Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — nista tqal li jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet f'dawn l-aħħar ħames snin, kull xahar separatament, ta' nisa Għawdxin tqal li jaħdmu fid-dekasteru tal-Ministru biex matul it-tqala tagħhom jiġu trasferiti proviżorjament f'Għawdex? Jista' jgħid meta ntlaqgħet kull talba mill-bord konċernat u jgħid meta ġie awtorizzat it-trasferiment proviżorju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kwestjoni dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13317 u 12851 u jinvestiga għaliex il-kont tad-dawl u l-ilma, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, intbagħat lis-sid tal-post in kwestjoni li kien qaleb il-meters fuq l-inkwilini, meta f'dan il-perjodu l-kont ma kienx fuq ismu? Ma jidhirlux il-Ministru li s-sid tal-post ma kellu x'jaqsam xejn ma' dawn il-kontijiet u mhux dovut li jħallashom għax ma kellux x'jaqsam magħhom? Jista' jgħid għaliex din il-persuna qed tkun imwissija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li se taqta' s-servizz f'dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma rċievet applikazzjoni għar-Registrazzjoni ta’ bidla tal-konsumatur biex il-kontijiet jinqalbu min fuq is-sid għal fuq l-inkwilin. Il-kont tal-post imsemmi ntbagħat lis-sid għar-raġuni li l-kont għadu jgħajjat lilu. Il-kontijiet pendenti li s-sid ircieva l-ittra tagħhom huma responsabbiltà tas-sid li huwa stess aċċetta billi ffirma l-istess formula. Bħala proċedura tal-korporazzjoni il-kont ma jistax jinqaleb min fuq is-sid għal fuq l-inkwilin qabel ma jitħallsu il-kontijiet pendenti dovuti mis-sid.

Diskussjonijiet f'laqgħat ma' Renzo Piano

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġie diskuss fl-aħħar laqgħat li l-Gvern kellu ma' Renzo Piano? X'deċiżjonijiet ittieħdu? Għalfejn il-Gvern ħass il-ħtieġa li jagħmel dawn il-laqgħat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li jsiru laqgħat regolari ma' Renzo Piano Building Workshop sabiex jiġi mmonitorjat il-progress ta' dan il-proġett.

