Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema First Aiders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati, fid-dekasteru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, li huma First Aiders?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Żebbuġ, Għawdex – Telgħa ta’ Triq is-Sagħtrija — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6392 dwar xogħlijiet li saru fil-parti tat-telgħa ta' Triq is-Sagħtrija fiż-Żebbuġ, Għawdex, mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022, fejn kien ġie mwieġeb li 'l-informazzjoni mitluba tkun tista’ tingħata appena l-ispiża tkun definittiva', jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispiża li saret mid-Diviżjoni tal-Istrateġija u s-Sapport sabiex saret it-trinka biex ikun jista’ jiġi mgħoddi l-cable tal-elettriku u jgħid kemm ġie jiswa dan il-cable? Jista’ jgħid ukoll jekk id-downlighters bdewx jinxtegħlu? Jista’ jgħid għala għaddiet iktar minn sena u din it-trinka għadha ma ġietx asfaltata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża saret hekk kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt: Gullies u HDPE corrugated pipes € 1,679.80 Provvista tas-servizz mill-Enemalta € 24,359.00 Ġarr u tqegħid tal-cable tad-dawl, skavar tat-trinka, tqegħid ta’ manholes u xogħlijiet oħra relatati € 9,984,04 Ninsab infurmat li din it-triq ser tiġi asfaltata mill-Kunsill Lokali Żebbuġ permezz ta’ fondi Ewropej wara li ngħalaq il-proċess tas-sejħa għall-offerti li ħarġet mill-istess kunsill.

Għawdex – Osservatorju Astronomiku fil-Qortin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16889 li ngħatat fit-2 ta’ Novembru 2019, għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21026 li ngħatat fl-1 ta’ Ġunju 2021, għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22338 li ngħatat fid-19 ta’ Ottubru 2021 kollha tat-Tlettax-il Leġiżlatura u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4115 li ngħatat fis-6 ta' Diċembru 2022, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-aħħar żviluppi u x-xogħol fuq l-Osservatorju Astronomiku fil-Qortin? Jista’ jgħid jekk l-istruttura tal-osservatorju tlestietx u jekk iva, meta tlestiet u fejn tinsab? Jista’ jgħid ukoll jekk din l-istruttura tpoġġietx fuq il-bejt tal-kmamar eżistenti li hemm fil-Qortin t’Isopu u bdiet tintuża u jekk le, x’inhi r-raġuni li għadha ma tpoġġietx?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-osservatorju astronomiku li jikkonsisti f’dome, telescope u camera wasal mill-Italja u ġie installat fil-post. L-osservatorju tqiegħed fuq il-kmamar eżistenti li hemm il-Qortin T’Isopu u ġie installat mill-fornitur Taljan. Wara li ġie installat sarulu t-testijiet u l-kalibrazzjoni li kien hemm bżonn, fosthom fuq it-telescope tracking, dome tracking, focuser, adaptive optics, auto image guider, filter wheel u l-camera, u ttieħdu ukoll l-ewwel ritratti magħrufa bħala ‘first light’. Ninformah ukoll li l-Università ta’ Malta diġà hemm studenti li se jkunu qed jużaw dan l-ewwel Osservatorju Astronomiku Nazzjonali fir-riċerka tagħhom.

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema (kemm tal-Gvern, skema, kuntrattur jew b'kuntratt) li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, li qed jagħmlu xogħol ta' tindif fuq barra (fit-toroq) u qtugħ ta' ħaxix ħażin mit-toroq, eskluż bajjiet u latrini pubbliċi f’Għawdex? X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 83 ħaddiem li jagħmlu x-xogħol ta’ tindif fuq barra, inkluż il-qtugħ tal-ħaxix. Dawn imqassmin f’sittax-il żona biex ikopru lil Għawdex kollu.

Ċirkewwa Terminal – turbina tar-riħ li mhux tiffunzjona

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn it-turbina tar-riħ li hemm installata fit-terminal taċ-Ċirkewwa mhux tiffunzjona? Jista' jgħid ukoll kemm ilha ma topera u jekk hux qed tistenna li ssir xi tiswija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Marsalforn, Għawdex — Ġnien it-Tliet Għoljiet - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, Għawdex, jiġi rranġat peress li l-playingfield li hemm fih tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda titħejja s-sejħa għall-offerti għall-bdil tat-tagħmir u l-art biex dak li jinxtara jkun konformi mal-istandards nazzjonali u Ewropej li jirregolaw il-playingfields.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema stazzjonati f’Kemmuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li huma stazzjonati f’Kemmuna u minn liema dipartiment ġejjin dawn il-ħaddiema? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema f’Kemmuna matul is-sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 18-il ħaddiem inaddfu Kemmuna b’mod partikolari l-area tal-blue Lagoon. Kuljum qed iniżżlu madwar tunnellata u nofs skart.

