwel fażi tax-xogħlijiet huma lesti. Dawn kienu jikkonsistu fi skavar ta’ materjal b’għoli ta’ madwar 60cm madwar il-kantina kollha, kif ukoll tneħħija ta’ katusi tal-asbestos minn fuq il post. L-ispejjeż tax-xogħlijiet li saru s’issa huma: Tneħħija ta’ katusi tal-Asbestos €11,741.00 Skavar tal-materjal €33,765.50 Supervizjoni tal-Arkeoloġija €3,904.05 Superviżjoni fuq Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol €861.40 Totali: €50,271.95 Ix-xogħolijiet huma mistennija li jkunu lesti fis-sena 2019.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ– xogħlijiet fuq is-soqfa tat-tielet sular ta’ Palazzo Parisio

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fis-soqfa tat-tielet sular ta’ Palazzo Parisio? Kemm ġew jiswew s’issa u meta huwa mistenni li jitlestew?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq rakkomandazzjoni tal-Periti tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi, dan il-Ministeru kien għamel protezzjoni temporanja tax-xibka li kienet qegħda tidher, sabiex ma tkomplix issir ħsara lis-saqaf, b’materjal apposta. Bħalissa qed jiġi kkonsidrat jekk isirux soqfa ġodda jew inkella jiżdiedu aktar travi tal-ħadid bejn dawk li hemm diġà. S’issa l-ispiża tal-materjal kienet ta’ €181.89.

Kompożizzjoni ta’ delegazzjonijiet – żjarat uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, lejn liema pajjiżi siefer fiż-żjarat uffiċjali s’issa, il-kompożizzjoni tal-delegazzjoni tiegħu, min kienu l-uffiċjali miċ-ċivil li akkumpanjawh u x’kienet l-ispiża għal kull żjara minn Ġunju 2017 sal-lum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra Minn Malta — laqgħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta li saret fid-19 u l-20 t'Ottubru? Għalfejn ma ħarġitx stqarrija għall-istampa? U meta beħsiebu jorganizza l-Konvenzjoni għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta li jmiss?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħa tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, li ttellgħet fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ nhar id-19 u l-20 t'Ottubru 2017, kien hemm numru ta’ deċiżjonijiet li jkunu jistgħu jsiru pubbliċi meta jigu maqbula u konfermati l-minuti fil-laqgħa li jmiss. Il-Ministeru ħareġ stqarrija għall-istampa nhar it-13 ta’ Ottubru 2017, Stqarrija Numru. 17235en, intitolata PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AFFAIRS AND TRADE PROMOTION: The Maltese government continues to strengthen its relation with Maltese living abroad including newer generations , accessibli fuq il- link elettronika li tidher hawn taħt: http://www.gov.mt/en/Government/Press%20Releases/Pages/2017/October/13/pr172325en.aspx Il-Ħames Konvenzjoni tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta għandha tittella’ fis-sena 2020.

Uffiċjali — delegazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid dawn l-imsemmija uffiċjali: a) is-Chief Information Officer; b) id-Direttur Ġenerali tal-Politika, l-Unjoni Ewropea u l-Maltin li Jgħixu Barra; c) id-Direttur Ġenerali għal-Affarijiet Globali; d) id-Direttur għall-Protokol; e) id-Direttur għall-Affarijiet Konsolari; f) id-Direttur għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji; g) id-Direttur għall-Affarijiet Ewropej; h) id-Direttur għall-Maltin li Jgħixu Barra; i) id-Direttur Żvilupp Internazzjonali, Affarijiet Ekonomiċi u Istituzzjonjiet Ewropej; u, j) id-Direttur għall-Affarijiet Globali lejn liema pajjiżi siefru, jekk kenux parti minn delegazzjoni jew le, għal liema skop u x’kienet l-ispiża għal kull żjara li għamlu minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Insurance policy għad-Diplomatiċi Maltin barra minn Malta

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2922, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li tiġi introdotta jew tiġi estiża l-insurance policy preżenti għad-diplomatiċi tagħna, li tkun tkopri l-atti ta’ terroriżmu u/jew azzjonijiet relatati?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ filwaqt li jirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 21309 (tat-12-il Leġiżlatura) u 2922, jixtieq jinforma illi f’dan l-istadju ma hemmx żviluppi fuq is-suġġett mitlub mill-Onor. Membru.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Żieda ta’ esperjenza lill-Ambaxxaturi / konsulenti irtirati