Pont bejn Sant Iermu u l-breakwater

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti sabiex jinbena l-pont minn Sant Iermu għall-breakwater? Min huma l-persuni/awtorità responsabbli minn dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Vapuri marbuta fl-ibħra Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni u kontroll fuq kemm vapuri qed ikun hemm marbuta fl-ibħra Maltin? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kien l-ammont ta' vapuri? Jista' jgħid x'kien id-daqs u ta' liema bandiera kienu l-vapuri marbuta fix-xahar ta' Diċembru 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili — informazzjoni fuq ajruplani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13531 u ċioe: B'riferenza għall-mistosija parlamentari 12076 u it-tweġibiet mogħtija mill-Ministru jista' l-Ministru jelenka x'kienu preċiż il-problemi hekk imsejħin ta' natura "teknika u ammistrattiva"? Min kien responsabbli minnhom dawn il-problemi u jipprezenta kopja ta' kwalsijasi dokument maħruġ mid-dipartiment lill-propjetarju ta' ajruplan 9H-UMW fejn fiha dan ta' l-aħħar ġie infurmat b'dawn il-problemi? Jista' jinforma b'liema obligazzjoni legali, direttiva jew ordinanza d-Direttur ta' l-Avjazzjoni Ċivili ta' Malta uża li tobbliga lill-propjetarju ta' l-imsemmi ajruplan li biex jinħariġlu permit to fly permanenti irid bilfors jibbaża l-ajruplan tiegħu f'Malta? Peress li jirrizultali li fil-23 t'Ottubru 2009 id-Direttur Generali informa permezz ta' telefonata lis-Segretarju ta' l-Aero Club Malta li l-ispezzjoni ta' l-ajruplan 9H-UMW kellha issir mill-Airworthiness Manager nhar it-Tnejn 26 t'Ottubru 2009 fid-9.00am; u peress li meta il-propjetarju u rapprezentant ta' l-Aero Club Malta marru jiltaqgħu mal-Airworthiness Manager dan irrifjuta mingħajr raġuni li jispezzjona l-ajruplan kif kien ordna id-Direttur Generali, jista' jgħid jekk ittieħdux jew hux se jittieħdu passi għal dan l-aġir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-problemi li qed tirreferi għalihom l-Onor Interpellant kienu ta’ natura ta’ volum qawwi ta’ xogħol ta’ natura urġenti li kellu quddiemu l-Airworthiness Inspector tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili. Barra minn hekk wieħed irid iqis ukoll il-fatt li l-ajruplan in kwestjoni kien wieħed totalment ġdid li bħalu ma kienx hawn Malta u li allura dan kien jikkumplika xi ftit il-proċess ta’ ħruġ ta’ Permit to Fly. Fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbiltà ta’ dawn il-problemi kienet tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili li huwa fdat bir-responsabiltajiet ta’ dan it-tip. Jien infurmat li ma nħareġ l-ebda dokument mid-dipartiment lill-propjetarju tal-ajruplan 9H-UMW fejn dan kien infurmat bil-problemi għalkemm il-propjetarju kien infurmat b’telefonata. Jien infurmat ukoll li l- Permit to Fly mhux ċertifikat li jaqa’ taħt ir-rekwiżiti tal-Internationl Civil Aviation Organisation iżda huwa wieħed li japplika biss għal skopijiet ta’ titjiriet lokali fit-territorju ta’ Malta. F’dan il-kuntest id-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili jista’ jinsisti għal dawk il-kundizzjonijiet li huwa jkun jidhirlu xierqa sabiex tkun assigurata is-sikurezza tal-ajruplan, il-bdot tiegħu, kif ukoll il-pubbliku in ġenerali. F’dan il-każ id-Dipartiment ħass li jkun diffiċli li jagħmel superviżjoni xierqa fuq ajruplan li jingħata Permit to Fly permanenti fuq it-territorju Malti meta l-ajruplan in kwistjoni l-anqas biss ikun ibbażat Malta. Fl-aħħar nett għalkemm huwa minnu li d-Direttur Ġeneral kien informa lis-Segretarju Ġenerali ta’ l-Aero Club Malta li l-ispezzjoni tal-ajruplan kienet intenzjonata li ssir fis 26 ta’ Ottubru, din ma setgħetx issir fil-ġurnata stabbilita għar-raġunijiet li diġa semmejt u f’dan il-kuntest ma ġiet miksura l-ebda ordni tad-Direttur Ġenerali u kif ġa intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12076, l-anqas mhu minnu li l-Airworthiness Manager irrifjuta mingħajr raġuni valida. Għal dawn ir-raġunijiet mhux il-każ li jittieħdu xi passi kontra xi persuna.

Dawl blu minflok abjad fil-fanali tal-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14370, 14106, 13885, 13569, 13080, 12871 u 12655 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12393, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qed tittieħed in kwantu l-ħafna vetturi li għandhom fanali jitfgħu dawl blu?

Response (GATT, AUSTIN)

L-ewwelnet nixtieq nikkoreġi r-risposta li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12393 fis-sens li l-fanali ta’ quddiem tal-vetturi huma permessibli li jitfgħu dawl abjad jew isfar jew inkella kulur ieħor li jkun approvat minn Transport Malta u dan skond il-verżjoni bl-ingliż tar-Regolament Numru 100 tar-Regolamenti Dwar Vetturi bil-Mutur. Ninsab infurmat li hemm diskrepanza bejn il-verżjoni bl-ingliż u dik bil-malti tal-imsemmi regolament u dan fis-sens li fil-verżjoni Maltija hemm nieqsa l-parti li tirrikjedi l-approvazzjoni ta' Transport Malta meta d-dawl ma jkunx abjad jew isfar. Minħabba f’hekk Transport Malta sabet ruħha f’diffikultà legali sabiex tieħu passi kontra dawk li għandhom id-dawl kulur blu. Qed jittieħdu passi biex din id-diskrepanza fir-regolament tkun irranġatha.