Ministru għal Għawdex – laqgħat barra minn Malta fuq xogħol ministerjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7573 fl-intier tagħha u jgħid min akkumpanjah f'kull safra (isem, kunjom u pożizzjoni) u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ, akkomodazzjoni u spejjeż oħrajn għal kull safra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sal-aħħar ta' Marzu 2023 kemm kien hemm ħaddiema fil-Ministeru tiegħu fil-grad ta' Foreman; Foreman Roads; Foreman Carpentry; Foreman Agriculture; u Foreman Cleansing? Jista’ jgħid ukoll ma’ liema Direttorat/Diviżjoni fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jaħdmu? Jista’ jgħid kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

WBRU – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jifformaw il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU)? Fuq liema kriterju ntgħażlu dawn il-membri u/jew lil min jirrappreżentaw? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ kull sena mill-2018 sal-2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi tikkonsisti minn Direttur, Assistent Direttur u disa' uffiċjali oħra. L-uffiċjali kollha ġew impjegati fuq il-bażi tal-għarfien u l-esperjenza tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni li jaqdu. L-uffiċjali kollha jirrappreżentaw direttament lit-Taqsima. Fir-rigward tal-kopji tar-rapporti mitluba, mhuwiex ċar x'tip ta' rapporti qed jintalbu. Madankollu, ir-rapporti kollha ppubblikati mill-WBRU huma pubbliċi u disponibbli fuq il-websajt tagħha taħt is-sezzjoni ‘Reports and Statistics’.

ORNIS Committee – membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-ORNIS Committee? Fuq liema kriterju ntgħażlu dawn il-membri u/jew lil min jirrappreżentaw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Kumitat Ornis jinħatru skont il-liġi.

Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'għamel s'issa u x’beħsiebu jagħmel fil-futur qarib rigward Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbug Għawdex twasslek għax-Xwejni peress li f’dawn l-aħħar xhur f'parti minn din it-triq, proprju fil-kantuniera qrib id-daħla tax-Shooting Range, it-triq bdiet iċċedi u tisfronda? Jista’ jgħid jekk fil-preżent hemmx periklu għan-nies u għall-vetturi li jgħaddu minn din l-imsemmija triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Bini mill-ġdid ta’ ħajt ġol-Wied ta' Żejta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew diversi ġimgħat u għadu ma sarx ix-xogħol meħtieġ u ma nbeniex mill-ġdid il-ħajt li waqa’ fil-Wied ta' Żejta fi Triq is-Sellum? Jista’ jgħid meta bejn wieħed u ieħor ser jinbena mill-ġdid dan il-ħajt biex tiġi evitata xi diżgrazzja u jitneħħa l-periklu kbir li hemm fil-preżent?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Rabat, Għawdex — Triq Santa Dminka – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħlijiet inbdew fuq parti minn Triq Santa Dminka, fir-Rabat Għawdex, f’dawn l-aħħar ġimgħat u fiex jikkonsistu? Jista’ l-Ministru jgħid x’fadal isir u meta hu ppjanat bejn wieħed u ieħor li jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Żebbuġ, Għawdex – Triq il-Ponta — bankina

Question

Jista' l-Minisru jgħid meta se ssir il-bankina fi Triq il-Ponta, fiż-Żebbuġ Għawdex, quddiem ir-residenza li l-isem tagħha qed jingħata separatament, u dan stante li din ilha mitluba żmien twil u sal-lum baqgħet ma saritx?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed ngħaddi din it-talba tiegħu lid-Direttorat ikkonċernat.

Għajnsielem/Nadur — Triq Sant’Antnin/Triq l-Imġarr - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn kienu l-periti involuti min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex fuq ix-xogħol li sar fuq Triq Sant Antnin, f’’Għajnsielem, u fuq Triq l-Imġarr, fin-Nadur, sa minn meta beda x-xogħol sal-lum? Jista’ jgħid kif ġie ingaġġat kull perit, ċjoè jekk hux direttament jew wara sejħa għall-offerti? Jista’ jgħid ukoll kull perit kemm tħallas sal-lum għal dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – rapporti kriminali mis-Segretarju Permanenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7264, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tiegħu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 7264.

Rabat, Għawdex – Triq San Anard – inċidenti kawża ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv

Question

Fid-dawl tal-inċidenti riċenti li seħħew fi Triq San Anard, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex — investiment f’bini ta’ rotot ġodda għar-roti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3958 rigward il-€35 miljun li se jiġu investiti minn Infrastructure Malta fuq medda ta’ ħames snin sabiex f’Malta jinbnew rotot ġodda għar-roti ħalli kull min irid jagħmel użu minn dan it-trasport alternattiv ikun jista’ jagħmel dan b’mod sigur, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il miljun se jinvesti l-Ministeru għal Għawdex biex jinbnew rotot ġodda għar-roti ġewwa l-gżira ta' Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn ikun possibbli tkun inkluża lane għar-roti bħalma ġara fi Triq iż-Żewwieqa fil-Qala, u bħal kif inhu propost għat-triq li mir-Rabat twassal għal Marsalforn.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema sekondati jew on loan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5397 u jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema seconded jew on loan mal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena u xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x’kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description) u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tingħata f’xi seduta oħra.