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2924, jista’ l-Ministru jgħid għaliex jippreferi jżid l-esperjenza lil żewġ ambaxxaturi/konsulenti tiegħu li ilhom snin irtirati, milli jagħti iktar esperjenza lil diplomatiċi professjonali iżgħar? Għaliex dawn id-diplomatiċi professjonali iżgħar qed jitħellew disa’ sigħat fl-uffiċini ta’ Palazzo Parisio meta jistgħu jkabbru l-esperjenza tagħhom bħala diplomatiċi professjonali u jmorru huma flok l-irtirati?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob l-Onor. Interpellant jgħid min huma dawk id-diplomatiċi, li skont hu qed jitħallew disa siegħat fl-uffiċini ta’ Palazzo Parisio.

Ex Direttur tas-Servizzi Korporattivi — transfer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni għaliex l-ex Direttur tas-Servizzi Korporattivi ngħatat transfer vendikattiv lejn Ministeru ieħor wara ‘l fuq minn tletin sena servizz fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-trasferiment inkwistjoni sar skont l-esiġenzi tas-servizz. Il-konklużjonijiet u preġudizzji bla bażi li qed jasal għalihom l-Onor. Interpellant ma jagħmlu ġieħ lill ħadd.

Diplo Foundation f’Ġinevra – ingaġġ ta’ membri familjari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux każ ta’ konflitt ta’ interess serju, meta wieħed mill-Konsulenti/Ambaxxaturi għamlu pressjoni sabiex id-Diplo Foundation f’Ġinevra, l-Iżvizzera fejn l-istess Konsulent qiegħed fuq il-Bord Eżekuttiv, dan l-istess Bord ingaġġa lil żewġ membri tal-familja immedjata tal-imsemmi Konsulent/Ambaxxatur? Jista’ jgħid jekk jafx b’dan l-inġaġġ u jekk ittieħdux passi fil-konfront ta’ dan il-Konsulent/Ambaxxatur fid-dawl ta’ dan il-konflitt ta’ interess serju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta’ dawn iż-żewġ funzjonarji li għalihom qiegħed nirreferi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diplo Foundation hija fondazzjoni awtonoma u li l-Ministeru m’għandu l-ebda kontroll amministrattiv fuqha. Fil-fatt sa mit-twaqqif tagħha l-Fondazzjoni hija korp awtonomu u b’personalità ġuridika distinta.

Brexit – investiment tanġibbli attirati lejn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment tanġibbli f’termini ta’ ammonti ta’ Ewro, irnexxielhom jattiraw, stabbilew ruħhom u dawk li huma fil-proċess li jistabbilixxu ruħhom f’Malta b’riżultat tal-proċess tal-Brexit?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellent li l-Ministeru tiegħi ma jżommx din l-informazzjoni.

Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u d-Diplomazija Ekonomika? Kemm-il darba ltaqa’ minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X’kienu s-suċċessi ta’ dan il-Kumitat? X’sar minn dan il-Kumitat sabiex jattira kummerċ u investiment lejn Malta mid-Dijaspora Maltija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika magħruf aħjar bħala Joint Stakeholders Working Council, huwa ppresjedut mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u kompost minn rappreżentanti mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar; il-Ministeru għall-Finanzi; Trade Malta; Malta Enterprise; Finance Malta; l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu; il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta; il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex; u l-General Retailers and Traders Union. Minn Marzu 2013 `l hawn dan il-kumitat iltaqa’ tmienja u tletin darba. Il-Kumitat kiseb suċċess kbir fejn jidħol it-titjib fil-komunikazzjoni bejn in-network diplomatiku ta’ Malta u entitajiet pubbliċi u privati Maltin involuti fis-settur kummerċjali. Il-Kumitat jipprovdi pjattforma għal diskussjoni dinamika u saħħaħ is-sinerġija bejn dawn l-entitajiet fejn tidħol il-promozzjoni tal-kummerċ. Il-Kumitat jieħu ħsieb iwassal informazzjoni dwar avvenimenti kummerċjali li jkunu ser jittellgħu lil hinn minn xtutna, fil-waqt li jservi ta’ forum sabiex flimkien naqsmu tagħrif dwar visti uffiċjali li jkunu ser iseħħu f’Malta u lil hinn minn pajjiżna, bħal ngħidu aħna Visti Statali u Uffiċjali fejn il-qasam tal-kummerċ ikollu ċ-ċans jipparteċipa flimkien ma’ entitajiet u kumpaniji minn pajjiżi oħra li daqstant ieħor ikunu qed ifittxu opportunitajiet ta’ kummerċ. Ir-rappreżentanti tad-Dijaspora Maltija mhumiex rappreżentati fuq dan il-Kumitat.