Ħal Luqa — toroq li jirrikjedu xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni meta s-segwenti toroq ġo Ħal Luqa li kienu mwiegħda mill-Awtorità dwar it-Trasport li se jitlestew sat-30 ta' Diċembru 2008 u sal-lum għadhom m' humiex lesti, effetivament ser jitlestew? It-toroq huma: a) Triq Pietru Saliba b) Triq Ġuseppi Ellul ċ) Triq Patri Indri Schembri d) Triq Sebastiano Saliba Oltre fi Triq Pietru Saliba jeħtieġ ukoll li tinfetaħ parti mit-triq diġà proġettata għal dan il-għan biex l-ilma tax-xita ma jibqax jidħol fir-residenzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Belt Valletta — traffic modelling ta' Triq Papa Piju 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux qed isir traffic modelling tas-sistema tat-traffiku tal-Belt Valletta, partikolarment il-bidliet li se jseħħu bit-tneħħija tat-Triq Papa Piju 5? Jista' jqiegħed ir-riżultati ta' dan il-modelling fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Testijiet għal liċenzja ta' driving instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) X'inhi r-raġuni li minħabba fiha ilhom bosta xhur ma jsiru testijiet biex individwi jingħataw il-liċenzja ta' driving instructors ? b) Jista' jindika kif u meta din is-sitwazzjoni ser tiġi rimedjata? ċ) Kemm hemm persuni li applikaw u għadhom qed jistennew biex isirilhom dan l-eżami għal-liċenzja msemmija hawn fuq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sabiex wieħed jingħata liċenzja ta’ instructor irid jagħmel tliet testijiet konsekuttivi jiġifieri wieħed tat-teorija, imbagħad test prattiku fis-sewqan u imbagħad test ta' abbilità ta’ instructor. Jien infurmat li fil-verità m’hemmx dewmien sabiex wieħed jitla’ għall-ewwel test u appuntamenti għal dan il-għan b’mod regolari jingħataw tliet ġimgħat wara li tiddaħħal applikazzjoni. Jekk applikant ma jattendix għal xi test minnhom jew inkella ma jgħaddix allura imbagħad fi żmien tlett ġimgħat jingħata appuntament ieħor minflok li jintalab jerġa japplika. Minħabba f’hekk sabiex wieħed jikkalkula t-tul ta’ żmien li applikant ikun ilu jistenna m’għandhiex tittieħed d-data ta’ l-ewwel applikazjoni iżda l-aħħar data li fiha l-applikant ikun m’attendiex jew inkella li fiha ma jkunx għadda mit-test. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-pożizzjoni ta’ dawk li kienu applikaw sal-ewwel ġimgħa ta’ Novembru.

Kumpens lill-bdiewa għal ħsara fil-prodotti tagħhom — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u fejn irid japplika bidwi jekk mill-għelieqi tiegħu jgħaddu triq u ssirlu ħsara kbira fis-siġar u prodotti tal-għalqa tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ilmenti tat-tip li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant għandhom isiru lid-Direttorat tat-toroq fi ħdan l-Malta Transport.

Ħsara fl-għelieqi permezz ta' rikostruzzjoni ta' triq — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn irid japplika bidwi wara li jkun hemm rikostruzzjoni ta' triq u din iġġiblu ħafna ħsara fil-għelieqi tiegħu peress li kull xita li tagħmel jgħaddi l-ilma kollu minn dawn l-għelieqi u jkaxkarlu l-uċuħ li jkollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12538.

Rabat — Triq Għeriexem - sbroff ta' drenaġġ fir-raba'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu matul dan is-sajf sabiex is-sistema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Għeriexem ma tisbroffax iktar fir-raba' ta' taħt l-Imtarfa matul din x-xitwa, liema drenaġġ qed jispiċċa fir-riserva tal-ilma tax-xita u fl-ispiera li t-tnejn li huma għadhom jintużaw sal-ġurnata tal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tnaddaf is-sistema tad-drenaġġ ma ġenb ir-raba’ ta’ taħt l-Imtarfa.

kumpens għal kontaminazzjoni ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jingħatax kumpens lil xi ħadd li jkollu l-ilma ġieri u riserva ta' ilma sostanzjali u dan ma jkunx jista' jagħmel użu minnu għaliex ikun qed jiġi kontaminat minn drenaġġ u jkollu jixtri huwa stess l-ilma biex jagħmel użu minnu għall-uċuħ tar-raba' tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-WSC tikkunsidra kull talba għall-kumpens li tirċievi u d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.