Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27142, 27428, 27480 u 27786 u jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella t'hawn taħt turi n-nefqa li saret matul l-2024 fuq reklamar. Mezz ta’ xandirJannar - Diċembru 2024 esk VAT Radio€63,700.60 TV€117,220.00

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Kiri ta’ karozzi - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24410 u jgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — TCNs - Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi (TCNs) jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u kemm hu twil il-kuntratt tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20928.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul April 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W408.

Sit tal-Gvern ‘Konsultazzjoni Pubblika’ — Proposti ta’ liġijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26423 u jgħid jekk proposti ta’ liġijiet ġodda li qed isiru fuq is-sit tal-Gvern intitolata ‘Konsultazzjoni Pubblika’ humiex qed jiġu vetted mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qabel ma jiġu ppubblikati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Unità tal-Leġiżlazzjoni tagħmel vetting ta' kull liġi qabel il-pubblikazzjoni finali tagħha.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx/kienx hemm deputati/ex-deputati tal-Gvern Laburista fil-bordijiet ta' Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema bord ta' Awtorità/Aġenzija/Entità jinsabu/kienu jinsabu, x'pożizzjoni għandhom/kellhom u x'inhi/kienet il-kariga tagħhom? X'remunerazzjoni u perkaċċi oħra jieħdu/kienu jieħdu għal tali pożizzjoni? X'inhu/kien it-terminu tal-ħatra tagħhom, u jekk tali ħatra għadha fis-seħħ, meta hu t-terminu ta' din il-ħatra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27142, 27428 u 27480 u jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Kummissarju għar-Riforma tal-Liġijiet – Kuntratti maħruġa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27475 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27229, jista’ l-Ministru jippreżenta l-lista tal-kuntratti kollha maħruġa mill-Kummissarju għar-Riformi tal-Liġijiet, mill-ħatra tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Helpline 138 — Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika dettaljata dwar il-kategoriji tal-ilmenti u/jew rapporti li daħlu sa mit-tnedija tal-Helpline 138?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-aħħar ta’ Marzu 2025.

Helpline 138 — Ilmenti dwar storbju

Question

Minn fost l-ilmenti kollha li daħlu fuq il-Helpline 138, jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom kienu ilmenti dwar storbju, kemm mir-rapporti ġew investigati f’aktar dettall, xi kriterji jintużaw biex jiġi deċiż jekk każ partikolari ta’ storbju eċċessiv jimmeritax investigazzjoni dettaljata, u kemm mill-każi investigati iżjed fil-fond wasslu għal xi forma ta’ konklużjoni jew azzjoni formali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq il-Helpine 138 saru 72 telefonata bi lmenti relatati ma’ storbju, inkluż ukoll ma dan vibrazzjonijiet relatat ma’ kostruzzjoni. Kull ilment li jsir jiġi investigat fid-dettall mill-Awtorità kkonċernata u tittieħed l-azzjoni neċċessarja.

Vjolenza domestika – Każijiet assenjati lill-maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm maġistrati li qed jisimgħu l-każijiet ta’ vjolenza domestika bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kemm għandu każijiet assenjati kull Maġistrat?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21037.

Vjolenza domestika – Seduti għal każijiet li jridu jinstemgħu għall-ewwel darba

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21036, jista’ l-Ministru jgħid liema hija l-iktar data ’l bogħod għall-ewwel seduta dwar vjolenza domestika bħalissa?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iktar data ’l bogħod għall-ewwel seduta ta’ kawża ta’ vjolenza domestika hija dik tal-10 ta’ Ġunju, 2025 fil-Qrati ta’ Malta u tal-15 ta’ Lulju 2025 fil-Qrati ta’ Għawdex.

Vjolenza domestika – Ordni ta’ protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ protezzjoni f’każijiet ta’ vjolenza domestika tul l-2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2024 l-ammont ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni f’każijiet ta’ vjolenza domestika kienu dawk ta’ elf tnejn u tmenin (1082) fil-Qrati ta’ Malta u sebgħa (7) fil-Qrati ta’ Għawdex.

Qrati tal-Ġustizzja — Uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21490 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex il-Qrati tal-Ġustizzja jkollhom uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għandha uffiċċju tar-relazzjonijiet pubbliċi u bħalissa għaddej il-proċess minn naħa tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għall-ingaġġ ta’ persuna sabiex jimtela il-post vakanti fl-imsemmi uffiċċju.

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni — Każijiet investigati mill-pulizija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21295 fejn intqal li skont artikolu 11(a) ta’ Kap. 326, “jekk fil-fehma tal-Kummissjoni, l-imġiba investigata hija korrotta jew tista’ tkun konnessa ma’, jew tista’ twassal għal atti ta’ korruzzjoni, ir-rapport tar-riżultati tal-investigazzjoni għandhom jiġu mgħoddija lill-Avukat Ġenerali.”, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm investigazzjonijiet tal-Kummissjoni li ġew mgħoddija lill-Avukat Ġenerali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena I-Kummissjoni Permanenti dwar il-Korruzzjoni ma bagħtet ebda rapport lill-Avukat Ġenerali minħabba li f'ebda rapport magħluq ma kien hemm sejbien ta' xi wieħed mir-reati indikati fl-artikolu 6 tal-Kap 326.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Gazzetta tal-Gvern - Avviżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill- Onor. Interpellant illi l-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.

Kummissarju għar-Riforma tal-Liġijiet – Kuntratti maħruġa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27229, jista’ l-Ministru jippreżenta l-lista tal-kuntratti kollha maħruġa mill-Kummissarju għar-Riformi tal-Liġijiet, mill-ħatra tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Vjaġġi uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt vjaġġi uffiċjali barra l-pajjiż qattx kien akkumpanjat minn familjari tiegħu jew ta’ xi membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid: (a) F'liema vjaġġi l-Ministru u/jew il-kontinġent tiegħu kienu akkumpanjati minn familjari tagħhom? (b) Min kienu dawn il-familjari għal kull vjaġġ? (ċ) Kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljett tal-ajru, akkomodazzjoni, trasport, ikel, xorb u spejjeż oħra, separatament, għal kull membru tal-kontinġent f'kull vjaġġ li fih kien hemm ukoll membru/i tal-familja tal-Ministru u/jew tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? (d) Jekk l-ispejjeż ta' kull membru tal-familja tal-Ministru u/jew tal-membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu tħallsux minn fondi pubbliċi jew minn fondi personali, u jekk dawn tħallsu minn fondi personali jippreżenta l-irċevuti uffiċjali ta' dawn l-ispejjeż?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 23572, fejn spjegajtlu diġa illi l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, per diem allowances huma rregolati skont il-Manual on Transport and Travel Policies, ninfurmah li d-drabi fejn kont akkumpanjat minn membri tal-familja tiegħi, l-ispiża tħallset minn fondi privati u mhux dawk pubbliċi.

Vjolenza domestika – Każijiet fil-qrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta’ vjolenza domestika li qed jinstemgħu fil-qrati Maltin bħalissa?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika li qed jinstemgħu bħalissa huwa dak ta’ elfejn ħames mija sitta u disgħin (2596) quddiem il-Qrati ta’ Malta u ħamsa u ħamsin (55) quddiem il-Qorti ta’ Għawdex.