Maltin f’ħabsijiet barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ċittadini Maltin maqbudin f’ħabsijiet barra minn Malta? Jista’ jgħid kemm hemm ċittadini Maltin li talbu l-għajnuna tal-Gvern Malti sabiex jinġabu lura Malta, peress li minħabba raġuni jew oħra fejn jinsabu ma jistgħux jiġu? Jista’ jgħid ukoll fiex wasal il-proċess sabiex jinġabu lura pajjiżhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm erbatax-il persuna (14) ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta. Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt: Albanija (1) Awstralja (7) Brazil (1) Franza (1) Italy (1) Libja (1) Renju Unit (1) Tuneżija (1) Filwaqt li ħamsa (5) li jinsabu fl-Albanija, fil-Brazil, fi Franza, fir- Renju Unit u fit-Tuneżija rispettivament qegħdin iservu sentenza ta’ ħabs, it-tnejn (2) li hemm fil-Libja u l-Italja qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi pproċessat rispettivament. Mill-banda l-oħra mis-seba’ każijiet fl-Awstralja, sitta (6) minnhom jinsabu miżmuma f’detenzjoni u qed jistennew li każ tagħhom jiġi pproċessat, filwaqt li f’każ ieħor il-persuna (1) wara li skontat is-sentenza ta’ priġunerija mogħtija lilha intbagħet f’ċentru apposta. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dan l-ammont jikkorispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.

Brexit – drittijiet tal-Maltin

Question

Peress li bħal Ċipru Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll, membru tal-Commonwealth u kull ċittadin Malti huwa mhux biss ċittadin Ewropew iżda wkoll ċittadin tal-Commonwealth, kif jindika f’dan id-dokument li qed jingħata separatament, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jagħmel il-Gvern Malti sabiex wara l-Brexit, il-Maltin ma jitilfux dawn id-drittijiet? Saru diskussjonijiet mar-Renju Unit u/jew ma Ċipru dwar dan l-arranġament li Malta u ċ-ċittadini tagħha ilhom igawdu minn meta Malta ssieħbet fil-Commonwealth?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti, kemm pożittivi kif ukoll negattivi, ta’ Brexit fuq pajjiżna. Kumitat fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie stabbilit sabiex iħares aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi tal-Brexit. Il-Ministeru jħares lejn is-sitwazzjoni ta’ Brexit mil-lat bilaterali u għalhekk sar eżerċizzju biex jiġu elenkati il-ftehim bilateral kollha li ġew iffirmati bejn Malta u r-Renju Unit qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan l-eżerċizzju sar sabiex flimkien mal-Ministeri koncernati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kumjmerċ jistħarreġ jekk hemmx bżonn li dawn il-ftehim jkunu reveduti fid-dawl tal-eventwali konkluzzjoni u r-riżultat tan-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE. Il-Ministeru bħalissa qiegħed ukoll isegwi t-taħditiet li qegħdin isiru fuq livell Ewropej. Għal dan il-għan, il-Ministeru qed jiffoka ħafna mill-attenzjoni tiegħu fuq is-suġġett taċ-ċittadini Maltin fir-Renju Unit, li għandhom dritt għat-tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom wara l-Brexit u kif jistgħu jiksbu s-“Settled Status”. Dan sabiex jkunu jistgħu jibqgħu residenti fir-Renju Unit wara l-Brexit. Għalhekk il-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu mal- Maltin li jgħixu fir-Renju Unit u, filwaqt li qed neżamina l-kwistjonijiet li jikkonċernawhom, qiegħed jistudja l-aħjar mod sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv li jista’ jkun hemm fuq il-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra b’riżultat ta’ Brexit.

Ambaxxati – rapporti ta’ serq ta’ passaporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tul is-sena li għaddiet irrappurtaw mal-Ministeru u mal-Ambaxxati tiegħu li kien insterqilhom l-passaport?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2017, il-Ministeru u l-Ambaxxati tiegħu rċevew wieħed u sittin (61) rapport ta’ serq ta’ Passaporti Maltin.